Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Aħna Se Nimxu bl-Integrità Tagħna!

Aħna Se Nimxu bl-Integrità Tagħna!

Aħna Se Nimxu bl-​Integrità Tagħna!

“Min-​naħa tiegħi, jien se nimxi bl-​integrità tiegħi.”—SALM 26:11.

1, 2. X’qal Ġob dwar l-​integrità tiegħu u x’inhu indikat dwaru f’Ġob kapitlu 31?

 FIŻ-​ŻMINIJIET tal-​qedem, l-​affarijiet spiss kienu jintiżnu fuq miżien li normalment kien ikollu biċċa injama mimduda li kienet titlaʼ u tinżel permezz taʼ pern imwaħħal fin-​nofs. Imdendla f’kull tarf tal-​injama kien ikun hemm keffa tal-​miżien. L-​oġġett biex jintiżen kien jitpoġġa f’keffa waħda u l-​użin fl-​oħra. Il-​poplu t’Alla ma kellux iqarraq fl-​użin.—Prov. 11:1.

2 Meta r-​raġel devot Ġob kien qed isofri attakk sataniku, hu qal: “[Ġeħova] jiżinni f’miżien eżatt u jagħraf l-​integrità tiegħi.” (Ġob 31:6) F’dan ir-​rigward, Ġob semma xi sitwazzjonijiet li fihom wieħed li jżomm l-​integrità setaʼ jgħaddi minn prova. Iżda Ġob irnexxielu jgħaddi mill-​prova, bħalma jindika l-​kliem imniżżel f’Ġob kapitlu 31. L-​eżempju mill-​aħjar tiegħu jistaʼ verament iqanqalna biex naġixxu bl-​istess mod u ngħidu b’konvinzjoni, bħalma qal is-​salmista David: “Min-​naħa tiegħi, jien se nimxi bl-​integrità tiegħi.”—Salm 26:11.

3. Għala huwa importanti li nuru fedeltà lejn Alla f’affarijiet kbar u żgħar?

3 Għalkemm Ġob ġie provat b’mod aħrax, hu baqaʼ juri fedeltà lejn Alla. Xi wħud għandhom mnejn saħansitra jgħidu li Ġob kien eżempju li jispikka tal-​integrità li ma tiċċaqlaqx meta għadda minn provi ħorox. M’aħniex insofru eżattament bħal Ġob. Madankollu, għandna nuru fedeltà lejn Alla f’affarijiet kbar u żgħar jekk irridu li nsaħħu l-​pożizzjoni tagħna bħala wħud li jżommu l-​integrità u li jappoġġaw is-​sovranità tiegħu.—Aqra Luqa 16:10.

L-​Integrità Morali Hi Essenzjali

4, 5. Bħala wieħed li jżomm l-​integrità, liema kondotta evita Ġob?

4 Sabiex inżommu l-​integrità tagħna lejn Ġeħova għandna nżommu sod mal-​livelli morali tiegħu bħal Ġob. Hu ddikjara: “Patt m’għajnejja għamilt. Għalhekk, kif nistaʼ nkun moħħni f’xi verġni? . . . Jekk qalbi nġibdet lejn xi mara, u qgħadt nistenna wara bieb sieħbi, ħa titħan marti għal raġel ieħor, u ħa jmilu fuqha rġiel oħrajn.”—Ġob 31:1, 9, 10.

5 Ġob evita li jħares b’kilba sesswali lejn mara għax kien determinat li jżomm l-​integrità lejn Alla. Bħala raġel miżżewweġ, ma tkessaħx maʼ mara mhix miżżewġa jew ma żviluppax ħsibijiet romantiċi għall-​mara taʼ ħaddieħor. Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù għamel stqarrija li fiha x’tomgħod dwar il-​moralità sesswali—punt li ċertament l-​uħud li jżommu l-​integrità għandhom bżonn li jżommu f’moħħhom.—Aqra Mattew 5:27, 28.

Qatt Tuża Metodi Qarriqin

6, 7. (a) X’juża Alla biex ikejjel l-​integrità tagħna, bħal fil-​każ taʼ Ġob? (b) Għala m’għandniex inqarrqu jew inkunu diżonesti?

