It-Tieni Ittra lit-Tessalonikin 2:1-17

  • Ir-raġel ħażin (1-12)

  • Jiġu mħeġġa biex jibqgħu sodi (13-17)

2  Però aħwa, rigward meta jerġaʼ jiġi l-Mulej tagħna Ġesù Kristu u li aħna ninġabru flimkien miegħu, nitolbukom 2  biex ma tħallu lil ħadd ibiddel il-fehma tajba tagħkom u ma titfixklux jekk xi ħadd jgħid li l-jum taʼ Ġeħova* qiegħed hawn. U tinkwetawx lanqas jekk jgħidu li l-messaġġ ġej minn Alla* jew jekk jaqrawh f’ittra li jgħidu li ktibnieha aħna. 3  Tħallu lil ħadd iqarraq bikom, għax qabel ma jiġi dak il-jum, l-ewwel trid tiġi l-apostasija u jinkixef min hu r-raġel ħażin,* hu l-wieħed li se jinqered. 4  Hu jiħodha kontra Alla u jgħolli lilu nnifsu fuq dawk kollha li jissejħu allat jew fuq kull ħaġa li n-nies iqimu, biex b’hekk ipoġġi fit-tempju t’Alla. Hu se jagħmel dan quddiem kulħadd bħallikieku hu alla. 5  Ma tiftakrux li meta kont għadni magħkom, kont ngħidilkom dawn l-affarijiet? 6  U issa tafu min qed iżommu lura, ħalli b’hekk hu jinkixef meta jasal il-waqt. 7  Veru, il-ħażen taʼ dan ir-raġel li hu moħbi diġà qed jaħdem, imma dan il-ħażen se jinkixef meta dak li qed iżommu lura ma jkunx għadu hemm. 8  Infatti, imbagħad ir-raġel ħażin se jinkixef. Lil dan, il-Mulej Ġesù se jeqirdu bil-qawwa taʼ kliemu* u se jġibu fix-xejn meta juri li reġaʼ ġie lura. 9  Meta dan ir-raġel ħażin jidher, hu se jagħmel dan bil-qawwa taʼ Satana u se jagħmel ħafna mirakli, sinjali li jqarrqu, affarijiet tal-għaġeb, 10  u kull tip taʼ qerq mill-agħar. Dawn l-affarijiet se jqarrqu bin-nies li se jinqerdu, bħala kastig talli m’aċċettawx u ma ħabbewx il-verità. Li kieku dawn aċċettaw u ħabbew il-verità setgħu jiġu salvati. 11  Hu għalhekk li Alla ħalliehom jiġu mqarrqin minn tagħlim falz, ħalli b’hekk jemmnu l-gidba, 12  biex ilkoll jiġu ġġudikati għax m’emmnux il-verità imma ħadu pjaċir bin-nuqqas taʼ ġustizzja. 13  Però, aħna obbligati li dejjem nirringrazzjaw lil Alla għalikom, aħwa għeżież għal Ġeħova,* għax Alla għażilkom mill-bidu biex tiġu salvati. Hu għamel dan billi qaddiskom permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu u bil-fidi tagħkom fil-verità. 14  Hu għażilkom* biex tiġu salvati permezz tal-aħbar tajba li aħna nxandru, ħalli b’hekk anki intom ikollkom il-glorja bħal tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 15  Għalhekk aħwa, żommu sod u ibqgħu agħmlu l-affarijiet* li tgħallimtu, kemm jekk qalhomlkom xi ħadd u kemm jekk għax irċivejtu ittra mingħandna. 16  Alla l-Missier tagħna jħobbna, u għax juri qalb tajba kbira hu dejjem ifarraġna u jagħtina tama mill-isbaħ. Aħna nitolbu li hu u l-Mulej tagħna Ġesù Kristu 17  jfarrġukom u jsaħħukom* biex dejjem tagħmlu u tgħidu dak li hu tajjeb.

Noti taʼ taħt

Jew “minn spirtu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Spirtu.”
Jew “bla liġi.”
Letteralment “bl-ispirtu taʼ ħalqu.”
Letteralment “sejħilkom.”
Letteralment “it-tradizzjonijiet.”
Jew “jagħmlukom sodi.”