Neħemija 6:1-19

  • Tkompli l-oppożizzjoni għall-bini (1-14)

  • Is-sur jitlesta fi 52 ġurnata (15-19)

6  Sanballat, Tobija, Gesem l-Għarbi, u l-kumplament tal-għedewwa tagħna ntqalilhom li jien kont bnejt is-sur u li ma kienx għad hemm partijiet imwaqqgħin (għalkemm sa dak iż-żmien kont għadni ma waħħaltx il-bibien). 2  U Sanballat u Gesem mill-ewwel bagħtuli dan il-messaġġ: “Ejja niftiehmu ħalli niltaqgħu flimkien fl-irħula tal-Pjanura tal-Wied t’Ono.” Imma huma kienu qed jippjanaw biex jagħmluli l-ħsara. 3  Għalhekk, bgħatt messaġġiera jgħidulhom: “Qed nagħmel xogħol importanti ħafna u ma nistax niġi. Għala għandu x-xogħol jieqaf biex niġi ħdejkom?” 4  Huma bagħtuli l-istess messaġġ erbaʼ darbiet, u kull darba wiġibthom l-istess ħaġa. 5  Imbagħad Sanballat bagħat lill-qaddej tiegħu bl-istess messaġġ għall-ħames darba, u b’ittra miftuħa f’idu. 6  Fiha kien hemm miktub: “Il-popli qed jgħidu li int u l-Lhud qed tippjanaw biex tirribellaw kontra r-re, anki Gesem qed jgħid hekk. Huwa għalhekk li qed tibnu s-sur. U skont dak li qed jintqal, int se ssir ir-re tagħhom. 7  Ukoll, int qabbadt profeti biex jgħidu f’Ġerusalemm kollha, ‘Hemm re f’Ġuda!’ Issa dan se jintqal lir-re tagħna. Mela ejja ħa niddiskutu dan flimkien.” 8  Imma jien bgħattlu din it-tweġiba: “Xejn minn dak li qed tgħid mhu veru. Int qed tivvintah.” 9  Għax huma kienu qed jipprovaw ibeżżgħuna, għax ħasbu li se naqtgħu qalbna* u mhux se nkomplu x-xogħol. Imma jien tlabt lil Alla biex jagħtini l-kuraġġ. 10  Imbagħad jien mort għand Semajja bin Delaja u n-neputi taʼ Meħetabel waqt li ma kienx qed joħroġ mid-dar. Hu qalli: “Ejja niftiehmu u niltaqgħu fid-dar tal-Alla l-veru, fit-tempju, u nagħlqu l-bibien warajna, għax ġejjin biex joqtluk. Ġejjin biex joqtluk billejl.” 11  Imma jien għedtlu: “Għandu raġel bħali jaħrab? Jistaʼ raġel bħali jidħol fit-tempju u jibqaʼ ħaj? M’iniex se mmur!” 12  Imbagħad indunajt li ma kienx profeta mibgħut mingħand Alla, imma Tobija u Sanballat kienu ħallsuh biex iqarraq bija. 13  Hu kien tħallas biex ibeżżagħni u jġegħelni nidneb, ħalli jkollhom għal xiex iħammġu r-reputazzjoni tiegħi u jakkużawni. 14  Alla tiegħi, ftakar f’Tobija u Sanballat u f’dawn l-affarijiet li għamlu. Ftakar ukoll f’Nogħadija l-profetessa u l-profeti l-oħra li kienu l-ħin kollu jipprovaw ibeżżgħuni. 15  U s-sur tlesta fil-25 t’Elul,* fi 52 ġurnata. 16  Hekk kif l-għedewwa kollha tagħna semgħu dwar dan u l-popli kollha taʼ madwarna rawh, huma ħassewhom umiljati ħafna u rrealizzaw li dan ix-xogħol sar bl-għajnuna tal-Alla tagħna. 17  F’dak iż-żmien, il-mexxejja taʼ Ġuda kienu qed jibagħtu ħafna ittri lil Tobija, u hu kien iwiġibhom. 18  Ħafna f’Ġuda ħalfu li kienu se jkunu leali lejh għax hu kien miżżewweġ lit-tifla taʼ Sekanija bin Araħ, u t-tifel tiegħu Ġeħoħanan kien iżżewweġ lit-tifla taʼ Mesullam bin Berekija. 19  Ukoll, huma kienu joqogħdu jgħiduli affarijiet tajbin dwaru, u mbagħad imorru jgħidulu dak li nkun għedtilhom jien. U Tobija kien jibgħatli l-ittri biex ibeżżagħni.

Noti taʼ taħt

^ Jew “li jdejna se jintelqu mix-xogħol.”