Ester 9:1-32

  • Ir-rebħa tal-Lhud (1-19)

  • Tiġi stabbilita l-Festa tal-Purim (20-32)

9  Fit-13 tat-12-il xahar, jiġifieri x-xahar t’Adar,* ġara dak li kien hemm miktub fil-liġi tar-re. Dakinhar, l-għedewwa tal-Lhud kienu qed jittamaw li jirbħulhom, imma minflok, il-Lhud rebħu lil dawk li kienu jobogħduhom. 2  Il-Lhud inġabru flimkien fil-bliet tagħhom fil-provinċji* kollha tar-Re Aħasweru biex jattakkaw lil dawk li kienu qed jipprovaw jagħmlulhom il-ħsara, u ħadd ma setaʼ jirbħilhom, għax il-popli kollha bdew jibżgħu minnhom. 3  U l-mexxejja kollha tal-provinċji, is-satrapi,* il-gvernaturi, u dawk li jaħdmu mar-re kienu qed jappoġġaw lil-Lhud, għax huma beżgħu minn Mordekaj. 4  Mordekaj kien sar importanti ħafna fil-palazz tar-re u kien qed isir magħruf mal-provinċji kollha, għax iktar m’għadda żmien iktar kellu awtorità. 5  Il-Lhud attakkaw lill-għedewwa kollha tagħhom bix-xabla, qatluhom, u qerduhom għalkollox. Huma għamlulhom dak li riedu. 6  Fil-palazz* taʼ Susan,* il-Lhud qatlu u qerdu 500 raġel. 7  Huma qatlu wkoll lil Parsandata, Dalfon, Asfata, 8  Porata, Adalja, Aridata, 9  Parmasta, Arisaj, Aridaj, u Vajżata, 10  l-għaxar subien taʼ Ħaman bin Ħammedata, l-għadu tal-Lhud. Imma wara li qatluhom, ma ħadu xejn minn tagħhom. 11  Dakinhar lir-re qalulu kemm inqatlu fil-palazz* taʼ Susan.* 12  Ir-re qal lir-Reġina Ester: “Fil-palazz* taʼ Susan,* il-Lhud qatlu u qerdu 500 raġel u lill-għaxar subien taʼ Ħaman. X’għamlu fil-bqija tal-provinċji tiegħi? Għidli x’tixtieq u nagħtihulek! U x’tixtieq li jsir iktar? Għidli u jsir!” 13  Ester wiġbitu: “Jekk jidhirlek li hu tajjeb, agħti permess lil-Lhud li qegħdin f’Susan* biex għada jerġgħu jagħmlu bħalma tgħid il-liġi tal-lum. U ħa jiġu mdendlin maz-zokk l-għaxar subien taʼ Ħaman.” 14  Għalhekk, ir-re kkmanda biex isir hekk. Imbagħad ħarġet liġi f’Susan,* u l-għaxar subien taʼ Ħaman ġew imdendlin. 15  Il-Lhud f’Susan* reġgħu nġabru flimkien fl-14 tax-xahar t’Adar, u qatlu 300 raġel f’Susan, imma ma ħadu xejn minn tagħhom. 16  Il-bqija tal-Lhud fil-provinċji tar-re wkoll inġabru flimkien u ddefendew ruħhom. Huma ħelsu mill-għedewwa tagħhom billi qatlu 75,000 minnhom, imma ma ħadu xejn minn tagħhom. 17  Dan ġara fit-13 t’Adar, u fl-14 huma straħu, iċċelebraw, u ferħu. 18  Il-Lhud f’Susan* inġabru fit-13 u l-14 tax-xahar, u fil-15 straħu, iċċelebraw, u ferħu. 19  Imma l-Lhud li kienu joqogħdu fil-bliet barra l-belt kapitali, iċċelebraw u ferħu fl-14 tax-xahar t’Adar. Fih huma bagħtu ikel lil xulxin. 20  Mordekaj niżżel dak li ġara bil-miktub u bagħat ittri uffiċjali lil-Lhud kollha f’kull provinċja tar-Re Aħasweru, kemm dawk viċin u kemm dawk ’il bogħod. 