Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Dak li Għamel Mar Dritt Miegħu’

‘Dak li Għamel Mar Dritt Miegħu’

‘Dak li Għamel Mar Dritt Miegħu’

THEODORE JARACZ, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, spiċċa l-​ħajja tiegħu fuq l-​art nhar l-​Erbgħa filgħodu, id-​9 taʼ Ġunju, 2010. Kellu 84 sena u ħalla warajh lil Melita, il-​mara tiegħu għal 53 sena. Ħalla warajh ukoll lil oħtu, kif ukoll tliet neputijiet.

Ħuna Jaracz twieled fit-​28 taʼ Settembru, 1925, f’Pike County, Kentucky, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, u ssimbolizza d-​dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova meta kellu 15-​il sena, fl-​10 t’Awwissu, 1941. Sentejn wara, meta kellu 17-​il sena, beda jaqdi bħala pijunier regulari, u b’hekk ta bidu għal karriera twila taʼ kważi 67 sena fis-​servizz full-​time.

Fl-​1946, meta kellu 20 sena, Ħuna Jaracz attenda s-​sebaʼ klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead). Wara li ggradwa, Ħuna Jaracz ġie inkarigat jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa fl-​inħawi taʼ Cleveland, Ohio, l-​Istati Uniti. Fl-​1951, ġie inkarigat jaqdi fil-​fergħa tal-​Awstralja bħala l-​qaddej tal-​fergħa. In-​1983 Yearbook of Jehovah’s Witnesses qal li Ħuna Jaracz “inkuraġġixxa bil-​kbir lill-​aħwa fil-​pajjiż biż-​żelu tiegħu għall-​ordni teokratiku u bit-​tmexxija mill-​aħjar li ħa fil-​ministeru.”

Wara li rritorna fl-​Istati Uniti, Ħuna Jaracz iżżewweġ lil Melita Lasko fl-​10 taʼ Diċembru, 1956. Huma bdew il-​ħajja miżżewġa tagħhom fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar, billi b’mod diliġenti qdew fis-​circuits u d-​distretti li kienu jkopru parti kbira mill-​Istati Uniti. Lejn l-​aħħar tas-​sena 1974, Ħuna Jaracz ġie mistieden biex ikun membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Ħuna Jaracz se jdum f’moħħna bħala qaddej dedikat u leali taʼ Ġeħova, iffokat b’qalbu kollha fuq attivitajiet teokratiċi. Kien raġel miżżewweġ li jħobb u jieħu ħsieb martu kif ukoll raġel spiritwali li poġġa l-​interessi t’oħrajn qabel l-​interessi tiegħu. (1 Kor. 13:4, 5) Dan l-​interess sinċier f’oħrajn intwera bit-​tħassib profond tiegħu f’li jara li kulħadd jiġi trattat b’mod ġust u bi ħniena. Minbarra dan, l-​imħabba u l-​interess bla limitu li kellu fin-​nies dehru biċ-​ċar fiż-​żelu tiegħu għas-​servizz tal-​għalqa.

Għalkemm tassew jiddispjaċina li tlifna membru tal-​familja Betel u tal-​fratellanza globali li tant kien maħbub u li kien jaħdem iebes, aħna nifirħu meta niftakru fis-​servizz leali taʼ Ħuna Jaracz lil Ġeħova għal ħafna snin. Aħna ċerti li hu ‘ta prova tal-​fedeltà tiegħu sal-​mewt, u li rċieva l-​kuruna tal-​ħajja.’ (Riv. 2:10) Aħna ċerti wkoll li ‘dak li għamel mar dritt miegħu.’—Riv. 14:13.