Ittra lil Titu 2:1-15

  • Tagħlim taʼ benefiċċju għaż-żgħar u l-kbar (1-15)

    • Warrbu dak kollu li jmur kontra dak li jrid Alla (12)

    • Nagħmlu affarijiet tajbin b’qalbna kollha (14)

2  Imma int kompli għallem skont it-tagħlim li hu taʼ benefiċċju.* 2  L-irġiel kbar fl-età għandhom ikunu moderati f’kollox, serji, jużaw l-għaqal,* ikollhom fidi soda, ħafna mħabba, u jissaportu d-diffikultajiet. 3  Bl-istess mod, in-nisa kbar fl-età għandhom iġibu ruħhom b’mod li jonora lil Alla, ma jimmalafamawx, ma jkunux ilsiera taʼ ħafna nbid, u jgħallmu dak li hu tajjeb, 4  ħalli b’hekk ikunu jistgħu jagħtu pariri* lin-nisa iżgħar biex iħobbu lir-raġel tagħhom, iħobbu lit-tfal tagħhom, 5  jużaw l-għaqal,* ikunu nodfa moralment, jieħdu ħsieb id-dar, ikunu tajbin, u jkunu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom, ħalli ma jkunx hemm tmaqdir fuq il-kelma t’Alla. 6  Bl-istess mod, kompli ħeġġeġ lill-irġiel iżgħar biex jużaw l-għaqal,* 7  u kun t’eżempju fl-affarijiet tajbin kollha li tagħmel. Għallem dak li hu veru* bil-ħeġġa, 8  billi tuża kliem taʼ benefiċċju li ma jistax jiġi kkritikat, ħalli b’hekk dawk li jiħduha kontrina jkollhom jistħu għax ma jkollhom xejn ħażin* x’jgħidu dwarna. 9  L-ilsiera għandhom ikunu sottomessi lejn is-sidien tagħhom f’kollox, jipprovaw jogħġbuhom, ma jmeruhomx, 10  u ma jisirquhomx, imma juru li huma taʼ min jafdahom, ħalli b’kull mod juru kemm hu sabiħ it-tagħlim tal-Alla tagħna, Dak li Jsalvana. 11  Alla wera qalb tajba kbira* u biha se jiġu salvati kull tip taʼ nies. 12  Din tgħallimna biex inwarrbu dak kollu li jmur kontra dak li jrid Alla u x-xewqat tad-dinja, u biex ngħixu b’mod li nużaw l-għaqal,* li nkunu ġusti, u leali lejn Alla f’din id-dinja.* 13  Dan nagħmluh waqt li nistennew it-tama mill-isbaħ u naraw il-qawwa tal-Alla l-kbir tagħna u ta’ Ġesù Kristu, Dak li Jsalvana. 14  Kristu ta ħajtu għalina, u b’hekk ħelisna* minn kull tip taʼ ħażen u naddafna biex inkunu l-poplu speċjali tiegħu, ħalli nkunu nistgħu nagħmlu affarijiet tajbin b’qalbna kollha. 15  Kompli għallem dawn l-affarijiet, inkuraġġixxi, u kkoreġi* bl-awtorità li ngħatatlek. Tħalli lil ħadd imaqdrek.

Noti taʼ taħt

Jew “mimli saħħa.”
Jew “moħħhom f’loku.”
Jew “iġibu f’sensihom; jittrennjaw.”
Jew “ikollhom moħħ f’loku.”
Jew “ikollhom moħħ f’loku.”
Jew forsi “Għallem bl-onestà u.”
Jew “vili.”
Jew “il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “b’moħħ f’loku.”
Jew “f’din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “fdiena.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Fidwa.”
Jew “widdeb.”