21  Hu kkmandahom biex kull sena jiċċelebraw kemm l-14 u kemm il-15 tax-xahar t’Adar, 22  għax f’dawk il-ġranet il-Lhud ħelsu mill-għedewwa tagħhom u f’dak ix-xahar id-dwejjaq kbar li kellhom inbidlu f’ferħ, u l-jum taʼ swied taʼ qalb sar jum taʼ festa. Huma kellhom jiċċelebrawhom bħala ġranet taʼ festa u ferħ, u bħala żmien biex jibagħtu ikel lil xulxin u jagħtu rigali lill-foqra. 23  Il-Lhud qablu li jiċċelebraw dawn il-ġranet kull sena u li jagħmlu bħalma kiteb Mordekaj. 24  Għax Ħaman bin Ħammedata l-Agagi, l-għadu tal-Lhud kollha, kien ippjana biex jeqred lil-Lhud, u kien tefaʼ l-Pur, jiġifieri x-Xorti, biex jaqlgħalhom paniku u jeqridhom. 25  Imma meta Ester marret għand ir-re, hu ħareġ kmand bil-miktub biex il-pjan mill-agħar taʼ Ħaman kontra l-Lhud jiġi fuqu. Għalhekk, dendlu lilu u lis-subien tiegħu maz-zokk. 26  Hu għalhekk li sejħu dawn il-ġranet Purim, mill-isem tal-Pur.* B’hekk, minħabba dak li kien hemm miktub f’din l-ittra u minħabba dak li ġralhom, 27  il-Lhud għamlu ċert li huma, dawk li se jiġu minnhom, u dawk kollha li ngħaqdu magħhom jibqgħu jiċċelebraw dawn il-jumejn u jagħmlu dak li hemm miktub dwarhom fiż-żmien li kellhom isiru kull sena. 28  Dawn il-ġranet kellhom jiġu mfakkrin u ċċelebrati minn kull ġenerazzjoni, familja, provinċja, u belt. Il-festa tal-Purim għandha tibqaʼ tiġi ċċelebrata mil-Lhud u m’għandhiex tintesa minn dawk li kienu se jiġu minnhom. 29  Imbagħad inkitbet ittra oħra dwar il-Purim, u r-Reġina Ester, it-tifla taʼ Abiħajl, u Mordekaj il-Lhudi kkonfermawha bl-awtorità li kellhom. 30  Lil-Lhud kollha fil-127 provinċja tat-tmexxija t’Aħasweru ntbagħtulhom ittri uffiċjali bi kliem taʼ paċi u verità. 31  Dawn l-ittri nkitbu biex jikkonfermaw li għandha tiġi ċċelebrata l-Festa tal-Purim fi żmienha, li tinkludi s-sawm u t-talb bil-ħniena,* bħalma qalulhom biex jagħmlu Mordekaj il-Lhudi u r-Reġina Ester. Ukoll, in-nies kienu għamlu ċert li huma u dawk li kienu se jiġu minnhom jagħmlu hekk. 32  U l-kmand taʼ Ester ikkonferma dawn l-affarijiet dwar il-Purim, u dan ġie mniżżel bil-miktub fi ktieb.

Noti taʼ taħt

Jew “fid-distretti.”
Jiġifieri l-mexxejja prinċipali tar-re.
Jew “Fil-fortizza; Fiċ-ċittadella.”
Jew “Susa.”
Jew “fil-fortizza; fiċ-ċittadella.”
Jew “Susa.”
Jew “Fil-fortizza; Fiċ-ċittadella.”
Jew “Susa.”
Jew “f’Susa.”
Jew “f’Susa.”
Jew “f’Susa.”
Jew “f’Susa.”
“Pur” ifisser “Xorti.” Il-plural tagħha “Purim” beda jintuża għall-festa tal-Lhud li tiġi ċċelebrata fit-12-il xahar tal-kalendarju qaddis. Ara App. B15.