Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 3

Int kif tistaʼ tgħasses lil qalbek?

Int kif tistaʼ tgħasses lil qalbek?

“Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares lil qalbek.”—PROV. 4:23.

GĦANJA 36 Ngħassu lil qalbna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-3. (a) Ġeħova għala kien iħobbu lil Salamun, u liema barkiet gawda Salamun? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

SALAMUN sar sultan t’Iżrael meta kien għadu żagħżugħ. Fil-​bidu tat-​tmexxija tiegħu, Ġeħova deherlu f’ħolma u qallu: “Itlobni xi tridni nagħtik.” Salamun wieġeb billi qal li kien għadu żagħżugħ u bla esperjenza u mbagħad żied: “Agħti lill-​qaddej tiegħek qalb ubbidjenti biex jiġġudika lill-​poplu tiegħek.” (1 Slat. 3:5-10) “Qalb ubbidjenti”—kemm kien konxju tal-​limitazzjonijiet tiegħu Salamun! Mhux taʼ b’xejn li kien iħobbu Ġeħova! (2 Sam. 12:24) Alla tagħna tant kien ferħan bit-​tweġiba tas-​sultan żagħżugħ Salamun li tah “qalb għarfa u li tifhem.”—1 Slat. 3:12.

2 Sakemm kien leali, Salamun gawda ħafna barkiet. Kellu l-​unur li jibni tempju “għal isem Ġeħova l-​Alla taʼ Israel.” (1 Slat. 8:20) Hu sar magħruf ħafna għall-​għerf li tah Alla. U l-​affarijiet li qal meta kien imnebbaħ minn Alla huma mniżżlin fi tliet kotba tal-​Bibbja. Il-​ktieb tal-​Proverbji hu wieħed minnhom.

3 Fi Proverbji hemm madwar 90 referenza għall-​qalb. Pereżempju, fi Proverbji 4:23 naqraw: “Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares lil qalbek.” F’dal-​vers, għal xiex tirreferi l-​kelma “qalbek”? Se nwieġbu din il-​mistoqsija f’dan l-​artiklu. Ukoll se nikkunsidraw it-​tweġibiet għal żewġ mistoqsijiet oħra: Satana kif jipprova jniġġsilna, jew iħassrilna, qalbna? U x’nistgħu nagħmlu biex ngħassuha? Biex nibqgħu leali lejn Alla, għandna bżonn nifhmu t-​tweġiba għal dawn il-​mistoqsijiet importanti.

“QALBEK”—X’INHI?

4-5. (a) Salm 51:6 kif jgħinna nifhmu għal xiex tirreferi l-​kelma “qalbek”? (b) Is-​saħħa fiżika tagħna kif tgħinna nifhmu l-​importanza taʼ min aħna minn ġewwa?

4 Fi Proverbji 4:23, il-​kelma “qalbek” hi użata biex tirreferi għall-​“bniedem . . . minn ġewwa.” (Aqra Salm 51:6.) Fi kliem ieħor, il-​qalb tirreferi għall-​ħsibijiet, is-​sentimenti, il-​mottivi, u x-​xewqat personali tagħna. Dawn l-​affarijiet kollha juru min aħna verament minn ġewwa, u mhux biss dak li nidhru minn barra.

5 Aħseb naqra kif is-​saħħa fiżika tagħna tgħinna nifhmu l-​importanza taʼ min aħna minn ġewwa. L-​ewwel, biex ġisimna jkun f’saħħtu minn ġewwa, għandna nagħżlu dieta tajba, u hemm bżonn nagħmlu eżerċizzju regolari. Bl-​istess mod, biex inżommu lilna nfusna f’saħħitna spiritwalment, għandna nagħżlu dieta tajba taʼ ikel spiritwali u regolarment nuru lil Ġeħova li għandna fidi fih. Dan nagħmluh billi napplikaw dak li nitgħallmu u nitkellmu dwar il-​fidi tagħna. (Rum. 10:8-10; Ġak. 2:26) It-​tieni, skont id-​dehra taʼ barra, nistgħu naħsbu li aħna f’saħħitna anke jekk fil-​fatt aħna morda minn ġewwa. B’mod simili, skont ir-​rutina spiritwali tagħna, nistgħu naħsbu li l-​fidi tagħna hi b’saħħitha, imma jistaʼ jkollna xewqat ħżiena li qed jikbru fina. (1 Kor. 10:12; Ġak. 1:14, 15) Irridu niftakru li Satana jixtieq iniġġisna bi ħsibijietu. Kif eżattament jistaʼ jipprova jagħmel dan? U aħna kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna?

