Ħaggaj 1:1-15

  • Ikkoreġuti għax mhux jibnu t-tempju (1-11)

    • ‘Taħsbu li hu ż-żmien li tgħixu fi djar sbieħ?’ (4)

    • “Aħsbu sew dwar dak li qed tagħmlu” (5)

    • Jiżirgħu ħafna, imma jaħsdu ftit (6)

  • In-nies jisimgħu minn Ġeħova (12-15)

1  Fl-ewwel ġurnata tas-sitt xahar tat-tieni sena tat-tmexxija tar-Re Darju, Ġeħova tkellem permezz tiegħi, il-profeta Ħaggaj,* maʼ Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda li hu t-tifel taʼ Saltijel, u maʼ Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak. Hu qalilhom: 2  “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Dawn in-nies jgħidu: “Għadu mhux iż-żmien biex jinbena* t-tempju* taʼ Ġeħova.”’” 3  U Ġeħova reġaʼ tkellem permezz tiegħi, il-profeta Ħaggaj, u qal: 4  “Taħsbu li hu ż-żmien li intom tgħixu fi djar sbieħ, waqt li dan it-tempju hu ħerba? 5  Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Aħsbu sew dwar dak li qed tagħmlu. 6  Intom żrajtu ħafna, imma taħsdu ftit. Tieklu, imma ma tixbgħux. Tixorbu, imma m’għandkomx biżżejjed inbid. Tilbsu, imma ma tisħnux. Il-ħaddiem jitfaʼ l-paga f’basket mimli toqob.’” 7  “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Aħsbu sew dwar dak li qed tagħmlu.’ 8  “Ġeħova jgħid, ‘Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam, u ibnuli t-tempju, ħalli jien nieħu pjaċir bih u nkun igglorifikat.’” 9  “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Intom kontu qed tistennew ħafna, imma ħsadtu ftit. U meta ħadtu dak li ħsadtu d-dar, jien tajjartu ’l hemm. Jien għamilt hekk, għax it-tempju tiegħi hu ħerba, imma intom moħħkom biex tieħdu ħsieb id-djar tagħkom. 10  Għalhekk, m’għamlitx nida mis-sema, u l-art ma tatx dak li ġie miżrugħ. 11  Jien bqajt inġib nixfa fuq l-art u l-muntanji, u b’hekk kien hemm nuqqas taʼ ċereali,* inbid, żejt, u ħaxix. Intom u l-imrieħel tagħkom qed tbatu, u x-xogħol iebes li qed tagħmlu hu għalxejn.’” 12  Żerubbabel it-tifel taʼ Saltijel, Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak, u l-bqija tal-poplu, semgħu minn Ġeħova l-Alla tagħhom u dak li għedt jien, il-profeta Ħaggaj, għax kien Ġeħova l-Alla tagħhom li bagħatni. Il-poplu beda jibżaʼ minħabba l-messaġġ taʼ Ġeħova. 13  Imbagħad jien, il-messaġġier taʼ Ġeħova, tajt dan il-messaġġ lill-poplu fi qbil maʼ dak li ġejt inkarigat minn Ġeħova: “‘Jien magħkom, poplu tiegħi,’ jgħid Ġeħova.” 14  Għalhekk, Ġeħova inkuraġġixxa lil Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda li hu t-tifel taʼ Saltijel, lil Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak, u lill-bqija tal-poplu. U huma ġew u bdew jaħdmu fuq it-tempju taʼ Ġeħova tal-armati, l-Alla tagħhom. 15  Dan ġara fl-24 tas-sitt xahar tat-tieni sena tat-tmexxija tar-Re Darju.

Noti taʼ taħt

Ifisser “Twieled fʼFesta.”
Jew “biex jerġaʼ jinbena.”
Letteralment “id-dar.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.