6 Ma nistgħux nadottaw metodi qarriqin jekk aħna rridu li nitqiesu fost dawk li jżommu l-​integrità. (Aqra Proverbji 3:31-​33.) Ġob qal: “Jekk nimxi maʼ dawk li ma jgħidux il-​verità, u sieqi tħaffef lejn il-​qerq, Alla [Ġeħova] jiżinni f’miżien eżatt u jagħraf l-​integrità tiegħi.” (Ġob 31:5, 6) Ġeħova jiżen lill-​bnedmin kollha “f’miżien eżatt.” Bħal fil-​każ taʼ Ġob, Alla juża l-​livell perfett tiegħu taʼ ġustizzja biex ikejjel l-​integrità tagħna bħala l-​qaddejja dedikati tiegħu.

7 Kieku kellna nsiru qarriqin jew diżonesti, ma nkunux qed inżommu l-​integrità tagħna lejn Alla. L-​uħud li jżommu l-​integrità ‘warrbu kulma jsir minn taħt li hu taʼ mistħija,’ u ‘ma jimxux bil-​makakkerija.’ (2 Kor. 4:1, 2) Iżda xi ngħidu kieku kellna nqarrqu bil-​kliem jew bl-​azzjonijiet tagħna, u b’hekk inġiegħlu lil seħibna fit-​twemmin biex jitlob bil-​ħerqa lil Alla għall-​għajnuna? Imbagħad, imsieken aħna! Is-​salmista kanta: “Lil Ġeħova sejjaħt fin-​niket tiegħi, u hu wiġibni. O Ġeħova, eħlisli ruħi minn xofftejn foloz, mill-​ilsien qarrieq.” (Salm 120:1, 2) Tajjeb niftakru li Alla jistaʼ jeżamina sal-​qiegħ tal-​ġewwieni tagħna billi “jeżamina l-​qalb u l-​kliewi” biex jiddetermina jekk aħniex uħud ġenwini f’li nżommu l-​integrità.—Salm 7:8, 9.

Kun t’Eżempju Meta Tittratta m’Oħrajn

8. Ġob kif ittratta lil oħrajn?

8 Sabiex inżommu l-​integrità tagħna għandna bżonn inkunu bħal Ġob, li kien ġust, umli, u jieħu ħsieb oħrajn bl-​imħabba. Hu qal: “Jekk irrifjutajt li nimxi bil-​ħaqq maʼ l-​ilsir tiegħi jew maʼ l-​ilsira tiegħi fil-​kawża legali tagħhom miegħi, x’nistaʼ nagħmel meta jqum Alla? U meta jitlob kont minni, x’nistaʼ nwieġbu? Dak li għamel lili fiż-​żaqq m’għamilx lilu wkoll, u mhux Wieħed biss sawwarna fil-​ġuf?”—Ġob 31:13-​15.

9. Liema kwalitajiet wera Ġob meta kien jittratta mal-​qaddejja tiegħu, u kif għandna naġixxu aħna f’ċirkustanzi simili?

9 Milli jidher ma kien hemm l-​ebda proċedura komplikata biex jitmexxew kawżi legali fi żmien Ġob. Il-​kawżi kienu jitmexxew b’mod organizzat u l-​qrati kienu disponibbli wkoll għall-​ilsiera. Ġob kien juri ġustizzja u ħniena meta kien jittratta mal-​qaddejja tiegħu. Jekk irridu nimxu bl-​integrità tagħna għandna nuru kwalitajiet bħal dawn, speċjalment jekk naqdu bħala anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana.

Kun Ġeneruż, Tixxennaqx b’Għira

10, 11. (a) Kif nafu li Ġob kien ġeneruż u jħobb jgħin? (b) F’liema parir Skritturali li ngħata iktar tard jistaʼ jfakkarna Ġob 31:16-​25?

10 Ġob kien ġeneruż u jħobb jgħin, mhux egoist u jixxennaq b’għira. Hu qal: “Jekk . . . għajnejn l-​armla kont inġegħelhom jiddgħajfu, u kilt il-​loqma tiegħi waħdi, waqt li t-​tifel bla missier ma kielx minnha . . . Jekk rajt lil xi ħadd magħkus għax ma kellux x’jilbes . . . Jekk xejjirt idi ’l hemm u ’l hawn kontra t-​tifel bla missier, meta kont nara li hemm bżonn l-​għajnuna tiegħi fil-​bieb, ħa tinqalaʼ l-​għadma taʼ spallti minn postha, u ħa jinkiser driegħi mill-​għadma taʼ fuq.” U Ġob ma kienx se jżomm l-​integrità tiegħu jekk kien se jgħid lid-​deheb: “Jien nafda fik!”—Ġob 31:16-​25.

