Huwa x-Xitan Reali?
It-tweġiba tal-Bibbja
Iva, ix-Xitan jeżisti. Hu “l-ħakkiem tad-dinja,” spirtu li sar ħażin u rribella kontra Alla. (Ġwanni 14:30; Efesin 6:11, 12) Il-Bibbja tirrivela l-personalità tax-Xitan permezz taʼ dawn l-ismijiet u d-deskrizzjonijiet:
Satana, li jfisser “Dak li jopponi.”—Ġob 1:6.
Xitan, li jfisser “Kalunnjatur.”—Rivelazzjoni 12:9.
Serp, li fil-Bibbja tintuża għal “Wieħed li jqarraq.”—2 Korintin 11:3.
Tentatur.—Mattew 4:3.
Giddieb.—Ġwanni 8:44.
Mhuwiex il-ħażen inġenerali
Xi wħud iqisu lil Satana x-Xitan sempliċement bħala l-ħażen inġenerali jew il-ħażen li jeżisti ġewwa fina. Madankollu, fil-Bibbja nsibu konversazzjoni bejn Alla u Satana. Alla hu perfett, u għalhekk ma jistax ikun li kien qed ikellem lil xi parti ħażina minnu nnifsu. (Dewteronomju 32:4; Ġob 2:1-6) Ukoll, Satana ttanta lil Ġesù, li hu ħieles minn kull dnub. (Mattew 4:8-10; 1 Ġwanni 3:5) B’hekk, il-Bibbja turi li x-Xitan huwa reali u mhux sempliċi personifikazzjoni tal-ħażen.
Għandna għalfejn nibqgħu skantati li ħafna nies ma jemmnux li x-Xitan hu reali? Xejn affattu, għax il-Bibbja tgħid li Satana juża l-qerq biex iwettaq l-iskopijiet tiegħu. (2 Tessalonikin 2:9, 10) Wieħed mill-akbar inganni tiegħu hu li għema lil ħafna nies biex ma jemmnux li hu jeżisti.—2 Korintin 4:4.
Iktar ideat żbaljati dwar ix-Xitan
Ħrafa: Luċifru hu isem ieħor għax-Xitan.
Fatt: Il-kelma bl-Ebrajk li f’ċerti Bibbji tiġi tradotta “Luċifru” tfisser “int li tiddi.” (Isaija 14:12) Il-kuntest juri li dan it-terminu jirreferi għad-dinastija, jew linja ta’ slaten, taʼ Babilonja, li Alla kien se jumilja minħabba l-arroganza tagħha. (Isaija 14:4, 13-20) L-espressjoni “li tiddi” ntużat biex twaqqaʼ għaċ-ċajt lid-dinastija Babiloniża wara li ntrebħet.
Ħrafa: Alla qed juża lil Satana bl-iskop li jittestja lin-nies ħalli jiġġudikahom.”
Fatt: Ix-Xitan hu l-għadu t’Alla, u mhux il-qaddej tiegħu. Satana x-Xitan jopponi u jakkuża b’mod falz lin-nies li jaqdu lil Alla.—1 Pietru 5:8; Rivelazzjoni 12:10.