Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦALA JIĠRU AFFARIJIET ĦŻIENA LIL NIES TAJBIN?

Affarijiet ħżiena jiġru lil nies tajbin—Għala?

Affarijiet ħżiena jiġru lil nies tajbin—Għala?

Ladarba Alla Ġeħova * hu l-​Ħallieq taʼ kollox u jistaʼ kollox, ħafna nies jistaʼ jkollhom it-​tendenza li jżommuh responsabbli għal kulma jiġri fid-​dinja, inkluż dak kollu li hu ħażin. Madankollu, ikkunsidra x’tgħid il-​Bibbja dwar l-​Alla l-​veru:

  • “Ġeħova hu ġust fi triqatu kollha.”—Salm 145:17.

  • “Triqatu [t’Alla] kollha huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja; ġust u rett hu.”—Dewteronomju 32:4.

  • “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.”—Ġakbu 5:11.

Alla ma jġegħelx li jsiru affarijiet ħżiena. Imma jxewwex hu lil oħrajn jagħmlu affarijiet vili? Lanqas xejn. “Meta jkun għaddej minn prova,” tgħid l-​Iskrittura, “ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed jgħaddini minn prova.’” Għala? “Għax Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” (Ġakbu 1:13) Alla ma jittestja jew jgħaddi lil ħadd minn prova billi jqanqlu jagħmel il-​ħażen. Alla la jġiegħel li jiġru affarijiet ħżiena u lanqas ma jqanqal lil ħadd biex jagħmel il-​ħażen. Mela hemm xi ħaġa jew xi ħadd li jaħti meta jiġru affarijiet ħżiena?

TKUN FIL-POST ĦAŻIN FIL-ĦIN ĦAŻIN

Il-​Bibbja tidentifika raġuni waħda għala n-​nies ibatu meta tgħid: “Iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekkleżjasti 9:11) Meta jiġru ġrajjiet jew inċidenti mhux mistennijin, jekk xi ħadd ikunx effettwat jew le jiddependi fil-​biċċa l-​kbira fuq fejn ikun meta jseħħu. Kważi 2,000 sena ilu, Ġesù Kristu tkellem dwar diżastru li kien jinvolvi 18-​il ruħ li mietu meta waqaʼ torri fuqhom. (Luqa 13:1-​5) Ma kinux vittmi minħabba l-​mod kif għexu ħajjithom; sempliċement kienu taħt it-​torri meta inzerta waqaʼ. Iktar reċenti, terremot devastanti laqat lill-​Ħaiti f’Jannar tal-​2010; il-​gvern Ħaitjan jgħid li ntilfu ’l fuq minn 300,000 ruħ. Dawk in-​nies kollha mietu irrispettivament min kienu l-​individwi. Il-​mard ukoll jistaʼ jolqot lil kulħadd fi kwalunkwe żmien.

Alla għala ma jipproteġix lil nies tajbin mill-​ħsara?

Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu: ‘Ma jistax Alla jipprevieni inċidenti fatali bħal dawn milli jsiru? Ma jistax jipproteġi lil nies tajbin mill-​ħsara?’ Biex Alla jintervieni b’dan il-​mod, ikun ifisser li hu jaf dwar affarijiet ħżiena qabel ma jiġru. Filwaqt li Alla ċertament għandu l-​abbiltà jkun jaf il-​futur, il-​mistoqsija li għandna nikkunsidraw hi din: Jagħżel Alla li juża l-​qawwa tiegħu bla limitu biex ikun jaf bil-​quddiem affarijiet bħal dawn?—Isaija 42:9.