KIF SATANA JIPPROVA JĦASSRILNA QALBNA

6. X’inhi l-​mira taʼ Satana, u kif jipprova jilħaqha?

6 Satana jridna nsiru bħalu—ribell li jinjora l-​livelli taʼ Ġeħova u li hu mmotivat mill-​egoiżmu. Satana ma jistax jisforzana nirraġunaw u naġixxu bħalu. Allura jipprova jilħaq il-​mira tiegħu b’modi oħra. Pereżempju, hu jdawwarna b’nies li diġà huma mħassrin minnu. (1 Ġw. 5:19) Hu jittama li aħna nagħżlu li nqattgħu l-​ħin magħhom, avolja nafu li kumpanija ħażina “tħassar” il-​mod kif naħsbu u naġixxu. (1 Kor. 15:33) Din it-​tattika ħadmet fuq is-​Sultan Salamun. Hu żżewweġ ħafna nisa li ma qimux lil Ġeħova. Eventwalment, dawn kellhom influwenza qawwija fuqu u “bil-​mod il-​mod dawrulu qalbu” lil hinn minn Ġeħova.—1 Slat. 11:3.

Int kif tistaʼ tipproteġi lil qalbek mill-isforzi taʼ Satana biex iniġġisha bil-ħsibijiet tiegħu? (Ara paragrafu 7) *

7. Satana x’qed juża iktar biex ixerred il-​ħsibijiet tiegħu, u aħna għala għandna bżonn noqogħdu attenti ħafna għal dan?

7 Satana juża films u programmi tat-​televixin biex ixerred il-​ħsibijiet tiegħu. Hu jaf li meta xi ħadd ikun kapaċi jirrakkonta storja, dan jgħin mhux biss biex l-​udjenza tieħu gost tismagħha, imma wkoll biex tgħallimhom kif jaħsbu, kif iħossuhom, u kif jaġixxu. Ġesù kien kapaċi f’li jirrakkonta l-​istejjer biex jgħallem. Eżempju taʼ dan huma l-​parabboli tiegħu tas-​Samaritan it-​tajjeb u tal-​iben li telaq mid-​dar u berbaq wirtu. (Mt. 13:34; Lq. 10:29-37; 15:11-32) Madankollu, dawk li huma influwenzati mill-​ħsibijiet taʼ Satana jistgħu jużaw din il-​kapaċità biex iniġġsuna. Għandna bżonn inkunu bilanċjati. Films u programmi fuq it-​televixin jistgħu jkunu taʼ pjaċir għalina u jedukawna mingħajr ma jniġġsu l-​ħsibijiet tagħna. Imma għandna noqogħdu attenti ħafna. Meta nagħżlu x’se naraw bħala divertiment, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Dan il-​film jew programm tat-​televixin qed jgħallimni li mhu xejn ħażin li nċedi għax-​xewqat tal-​laħam?’ (Gal. 5:19-21; Efes. 2:1-3) X’għandek tagħmel jekk tinduna li programm qed ixerred il-​ħsibijiet taʼ Satana? Evitah daqslikieku qed tevita marda li tittieħed!

8. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jgħassu lil qalbhom?