11 Espressjonijiet poetiċi bħal dawn għandhom mnejn ifakkruna f’dan il-​kliem tad-​dixxiplu Ġakbu: “Il-​qima li hi nadifa u bla tinġis mill-​ħarsa t’Alla tagħna u Missierna hi din: li tieħu ħsieb l-​iltiema u r-​romol fit-​tribulazzjoni tagħhom, u li żżomm ruħek mingħajr tebgħa mid-​dinja.” (Ġak. 1:27) Nistgħu wkoll niftakru fit-​twissija taʼ Ġesù: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” Ġesù mbagħad ta tixbiha dwar raġel għani li xxennaq b’għira u li miet bħala wieħed li ‘ma kienx għani m’Alla.’ (Lq. 12:15-​21) Biex inkunu wħud li nżommu l-​integrità, m’għandniex inċedu għal xenqa b’għira jew regħba li jwasslu għad-​dnub. Ix-​xenqa b’għira hija idolatrija, għax dak li persuna rgħiba tixxennaq għalih idawwar l-​attenzjoni minn Ġeħova, u b’hekk l-​oġġett isir idolu. (Kol. 3:5) L-​integrità u r-​regħba ma jitħalltux flimkien!

Żomm Sod mal-​Qima Vera

12, 13. Liema eżempju ħallielna Ġob f’li naħarbu l-​idolatrija?

12 L-​uħud li jżommu l-​integrità ma jiżvijawx mill-​qima pura. Ġob m’għamilx dan għaliex hu ddikjara: “Jekk rajt ix-​xemx meta tiddi, jew il-​qamar miexi fid-​dija tiegħu, u qalbi bil-​moħbi bdiet tinġibed u b’idi tfajtilhom il-​bewsa taʼ fommi, dan ukoll ikun żball li għandhom jiġġudikawh l-​imħallfin, għax inkun ċħadt lill-​Alla l-​veru li hu fl-​għoli.”—Ġob 31:26-​28.

13 Ġob ma qiemx oġġetti bla ħajja. Jekk qalbu bil-​moħbi bdiet tinġibed lejn l-​affarijiet tas-​sema, bħall-​qamar, u jekk ‘b’idu tefaʼ bewsa’ forsi bħala ġest idolatruż, hu kien ikun idolatra li ċaħad lil Alla. (Dt. 4:15, 19) Biex inżommu l-​integrità tagħna lejn Alla għandna naħarbu kull idolatrija.—Aqra l-1 Ġwanni 5:21.

Tpattix u Tkunx Ipokrita

14. Għala nistgħu ngħidu li Ġob ma kienx malizzjuż?

14 Ġob la kien malizzjuż u lanqas kattiv. Kien jaf li kwalitajiet bħal dawn kienu jikxfu nuqqas t’integrità, għax hu qal: “Jekk fraħt bil-​mewt taʼ dak li tant kien jobgħodni, jew ħadt gost bid-​deni li ġie fuqu . . . , jien ma ħallejtx lil fommi jidneb billi tlabt għal saħta kontra ruħu.”—Ġob 31:29, 30.

15. Għaliex huwa ħażin li nifirħu meta jiġi xi gwaj fuq xi ħadd li jobgħodna?

15 Ġob, bniedem rett, qatt ma feraħ jekk xi gwaj ġie fuq xi ħadd li kien jobogħdu. Proverbju ieħor iwissi: “Meta l-​għadu tiegħek jaqaʼ, tithenniex; u meta jiġi mfixkel, ħa ma tifraħx qalbek, li ma jmurx jara dan Ġeħova u jkun ħażin f’għajnejh u jneħħi r-​rabja tiegħu minn fuqu.” (Prov. 24:17, 18) Ladarba Ġeħova jistaʼ jaqra l-​qlub, hu jaf jekk bil-​moħbi nkunux qed nifirħu meta jiġi xi gwaj fuq xi persuna oħra u żgur li ma japprovax attitudni bħal din. (Prov. 17:5) Alla jistaʼ jittratta magħna bl-​istess mod, għax hu jgħid: “Il-​vendetta hi tiegħi, u t-​tpattija.”—Dt. 32:35.

16. Anki jekk m’aħniex għonja, kif nistgħu nkunu ospitabbli?

16 Ġob kien ospitabbli. (Ġob 31:31, 32) Għalkemm forsi m’aħniex għonja, aħna nistgħu ‘nuru dejjem l-​ospitalità.’ (Rum. 12:13) Nistgħu naqsmu ikla sempliċi flimkien m’oħrajn, waqt li niftakru li “aħjar platt ħaxix fejn hemm l-​imħabba milli barri msemmen bil-​mibegħda miegħu.” (Prov. 15:17) Meta naqsmu ikla maʼ wieħed minn sħabna li jżomm l-​integrità f’atmosfera taʼ mħabba, dan se jagħmel l-​ikla sempliċi waħda taʼ pjaċir u żgur li nibbenefikaw minnha spiritwalment.

17. Għala m’għandniex nipprovaw naħbu dnub serju?

17 Min jaf kemm kien taʼ benefiċċju spiritwali li tgawdi mill-​ospitalità taʼ Ġob, għaliex hu ma kienx ipokrita. Ma kienx bħall-​irġiel mhux devoti li ndehsu fil-​kongregazzjoni tal-​ewwel seklu u li kienu “jammiraw individwi għall-​benefiċċju tagħhom stess.” (Ġuda 3, 4, 16) Lanqas ma ħeba n-​nuqqas tiegħu jew ‘ħeba l-​iżball tiegħu f’ħobbu’ minħabba li beżaʼ li jkun mistmerr jekk oħrajn semgħu b’dan. Kien lest li jkun eżaminat minn Alla li miegħu kien jistqarr kwalunkwe nuqqas li setaʼ għamel. (Ġob 31:33-​37) Kieku kellna nidinbu serjament, ħalli ma nipprovawx naħbu għemil ħażin bħal dan biex insalvaw ġieħna. Kif nistgħu nuru li qed nipprovaw inżommu l-​integrità? Billi nammettu l-​iżball tagħna, nindmu, infittxu għajnuna spiritwali, u billi nagħmlu kull ma nistgħu biex nirranġaw.—Prov. 28:13; Ġak. 5:13-​15.

Wieħed li Jżomm l-​Integrità Jgħaddi Ġuri

18, 19. (a) Għala nistgħu ngħidu li Ġob qatt ma ħa vantaġġ minn xi ħadd? (b) X’kien lest li jagħmel Ġob kieku kellu tort?

18 Ġob kien onest u ġust. Għalhekk, setaʼ jgħid: “Jekk kontrija r-​rabaʼ tiegħi kellu jgħajjat għall-​għajnuna, u flimkien kellhom jibku r-​raddi tiegħu; jekk il-​frott tiegħu kiltu mingħajr flus, u ruħ is-​sidien tiegħu ġegħeltha tilheġ, minflok il-​qamħ ħa jinbet ix-​xewk, u minflok ix-​xgħir il-​ħaxix ħażin li jinten.” (Ġob 31:38-​40) Ġob qatt ma ħataf proprjetà taʼ ħaddieħor bla jedd, u ma ħax vantaġġ mill-​ħaddiema. Bħalu, aħna għandna bżonn inżommu l-​integrità lejn Ġeħova f’affarijiet kbar u żgħar.

19 Quddiem it-​tlett iħbieb tiegħu kif ukoll iż-​żagħżugħ Eliħu, Ġob kien tkellem dwar il-​mod kif kien għex. Ir-​rekord tal-​ħajja taʼ Ġob kien bħal ‘iffirmat’ minnu stess. Allura hu stieden lil kwalunkwe persuna biex tressaq kawża kontra dan ir-​rekord. Kieku nstab li Ġob kellu tort, hu kien se jkun lest li jbati l-​kastig. Għalhekk, hu ressaq il-​kawża tiegħu u stenna l-​ġudizzju tal-​qorti divina. B’hekk, ‘intemm kliem Ġob.’—Ġob 31:35, 40.