L-​Iskrittura tgħid: “Alla . . . hu fis-​smewwiet; kulma għoġbu jagħmel għamlu.” (Salm 115:3) Ġeħova jagħmel dak li hu jqisu neċessarju li jagħmel—mhux kulma hu kapaċi jagħmel. Dan japplika wkoll għal dak li jiddeċiedi li jara minn qabel. Pereżempju, wara li l-​ħażen kien mifrux ħafna fil-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra tal-​qedem, Alla qal lill-​patrijarka Abraham: “Ninsab determinat li ninżel nara jekk hux qed jaġixxu għalkollox skond l-​għajta li waslet għandi, u, jekk le, inkun naf.” (Ġenesi 18:20, 21) Għal xi żmien, Ġeħova għażel li ma jkunx jaf kemm kien hemm ħażen f’dawk il-​bliet. Bl-​istess mod mela, Ġeħova jistaʼ jagħżel li ma jkunx jaf kollox minn qabel. (Ġenesi 22:12) Dan bl-​ebda mod ma jindika xi imperfezzjoni jew dgħufija min-​naħa tiegħu. Ladarba “perfett għemilu,” l-​abbiltà t’Alla li jkun jaf il-​futur hija bbilanċjata mal-​iskop tiegħu; hu qatt ma jġiegħel lin-​nies isegwu ċerta korsa. * (Dewteronomju 32:4) Mela, x’nistgħu nikkonkludu? Sempliċement dan: Alla jkun selettiv u diskret meta jagħżel li jkun jaf xi ħaġa bil-​quddiem.

Alla għala ma jipproteġix lil nies tajbin mill-​kriminalità?

HUMA RESPONSABBLI L-BNEDMIN?

Parti mit-​tort għall-​ħażen hu tal-​bniedem. Innota kif il-​Bibbja tiddeskrivi l-​proċess li jwassal għal atti taʼ ħsara: “Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub; u meta d-​dnub jitwettaq, iġib il-​mewt.” (Ġakbu 1:14, 15) Meta xi ħadd jaġixxi fuq xewqat mhux xierqa jew iċedi għal xenqiet ħżiena, żgur li jbati konsegwenzi koroh. (Rumani 7:21-​23) Bħalma turi l-​istorja, il-​bnedmin ikkommettew atti orribbli u kkaġunaw tbatija liema bħalha. Iktar minn hekk, nies ħżiena jistgħu jinfluwenzaw oħrajn biex isiru korrotti bħalhom, u b’hekk il-​ħażen ikompli.—Proverbji 1:10-​16.

Il-​bnedmin ikkommettew atti orribbli u kkaġunaw tbatija liema bħalha

Għandu jintervieni Alla u jwaqqaf lin-​nies milli jagħmlu affarijiet ħżiena? Ikkunsidra kif inhu magħmul il-​bniedem. L-​Iskrittura tgħid li Alla ħalaq lill-​bniedem fix-​xbieha tiegħu stess, jiġifieri, fix-​xbieha t’Alla. B’hekk il-​bnedmin għandhom l-​abbiltà jirriflettu l-​kwalitajiet t’Alla. (Ġenesi 1:26) Il-​bnedmin ingħataw l-​għotja tar-​rieda ħielsa u jistgħu jagħżlu li jħobbu lil Alla u jibqgħu leali lejh billi jagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejh. (Dewteronomju 30:19, 20) Li kieku Alla jġiegħel lin-​nies jaqbdu ċerta korsa, ma jkunx qed iġib fix-​xejn l-​għotja tar-​rieda ħielsa? Kieku, il-​bnedmin jiġu qishom magni, jagħmlu eżattament dak li kienu pprogrammati li jagħmlu! L-​istess jistaʼ jingħad li kieku d-​destin, jew Kismet, jiddetta x’nagħmlu u kulma jiġrilna. Kemm nistgħu nkunu ferħanin li Alla jtina d-​dinjità billi jħallina nagħżlu kif ngħixu! Però, dan ma jfissirx li l-​ħsara li ġiet minħabba żbalji umani u għażliet ħżiena se jifnu lill-​umanità għal dejjem.

HI L-KARMA KAĠUN TAT-TBATIJA?