8 Ġenituri, intom għandkom responsabbiltà speċjali biex tgħassu lil uliedkom mill-​isforzi taʼ Satana biex iħassrilhom qalbhom. Bla dubju, intom tagħmlu dak kollu li tistgħu biex tipproteġu lil uliedkom milli jimirdu, forsi billi żżommu d-​dar nadifa u tarmu kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tmarradkom. Bl-​istess mod, għandkom bżonn tipproteġu lil uliedkom minn films, programmi tat-​televixin, logħob elettroniku, u websajts li aktarx se jniġġsuhom bil-​ħsibijiet taʼ Satana. Ġeħova takom l-​awtorità biex tieħdu ħsieb is-​saħħa spiritwali taʼ wliedkom. (Prov. 1:8; Efes. 6:1, 4) Allura tiddejqux tagħmlu regoli għall-​familja li huma bbażati fuq il-​livelli tal-​Bibbja. Għid lit-​tfal żgħar tiegħek dak li jistgħu u ma jistgħux jaraw, u għinhom jifhmu r-​raġunijiet għad-​deċiżjonijiet tiegħek. (Mt. 5:37) Hekk kif jikbru, ittrennjahom biex jagħrfu u jifhmu għalihom infushom dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin skont il-​livelli taʼ Ġeħova. (Ebr. 5:14) U ftakar, uliedek se jitgħallmu ħafna minn dak li tgħid, imma se jitgħallmu ħafna iktar minn dak li tagħmel.—Dt. 6:6, 7; Rum. 2:21.

9. X’inhi waħda mill-​ideat li jippromwovi Satana, u għala hi perikoluża?

9 Satana jipprova wkoll iħassar lil qalbna billi jġegħelna nafdaw fl-​għerf tal-​bniedem minflok ma nafdaw fil-​ħsibijiet taʼ Ġeħova. (Kol. 2:8) Ikkunsidra idea waħda biss li jippromwovi Satana. Din hi li l-​mira prinċipali f’ħajtek għandha tkun li ssir sinjur. Dawk li jaħsbu b’dan il-​mod jistaʼ jkun li jsiru sinjuri, jew jistaʼ jkun li le. Hu x’inhu l-​każ, ikunu fil-​periklu. Għala? Għax tant jistgħu jsiru ffokati fuq li jaqilgħu ħafna flus li saħħithom, ir-​relazzjoni tagħhom mal-​familja, u saħansitra l-​ħbiberija tagħhom m’Alla jmorru minn taħt. Dan kollu biex jilħqu l-​mira tagħhom. (1 Tim. 6:10) Aħna nistgħu nkunu grati li Missierna tas-​sema li hu għaref jgħinna jkollna ħarsa xierqa lejn il-​flus.—Ekk. 7:12; Lq. 12:15.

KIF NISTGĦU NGĦASSU LIL QALBNA?

Bħall-għassiesa taʼ fuq is-swar u dawk tal-bibien fiż-żminijiet tal-qedem, oqgħod attent u aġixxi biex influwenzi taʼ ħsara ma jidħlux f’qalbek (Ara paragrafi 10-11) *

10-11. (a) X’għandna nkunu kapaċi nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna? (b) L-​għassiesa fuq is-​swar x’kienu jagħmlu fi żmien il-​qedem, u l-​kuxjenza tagħna kif tistaʼ tkun bħala għassies għalina?

10 Sabiex jirnexxilna ngħassu lil qalbna, għandna nkunu kapaċi nagħrfu l-​perikli u naġixxu malajr biex nipproteġu lilna nfusna. Dan ifakkarna fix-​xogħol li jagħmel għassies. Fi żmien is-​Sultan Salamun, l-​għassiesa kienu jkunu għassa fuq is-​swar tal-​belt u jekk kienu jaraw xi periklu riesaq kienu javżaw lil oħrajn. B’din l-​istampa f’moħħna nistgħu nifhmu x’għandna nagħmlu biex inwaqqfu lil Satana milli jniġġsilna l-​ħsibijiet tagħna.

11 Fi żmien il-​qedem, l-​għassiesa fuq is-​swar kienu jaħdmu mill-​qrib mal-​għassiesa tal-​bibien tal-​belt. (2 Sam. 18:24-26) Flimkien, dawn kienu jgħinu biex il-​belt tkun protetta billi jagħmlu ċert li l-​bibien ikunu magħluqin kull meta xi għadu jersaq viċin. (Neħ. 7:1-3) Il-​kuxjenza tagħna trenjata fuq il-​Bibbja * tistaʼ tkun bħala għassies għalina u tavżana meta Satana jipprova jattakka lil qalbna—fi kliem ieħor, meta jipprova jinfluwenza l-​ħsibijiet, is-​sentimenti, il-​mottivi, jew ix-​xewqat tagħna. Kull meta l-​kuxjenza tagħna tavżana dwar periklu, aħna bħallikieku jkollna nagħlqu l-​bibien tal-​belt jew nagħmlu kulma nistgħu biex nevitaw il-​periklu.