Int Tistaʼ Żżomm l-​Integrità

20, 21. (a) Ġob għala setaʼ jżomm l-​integrità? (b) Kif nistgħu nkabbru mħabbitna lejn Alla?

20 Ġob setaʼ jżomm l-​integrità tiegħu għaliex ħabb lil Alla u Ġeħova ħabbu u għenu. Ġob qal lil Ġeħova: “Ħajja tajtni, u qalb tajba bl-​imħabba [imħabba leali] urejt miegħi; u ħadt ħsieb li tgħasses l-​ispirtu tiegħi.” (Ġob 10:12) Iżjed minn hekk, Ġob ħabb lil oħrajn, filwaqt li rrealizza li kull min ma jurix imħabba leali mal-​bnedmin se jwarrab il-​biżaʼ b’rispett taʼ Dak li Jistaʼ Kollox. (Ġob 6:14) Dawk li jżommu l-​integrità jħobbu lil Alla u lill-​proxxmu.—Mt. 22:37-​40.

21 Aħna nistgħu nkabbru l-​imħabba lejn Alla billi naqraw il-​Kelma tiegħu kuljum u nimmeditaw fuq dak li turi dwaru. F’talb mill-​qalb nistgħu nfaħħru lil Ġeħova u nirringrazzjawh għat-​tjubija tiegħu lejna. (Flp. 4:6, 7) Nistgħu nkantaw lil Ġeħova u nibbenefikaw minn sħubija regulari mal-​poplu tiegħu. (Ebr. 10:23-​25) Imbagħad, imħabbitna lejn Alla se tikber ukoll hekk kif nieħdu sehem fil-​ministeru u niddikjaraw “l-​aħbar tajba taʼ salvazzjoni mingħandu.” (Salm 96:1-​3) B’modi bħal dawn nistgħu nżommu l-​integrità bħalma għamel is-​salmista li kanta: “Li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija. Fil-​Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.”—Salm 73:28.

22, 23. Bħala wħud li nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, l-​attivitajiet tagħna kif jitqabblu maʼ taʼ dawk li żammew l-​integrità fil-​passat?

22 Matul is-​sekli, Ġeħova ta ħafna inkarigi differenti lil dawk li jżommu l-​integrità. Noè bena arka u kien “predikatur tal-​ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Ġożwè mexxa l-​Iżraelin għal ġol-​Art Imwiegħda, iżda rnexxa biss għaliex qara “l-​ktieb tal-​liġi . . . lejl u nhar” u aġixxa fi qbil miegħu. (Ġoż. 1:7, 8) Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu għamlu dixxipli u ltaqgħu regolarment biex jistudjaw l-​Iskrittura.—Mt. 28:19, 20.

23 Aħna nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova u nżommu l-​integrità tagħna billi nippritkaw dwar il-​ġustizzja, nagħmlu dixxipli, napplikaw il-​pariri Skritturali, u niltaqgħu maʼ sħabna fit-​twemmin fil-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet. Attivitajiet bħal dawn jgħinuna nkunu kuraġġużi, inkunu b’saħħitna spiritwalment, u nirnexxu f’li nagħmlu r-​rieda t’Alla. Dan mhuwiex diffiċli ħafna għalina għax għandna l-​appoġġ taʼ Missierna tas-​sema u t’Ibnu. (Dt. 30:11-​14; 1 Slat. 8:57) Iżjed minn hekk, għandna l-​appoġġ tal-​“fratellanza kollha” li wkoll jimxu bl-​integrità u jonoraw lil Ġeħova bħala l-​Mulej Sovran tagħhom.—1 Pt. 2:17.

Int Kif Twieġeb?

• Kif għandna nqisu l-​livelli morali taʼ Ġeħova?

• Liema kwalitajiet li kellu Ġob jogħġbuk l-​iktar?

• Bħalma juri Ġob 31:29-​37, Ġob kif għex ħajtu?

• Għala hu possibbli għalina li nżommu l-​integrità tagħna lejn Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 29]

Ġob żamm l-​integrità tiegħu lejn Ġeħova. Aħna nistgħu wkoll!

[Stampa f’paġna 32]

Nistgħu nżommu l-​integrità tagħna!