Proverbji 8:1-36
8 M’huwiex l-għerf isejjaħ il-ħin kollu,+ u m’huwiex id-dixxerniment isemmaʼ leħnu kontinwament?+
2 Sab postu fuq il-quċċata taʼ l-għoljiet,+ ħdejn it-triq, f’salib it-toroq.
3 Ħdejn il-bibien, fid-daħla tal-belt,+ fid-daħla taʼ l-entraturi jibqaʼ jgħajjat bl-leħen għoli:+
4 “Lilkom, O bnedmin, qed insejjaħ, u leħni huwa għal ulied il-bnedmin.+
5 O wħud bla esperjenza, ifhmu l-prudenza;+ u intom l-istupidi, iksbu qalb li tifhem.+
6 Isimgħu, għax dwar l-iktar affarijiet importanti nitkellem,+ u xofftejja jinfetħu dwar dak li hu rett.+
7 Għax fommi jgħid il-verità b’ton baxx;+ u l-ħażen huwa xi ħaġa mistkerrha għal xofftejja.+
8 Il-kliem kollu taʼ fommi huwa fis-sewwa.+ M’hemm xejn imdawwar jew mgħawweġ fih.+
9 Kollu dritt għal min għandu d-dixxerniment, u rett għal dawk li jsibu l-għarfien.+
10 Aċċettaw id-dixxiplina tiegħi u mhux il-fidda, u l-għarfien minflok l-aqwa deheb.+
11 Għax l-għerf aħjar mill-qroll,+ u l-affarijiet l-oħrajn kollha li wieħed jitgħaxxaq bihom ma jiswewx daqsu.+
12 “Jien, l-għerf, għext mal-prudenza+ u għandi l-għarfien u l-abbiltà li naħseb.+
13 Il-biżaʼ taʼ Ġeħova jfisser li tobgħod il-ħażen.+ Is-suppervja u l-kburija+ u t-triq il-ħażina u l-fomm li jgħid affarijiet imħassrin+ jien bgħadthom.
14 Jien għandi l-pariri+ u l-għaqal.*+ Jien għandi l-abbiltà li nifhem;+ jien għandi s-setgħa.+
15 Bija s-slaten jibqgħu jsaltnu, u l-uffiċjali għoljin jibqgħu joħorġu digrieti ġusti.+
16 Bija l-prinċpijiet jibqgħu jaħkmu,+ u n-nobbli kollha jiġġudikaw bis-sewwa.+
17 Lil dawk li jħobbuni jien inħobbhom,+ u dawk li jfittxuni jsibuni.+
18 Miegħi hemm l-għana u l-glorja,+ il-valuri li jintirtu u s-sewwa.+
19 Il-frott tiegħi aħjar mid-deheb, saħansitra mid-deheb irfinut, u l-prodotti tiegħi aħjar mill-aqwa fidda.+
20 Fil-mogħdija tas-sewwa nimxi,+ f’nofs it-toroq tal-ġustizzja,+
21 biex nagħti lil dawk li jħobbuni affarijiet taʼ valur;+ u nżommilhom l-imħażen tagħhom mimlijin.+
22 “Ġeħova nissilni bħala l-bidu taʼ l-attività kreattiva tiegħu,+ l-eqdem għemil tiegħu taʼ żmien twil ilu.+
23 Ili li ġejt stabbilit minn żmien indefinit,*+ mill-bidu, minn żminijiet qabel l-art.+
24 Meta ma kienx hemm ilmijiet fondi, jien twilidt bħallikieku bl-uġigħ tal-ħlas,+ meta ma kienx hemm nixxigħat mimlijin b’ħafna ilma.
25 Qabel ma twaqqfu l-muntanji,+ qabel l-għoljiet, jien twilidt bħallikieku bl-uġigħ tal-ħlas,
26 meta kien għadu m’għamilx l-art+ u l-postijiet fil-beraħ u l-ewwel ċapep taʼ trab taʼ l-art produttiva.+
27 Hemmhekk kont meta ħejja s-smewwiet;+ meta stabbilixxa b’digriet ċirku fuq wiċċ l-ilmijiet fondi,+
28 meta għamel fis-sod il-mases taʼ sħab hemm fuq,+ meta saħħaħ l-għejun taʼ l-ilmijiet fondi,+
29 meta għamel id-digriet tiegħu għall-baħar li l-ilmijiet m’għandhomx jaqbżu l-ordni tiegħu,+ meta stabbilixxa s-sisien taʼ l-art,+
30 kont maġenbu bħala ħaddiem tas-sengħa,+ u kien jgħożżni b’mod speċjali+ jum wara l-ieħor, u kont nieħu pjaċir quddiemu l-ħin kollu,+
31 nieħu pjaċir bil-ħamrija produttiva taʼ l-art tiegħu,+ u l-affarijiet li kont ngħożż kienu marbutin maʼ wlied il-bnedmin.+
32 “U issa, O wliedi, isimgħu minni; iva, henjin dawk li jżommu triqati.+
33 Isimgħu mid-dixxiplina u siru għorrief,+ u tittraskuraw xejn.+
34 Hieni l-bniedem li qed jismaʼ minni billi jum wara l-ieħor jibqaʼ mqajjem wara biebi, billi joqgħod għassa ħdejn il-koxox taʼ biebi.+
35 Għax min isibni jsib il-ħajja,+ u jikseb l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.+
36 Imma min jonqos li jsibni jkun qed jaġixxi bi vjolenza miegħu nnifsu;+ dawk kollha li jobogħduni jħobbu l-mewt.”+