12-13. X’jistaʼ jkun li nitħajru nagħmlu, imma kif għandna nirreaġixxu?

12 Ikkunsidra eżempju taʼ kif aħna nistgħu nipproteġu lilna nfusna milli niġu influwenzati mill-​ħsibijiet taʼ Satana. Ġeħova għallimna li ‘lanqas biss għandhom jissemmew fostna ż-​żína [jew, “l-​immoralità sesswali”] u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta.’ (Efes. 5:3) Imma x’se tagħmel jekk dawk tax-​xogħol jew tal-​iskola jibdew jitkellmu dwar suġġetti immorali sesswalment? Aħna nafu li għandna “nwarrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja.” (Titu 2:12) L-​għassies, il-​kuxjenza tagħna, jistaʼ jkun li javżana dwar il-​periklu. (Rum. 2:15) Imma se nisimgħu minnu? Jistaʼ jkun li minflok, nitħajru nisimgħu minn dawk tax-​xogħol jew tal-​iskola jew naraw stampi li jkunu qed juru. Imma dan hu l-​ħin li nagħlqu l-​bibien tal-​belt, jiġifieri li nevitaw il-​periklu, billi nbiddlu s-​suġġett jew nitilqu ’l hemm.

13 Trid tkun kuraġġuż biex tirreżisti din il-​pressjoni taʼ li taħseb dwar affarijiet ħżiena jew li tagħmilhom. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jara l-​isforz li nagħmlu, u hu se jagħtina s-​saħħa u l-​għerf li neħtieġu biex nirreżistu l-​ħsibijiet taʼ Satana. (2 Kron. 16:9; Is. 40:29; Ġak. 1:5) X’nistgħu nagħmlu iktar biex ngħassu lil qalbna?

IBQAʼ GĦASSA

14-15. (a) Xi rridu nħallu jidħol f’qalbna, u kif nistgħu nagħmlu dan? (b) Proverbji 4:20-​22 kif jgħinna nieħdu kemm nistgħu mill-​qari tagħna tal-​Bibbja? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Kif timmedita.”)

14 Biex nipproteġu lil qalbna, m’għandniex biss nirrifjutaw influwenzi ħżiena imma wkoll naċċettaw influwenzi pożittivi. Erġaʼ aħseb dwar l-​eżempju tal-​belt bis-​swar. Għassies tal-​bibien kien jagħlaqhom biex iwaqqaf lil għadu milli jidħol u jattakka l-​belt, imma drabi oħra hu kien jiftaħhom biex ikel u affarijiet oħra setgħu jiddaħħlu fil-​belt. Jekk il-​bibien qatt ma kienu jinfetħu, dawk li għexu fiha kienu jmutu bil-​ġuħ. Bl-​istess mod, aħna għandna bżonn inħallu l-​ħsibijiet t’Alla jidħlu f’qalbna u jinfluwenzawna b’mod regolari.

15 Il-​Bibbja fiha l-​ħsibijiet taʼ Ġeħova, allura kull darba li naqrawha, aħna nħallu l-​ħsibijiet taʼ Ġeħova jeffettwaw il-​mod kif naħsbu, inħossuna, u naġixxu. Kif nistgħu nieħdu kemm nistgħu mill-​qari tagħna tal-​Bibbja? It-​talb hu importanti ħafna. Oħt Kristjana tgħid: “Qabel ma naqra l-​Bibbja, nitlob lil Ġeħova biex jgħinni ‘nara ċar l-​affarijiet tal-​għaġeb’ fil-​Kelma tiegħu.” (Salm 119:18) Ukoll, jeħtieġ li nimmeditaw fuq dak li naqraw. Meta nitolbu, naqraw, u nimmeditaw, il-​Kelma t’Alla tinżel ‘fil-​fond taʼ qalbna,’ u nsiru nħobbu l-​ħsibijiet taʼ Ġeħova.—Aqra Proverbji 4:20-​22; Salm 119:97.

16. