Ġona 4:1-11

  • Ġona jirrabja u jrid imut (1-3)

  • Ġeħova jgħallem lil Ġona li għandu juri ħniena (4-11)

    • “Għandek għal xiex tirrabja daqshekk?” (4)

    • Jitgħallem lezzjoni mill-qargħa bomblija (6-10)

4  Imma Ġona xejn ma ħa pjaċir b’dan u rrabja ħafna. 2  Allura talab lil Ġeħova: “Ġeħova, kien għalhekk li jien kont qed ninkwieta meta kont f’pajjiżi. B’hekk għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla qalbek tajba* u ħanin, ma tirrabjax malajr u turi ħafna mħabba u lealtà,* u ma tiħux pjaċir iġġib diżastru. 3  Jekk jogħġbok Ġeħova, ħudli ħajti, għax ikun aħjar li mmut milli nibqaʼ ħaj.” 4  Ġeħova staqsa: “Għandek għal xiex tirrabja daqshekk?” 5  Imbagħad Ġona ħareġ mill-belt u poġġa lejn in-naħa tal-Lvant tagħha. Hemmhekk għamel tinda biz-zkuk biex ikollu d-dell u jara x’se jiġri mill-belt. 6  Imbagħad Alla Ġeħova kabbar pjanta tal-qargħa bomblija* biex tagħmel id-dell fuq ras Ġona u tgħinu jħossu aħjar. Ġona ħa pjaċir ħafna bil-pjanta. 7  Imma l-għada qabel ma sebaħ, l-Alla l-veru bagħat dudu u dan attakka l-pjanta tal-qargħa bomblija u din nixfet. 8  Malli bdiet tielgħa x-xemx, Alla bagħat ukoll riħ jaħraq mil-Lvant, u x-xemx bdiet tisreġ fuq ras Ġona, u beda jħossu ma jiflaħx. Hu baqaʼ jitlob biex imut u jgħid: “Ikun aħjar li mmut milli nibqaʼ ħaj.” 9  Alla staqsa lil Ġona: “Għandek għal xiex tirrabja daqshekk minħabba l-pjanta tal-qargħa bomblija?” Għal dan qallu: “Iva għandi għal xiex nirrabja. Tant jien irrabjat li rrid immut.” 10  Imma Ġeħova qallu: “Int iddispjaċiek għall-pjanta tal-qargħa bomblija, li la ħdimt għaliha u lanqas kabbartha. Din kibret f’lejl u mietet f’lejl. 11  M’għandix jien ukoll jiddispjaċini għal Ninwe l-belt il-kbira, fejn hemm iktar minn 120,000 ruħ li lanqas biss jafu jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin,* minbarra l-ħafna annimali li għandhom?”

Noti taʼ taħt

Jew “li turi mogħdrija.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew forsi “pjanta tar-riġnu.”
Jew “id-differenza bejn idhom il-leminija u x-xellugija.”