Ekkleżjasti 9:1-18

  • Kulħadd l-istess se jispiċċa (1-3)

  • Gawdi l-ħajja minkejja li se tmut (4-12)

    • Il-mejtin ma jafu xejn (5)

    • Fil-Qabar ma tistaʼ tagħmel xejn (10)

    • Żmien taʼ inkwiet u affarijiet mhux mistennijin (11)

  • L-għerf mhux dejjem apprezzat (13-18)

9  Għalhekk, jien ħsibt dwar dan kollu u wasalt għall-konklużjoni li l-ġust u l-għaref, kif ukoll dak li jagħmlu, huma f’idejn l-Alla l-veru. In-nies ma jafux dwar l-imħabba u l-mibegħda li ntwerew qabilhom.  Kulħadd l-istess se jispiċċa, il-ġust u l-ħażin, it-tajjeb u l-qaddis u min mhux qaddis, u dawk li jagħmlu s-sagrifiċċji u dawk li ma jagħmluhomx. It-tajjeb hu l-istess bħal dak li jidneb u min jaħlef hu l-istess bħal dak li joqgħod attent qabel ma jaħlef.  Din hi xi ħaġa taʼ dwejjaq li tiġri taħt ix-xemx: Peress li kulħadd se jispiċċa l-istess, in-nies moħħhom biex jagħmlu l-ħażen; u jibqgħu jaħsbu dwar affarijiet taʼ bluha tul ħajjithom, u mbagħad imutu!*  Kull min hu ħaj għandu tama, għax kelb ħaj hu aħjar minn iljun mejjet.  Għax il-ħajjin jafu* li se jmutu, imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn, u mhu se jieħdu xejn,* għax huma ġew minsijin.  Ukoll, l-imħabba, il-mibegħda, u l-għira tagħhom diġà sparixxew, u huma ma jiħdux iktar sehem f’dak li jiġri taħt ix-xemx.  Mur, gawdi l-ikel tiegħek, u ixrob l-inbid tiegħek bil-ferħ, għax l-Alla l-veru ħa pjaċir b’dak li għamilt.  Jalla l-ħwejjeġ tiegħek dejjem ikunu bojod,* u dejjem titfaʼ ż-żejt fuq rasek.  Gawdi l-ħajja mal-maħbuba martek tul il-ħajja kollha li Alla tak fuq l-art, matul il-ħajja bla sens kollha tiegħek, għax dak hu l-premju* li tieħu għax-xogħol iebes li titħabat għalih taħt ix-xemx. 10  Kulma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha, għax fil-Qabar* fejn int sejjer la hemm xogħol, la ppjanar, la għarfien, u lanqas għerf. 11  Rajt xi ħaġa oħra taħt ix-xemx: il-ħfief mhux dejjem jirbħu t-tellieqa, dawk b’saħħithom mhux dejjem jirbħu l-battalja, l-għorrief mhux dejjem ikollhom x’jieklu, l-intelliġenti mhux dejjem ikollhom il-ġid, u dawk li għandhom l-għarfien mhux dejjem jirnexxu, għax żmien taʼ inkwiet u affarijiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd. 12  Għax in-nies ma jafux meta se tiġrilhom xi ħaġa kerha. Bħalma l-ħut jinqabad f’xibka qerrieda, u l-għasafar f’nassa, in-nies jinqabdu fi żmien taʼ diżastru* meta jiġi fuqhom f’daqqa. 13  Ukoll, innotajt dan l-eżempju impressjonanti dwar l-għerf taħt ix-xemx: 14  Kien hemm belt żgħira bi ftit irġiel fiha, u re b’saħħtu mar kontriha, dawwarha, u bena strutturi tal-assedju kontriha. 15  Fiha kien hemm raġel fqir imma għaref, u dan salva l-belt bl-għerf tiegħu. Imma ħadd ma ftakru lil dan ir-raġel fqir. 16  U għedt bejni u bejn ruħi: “Li jkollok l-għerf hu aħjar milli jkollok il-qawwa; imma n-nies imaqdruh l-għerf taʼ raġel fqir u ma jobdux kliemu.” 17  Aħjar tismaʼ mill-kliem li l-għaref jgħid b’mod kalm milli mill-għajjat taʼ wieħed li jmexxi fost il-boloh. 18  L-għerf hu aħjar mill-armi tal-gwerra, imma midneb wieħed* jistaʼ jeqred ħafna affarijiet tajbin.

Noti taʼ taħt

Letteralment “u wara jingħaqdu mal-mejtin!”
Jew “huma konxji.”
Jew “l-ebda ħlas.”
Jiġifieri ħwejjeġ taʼ kulur jgħajjat li jirriflettu burdata tajba, u mhux ħwejjeġ taʼ vistu.
Jew “is-sehem.”
Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “inkwiet.”
Jew “bniedem wieħed li jagħmel id-dnub.”