Ġożwè 1:1-18
1 Wara li miet Mosè, il-qaddej taʼ Ġeħova, Ġeħova qal lil Ġożwè* bin Nun, il-qaddej taʼ Mosè:
2 “Mosè l-qaddej tiegħi miet. Issa qum u aqsam il-Ġordan, int u dan il-poplu kollu, u mur fl-art li se nagħti lill-poplu t’Iżrael.
3 Se nagħtikom kull post li tirfsu fuqu, bħalma wegħedt lil Mosè.
4 It-territorju tiegħek ikun mid-deżert sal-Libanu u sax-xmara l-kbira, l-Ewfrat, jiġifieri l-art kollha tal-Ħittin, u sal-Baħar il-Kbir* lejn il-Punent.*
5 Ħadd mhu se jkun kapaċi jegħlbek kemm iddum ħaj. Se nkun miegħek bħalma kont maʼ Mosè. La se nitilqek u lanqas nabbandunak.
6 Kun kuraġġuż u sod, għax int il-wieħed li se tmexxi lil dan il-poplu biex jiret l-art li ħlift lil missirijiethom li se nagħtihom.
7 “Biss kun kuraġġuż u sod, u obdi bir-reqqa l-Liġi kollha li kkmandak Mosè, il-qaddej tiegħi. Twarrabx minnha, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug, sabiex tkun tistaʼ taġixxi bl-għerf kull fejn tmur.
8 Għandek dejjem titkellem dwar dan il-ktieb tal-Liġi, u trid taqrah u timmedita* fuqu lejl u nhar, sabiex tobdi bir-reqqa kulma hemm miktub fih. B’hekk, se tirnexxi u se taġixxi bl-għerf.
9 Ma kkmandajtekx jien? Kun kuraġġuż u sod. Titwerwirx u tibżax, għax jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, inkun miegħek kull fejn tmur.”
10 Imbagħad Ġożwè kkmanda lill-uffiċjali tal-poplu:
11 “Għaddu minn nofs il-kampijiet u agħtu dan il-kmand lill-poplu, ‘Lestu xi provvisti tal-ikel, għax minn hawn u tlett ijiem oħra se taqsmu l-Ġordan biex tidħlu u tieħdu l-art li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtikom biex tieħdu f’idejkom.’”
12 U lir-Rubenin, lill-Gadin, u lil nofs it-tribù taʼ Manasse, Ġożwè qalilhom:
13 “Ftakru f’dak li Mosè, il-qaddej taʼ Ġeħova, ikkmandakom: ‘Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtikom il-mistrieħ u takom din l-art.
14 In-nisa, it-tfal, u l-bhejjem tagħkom se jgħixu fl-art li Mosè takom fuq din in-naħa* tal-Ġordan, imma intom, il-gwerriera b’saħħithom kollha, għandkom tgħaddu qabel ħutkom lesti għall-battalja. Għandkom tgħinuhom
15 sakemm Ġeħova jagħti l-mistrieħ lil ħutkom, bħalma ta lilkom, u sakemm huma wkoll jieħdu f’idejhom l-art li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtihom. Imbagħad morru lura lejn l-art li rċivejtu biex toqogħdu fiha u tiħduha f’idejkom, l-art li Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova takom fuq in-naħa tal-Lvant tal-Ġordan.’”
16 Huma wieġbu lil Ġożwè: “Aħna se nagħmlu dak kollu li kkmandajtna, u se mmorru kull fejn tibgħatna.
17 Bħalma smajna minn kulma qal Mosè, se nisimgħu minnek. Biss jalla Ġeħova l-Alla tiegħek ikun miegħek bħalma kien maʼ Mosè.
18 Kull min jirribella kontra l-ordni tiegħek u ma jobdix kull kmand li tagħtih, jinqatel. Biss kun kuraġġuż u sod.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “Ġeħosugħa,” li jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.”
^ Jiġifieri l-Mediterran.
^ Jew “lejn inżul ix-xemx.”
^ Jew “trid taqrah minn taħt l-ilsien.”
^ Jiġifieri n-naħa tal-Lvant.