Li kieku kellek tistaqsi lil xi ħadd minn sfond Ħindu jew Buddist il-​mistoqsija fuq il-​qoxra taʼ din ir-​rivista, x’aktarx kont tieħu din ir-​risposta: “Affarijiet ħżiena jiġru lil nies tajbin minħabba l-​liġi tal-​Karma. Qed jaħsdu l-​frott taʼ dak li għamlu fil-​ħajja li kellhom qabel.” *

Dwar it-​tagħlim tal-​Karma, ikun t’għajnuna jekk tinnota x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​mewt. Fil-​ġnien tal-​Għeden, minn fejn oriġinaw il-​bnedmin, il-​Ħallieq qal lil Adam, l-​ewwel raġel: “Minn kull siġra tal-​ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin ma tistax tiekol, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Li kieku Adam obda lil Alla u ma dinibx, hu kien jgħix għal dejjem. Il-​mewt ġiet bħala kastig għad-​diżubbidjenza lejn il-​kmand t’Alla. Imbagħad, meta twieldu l-​ulied, “il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha.” (Rumani 5:12) B’hekk, tistaʼ tgħid li “l-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt.” (Rumani 6:23) Il-​Bibbja tispjega wkoll: “Min miet inħeles mid-​dnub.” (Rumani 6:7) Fi kliem ieħor, in-​nies ma jibqgħux ipattu għal dnubiethom wara l-​mewt.

Miljuni taʼ nies illum jispjegaw li l-​problema tat-​tbatija tal-​bniedem tinvolvi l-​Karma. Dawk li jemmnu fiha ġeneralment jaċċettaw it-​tbatijiet li jgħaddu minnhom kif ukoll dawk t’oħrajn mingħajr ma jinkwetaw iżżejjed minħabba fihom. Imma jibqaʼ l-​fatt li dan il-​konċett ma jagħti l-​ebda tama li l-​affarijiet ħżiena mhux se jibqgħu jseħħu. Hu maħsub li l-​uniku serħan li individwu jkollu hu l-​ħelsien miċ-​ċikli tat-​twelid mill-​ġdid li jirriżulta minn imġiba aċċettata soċjalment u għarfien speċjali. M’għandniex xi ngħidu dawn l-​ideat huma differenti ħafna minn dak li tgħid il-​Bibbja. *

IL-KAĠUN PRINĊIPALI!

Kont taf li l-​kaġun prinċipali tat-​tbatija hu “l-​ħakkiem tad-​dinja”—Satana x-​Xitan?—Ġwanni 14:30

Madankollu, il-​kaġun prinċipali tal-​ħażen mhuwiex il-​bniedem. Satana x-​Xitan, oriġinarjament anġlu leali t’Alla, “ma żammx sħiħ fil-​verità” u ġab id-​dnub fid-​dinja. (Ġwanni 8:44) Hu xewwex ribelljoni fil-​ġnien tal-​Għeden. (Ġenesi 3:1-​5) Ġesù Kristu sejjaħlu “l-​Ħażin” u “l-​ħakkiem tad-​dinja.” (Mattew 6:13; Ġwanni 14:30) L-​umanità inġenerali ssegwi lil Satana billi tismaʼ t-​tħeġġiġ tiegħu f’li tinjora l-​mogħdijiet tajbin taʼ Ġeħova. (1 Ġwanni 2:15, 16) “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin,” jgħid l-​1 Ġwanni 5:19. Hemm ħlejjaq spirti oħrajn li saru mill-​agħar u ngħaqdu maʼ Satana. Il-​Bibbja turi li Satana u d-​demonji tiegħu qegħdin ‘iqarrqu bl-​art abitata kollha,’ u jikkaġunaw “gwaj għall-​art.” (Rivelazzjoni 12:9, 12) Għalhekk, it-​tort prinċipali għall-​ħażen għandu jingħata lil Satana x-​Xitan.

Jidher ċar li Alla mhuwiex responsabbli għall-​affarijiet ħżiena li jiġru lin-​nies; lanqas ma jġiegħel lil dawn isofru. Għall-​kuntrarju, hu wiegħed li jelimina l-​ħażen, bħalma se juri l-​artiklu li ġej.

^ par. 3 Ġeħova hu isem Alla kif muri fil-​Bibbja.

^ par. 11 Biex issir taf għala Alla jħalli l-​ħażen għaddej, ara kapitlu 11 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 16 Biex issir taf dwar l-​oriġini taʼ dik li hi msejħa l-​liġi tal-​Karma, ara paġni 8-​12 tal-​browxer X’Jiġrilna meta Mmutu? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 18 Rigward dak li tgħallem il-​Bibbja dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin u t-​tama għal dawk li mietu, ara kapitli 6 u 7 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?