Proverbji 19:1-29

19  Il-bniedem taʼ ftit mezzi li qed jimxi bl-​integrità tiegħu aħjar+ minn dak li għandu l-​qerq f’xofftejh u mill-​istupidu.+ 2  Ukoll, mhux tajjeb li wieħed* ma jkollux għarfien,+ u min qed iħaffef saqajh qed jidneb.+ 3  Hija l-​bluha tal-​bniedem li tgħawwiġlu triqtu,+ u b’hekk qalbu tagħdab kontra Ġeħova nnifsu.+ 4  L-għani jkollu ħafna ħbieb,+ imma l-​batut jiġi mifrud saħansitra minn sieħbu stess.+ 5  Xhud falz ma jeħlishiex mill-​kastig,+ u min jaqlaʼ l-​gideb ma jgħaddihiex lixxa.+ 6  Ħafna huma dawk li jrattbu qalb in-​nobbli,+ u kulħadd jissieħeb maʼ min jagħti r-​rigali.+ 7  Il-bniedem taʼ ftit mezzi kien mibgħud minn ħutu kollha.+ Kemm iktar tbiegħdu minnu l-​ħbieb tal-​qalb!+ Qed jiġri warajhom biex jgħidilhom xi ħaġa imma m’humiex hemm.+ 8  Min jikseb qalb għarfa*+ jħobb lilu nnifsu. Min qed jgħasses id-​dixxerniment se jsib it-​tajjeb.+ 9  Ix-xhud falz ma jeħlishiex mill-​kastig,+ u min jaqlaʼ l-​gideb se jgħib.+ 10  Mhux xieraq li l-​istupidu jkollu l-​lussu.+ Kemm huwa inqas xieraq li qaddej jaħkem fuq il-​prinċpijiet!+ 11  Id-dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu,+ u hija ħaġa sabiħa min-​naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.+ 12  Id-dagħdigħa taʼ sultan hi bħat-​tgergira taʼ ljun b’saħħtu,+ imma l-​approvazzjoni tiegħu hi bħan-​nida fuq il-​ħaxix.+ 13  Iben stupidu jfisser għawġ għal missieru,+ u l-​ġlied taʼ mara miżżewġa hu bħal saqaf iqattar li jbiegħdek minnu.+ 14  Wirt il-​missirijiet hu dar u għana,+ imma mara għaqlija hi minn Ġeħova.+ 15  L-għażż iġib l-​irqad fil-​fond,+ u ruħ merħija tbati l-​ġuħ.+ 16  Dak li qed iħares il-​kmandament qed iħares lil ruħu;+ min qed jistmerr triqatu jingħata l-​mewt.+ 17  Min iħenn għall-​batut ikun qed jislef lil Ġeħova,+ u Hu se jħallsu lura għal kif ittrattah.+ 18  Ikkastiga lil ibnek sakemm għad hemm it-​tama;+ u la tixtiqlux li jingħata l-​mewt.+ 19  Min jinkorla malajr ikollu jħallas il-​multa;+ għax jekk teħilsu jkollok tibqaʼ tagħmel dan darba wara l-​oħra.+ 20  Ismaʼ mill-​pariri u aċċetta d-​dixxiplina,+ sabiex tkun tistaʼ ssir għaref fil-​futur tiegħek.+ 21  Ħafna huma l-​pjanijiet f’qalb il-​bniedem,+ imma l-​iskop taʼ Ġeħova hu dak li se jibqaʼ.+ 22  Dak li hu mixtieq fil-​bniedem hu li juri qalb tajba bl-​imħabba;+ u wieħed taʼ ftit mezzi aħjar minn bniedem giddieb.+ 23  Il-biżaʼ taʼ Ġeħova jwassal għall-​ħajja,+ u wieħed jgħaddi l-​lejl trankwill;+ il-​ħażen ma jżurux.+ 24  L-għażżien ħeba idu fl-​iskutella taʼ l-​ikel;+ lanqas ireġġagħha lura lejn ħalqu ma jistaʼ.+ 25  Sawwat lil min iwaqqaʼ kollox għaċ-​ċajt,+ sabiex min hu bla esperjenza jsir prudenti;+ u għandek twiddeb lil min għandu l-​abbiltà li jifhem, sabiex jikseb l-​għarfien.+ 26  Min jittratta ħażin lil missieru u jkeċċi lil ommu+ hu iben li mġibtu hi taʼ mistħija u t’għajb.+ 27  Ibni, ieqaf ismaʼ mid-​dixxiplina u tkun qed tiżvija minn kliem l-​għarfien.+ 28  Xhud li m’hu tajjeb għal xejn jiddieħaq bil-​ġustizzja,+ u fomm in-​nies mill-​agħar jiblaʼ dak li hu taʼ ħsara.+ 29  Ġudizzji hemm lesti għal dawk li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt,+ u daqqiet għal dahar l-​istupidi.+

Noti taʼ taħt

^ Letteralment, “ruħ.”
^ Jew, “jikseb motiv tajjeb.”