Rut 2:1-23
2 Nagħomi kellha xi ħadd jiġi minnha min-naħa taʼ żewġha Elimelek. Dan kien raġel sinjur ħafna jismu Bogħaż.
2 U Rut il-Mowabija qalet lil Nagħomi: “Jekk jogħġbok, ħallini mmur fl-għelieqi llaqqat qalb ix-xgħir* wara kull min juri ħniena miegħi.” Għalhekk, Nagħomi wiġbitha: “Mur binti.”
3 Imbagħad telqet u daħlet f’għalqa u bdiet tlaqqat wara l-ħassada. B’kumbinazzjoni, sabet ruħha fl-għalqa taʼ Bogħaż, li kien mill-familja t’Elimelek.
4 Dak il-ħin, Bogħaż ġie minn Betlem u qal lill-ħassada: “Ġeħova magħkom.” U huma wiġbuh: “Ġeħova jbierkek.”
5 Imbagħad Bogħaż staqsa liż-żagħżugħ li kien jieħu ħsieb il-ħassada: “Taʼ min hi din iż-żagħżugħa?”
6 Hu wieġbu: “Hi Mowabija li ġiet lura maʼ Nagħomi mill-inħawi taʼ Mowab.
7 Hi staqsietni, ‘Jekk jogħġbok, nistaʼ llaqqat u niġbor qalb ix-xgħir maqtugħ* li tħalla mill-ħassada?’ Ilha fuq saqajha minn dalgħodu. Issa qagħdet naqra bilqiegħda f’post għad-dell.”
8 Imbagħad Bogħaż qal lil Rut: “Ismagħni binti. Tmurx tlaqqat f’għalqa oħra jew xi mkien ieħor. Ibqaʼ qrib il-ħassada nisa żgħażagħ fl-għalqa tiegħi.
9 Żomm għajnejk fuq l-għalqa li jkunu se jaħsdu, u mur magħhom. Jien wissejt lill-irġiel żgħażagħ biex ma jmissukx.* Meta jaqbdek l-għatx, mur ħdejn il-ġarar u ixrob mill-ilma li mlew l-irġiel żgħażagħ.”
10 Xħin semgħet dan, niżlet għarkopptejha u mielet sal-art, u qaltlu: “Għala qed turi qalb tajba miegħi, u għala qed tagħti kasi, meta jien barranija?”
11 Bogħaż wiġibha: “Qaluli b’kulma għamilt mal-kunjata tiegħek wara li miet żewġek, u kif tlaqt lil missierek, lil ommok, u l-pajjiż taʼ qrabatek biex tmur għand poplu li ma kontx tafu qabel.
12 Jalla Ġeħova jippremjak għal dak li għamilt, u jalla tirċievi ħlas perfett* mingħand Ġeħova, l-Alla taʼ Iżrael, li taħt ġwinħajh ġejt tfittex il-kenn.”
13 Hi wieġbet: “Sidi, jalla tkompli turi qalb tajba miegħi, għaliex int kont taʼ faraġ għalija u bi kliemek serraħtli moħħi,* għalkemm lanqas biss jien waħda mill-qaddejja tiegħek.”
14 U f’ħin l-ikel Bogħaż qalilha: “Ejja, kul biċċa ħobż u billha fil-ħall.” Għalhekk, qagħdet bilqiegħda ħdejn il-ħassada. Hu newlilha xgħir inkaljat u hi kielet u xebgħet, u kien baqgħalha żżejjed.
15 Meta qamet biex tlaqqat, Bogħaż qal lill-irġiel żgħażagħ: “Ħalluha tlaqqat qalb ix-xgħir,* u tittrattawhiex ħażin.
16 Qisu wkoll li taqilgħu xi xgħir mill-qatet għaliha biex tkun tistaʼ tlaqqtu, u twaqqfuhiex.”
17 Hi kompliet tlaqqat fl-għalqa sa filgħaxija. Wara, isseparat iż-żerriegħa tax-xgħir minn mal-qoxra u z-zokk, u b’kollox kellha madwar efa* xgħir.
18 Wara li ġabritu, daħlet il-belt, u l-kunjata tagħha rat x’kienet laqqtet. Ukoll, Rut ħarġet l-ikel li kien fadlilha wara li xebgħet, u tathulha.
19 Imbagħad, il-kunjata qaltilha: “Fejn laqqatt illum, u fejn ħdimt? Ikun imbierek min ħa ħsiebek.” B’hekk, hi qalet lill-kunjata dwar ir-raġel li kienet ħadmet miegħu u qaltilha: “Ir-raġel li ħdimt miegħu llum jismu Bogħaż.”
20 Għal dan, Nagħomi qalet lill-mara taʼ binha: “Jalla Ġeħova, li ma waqafx juri mħabba u lealtà* lejn il-ħajjin u l-mejtin, ibierek lil Bogħaż.” U Nagħomi kompliet tgħid: “Dan ir-raġel jiġi minn żewġi. Hu jistaʼ jeħlisna mid-diffikultà.”*
21 Imbagħad Rut il-Mowabija qalet: “Qalli wkoll, ‘Ibqaʼ qrib iż-żgħażagħ tiegħi sakemm ilestu l-ħsad kollu li għandi.’”
22 Nagħomi qalet lil Rut, il-mara taʼ binha: “Binti, aħjar tmur man-nisa żgħażagħ fl-għalqa tiegħu milli tmur f’għalqa oħra u ssib min idejqek.”
23 Allura Rut baqgħet tlaqqat qrib in-nisa żgħażagħ taʼ Bogħaż sakemm spiċċa l-ħsad tax-xgħir u l-ħsad tal-qamħ. U baqgħet toqgħod mal-kunjata.
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri barley.
^ Jew forsi “l-qatet.”
^ Jew “ma jdejqukx.”
^ Jew “premju sħiħ.”
^ Letteralment “kellimt il-qalb tal-qaddejja tiegħek.”
^ Jew forsi “l-qatet.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Hu għandu d-dritt li jifdina.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

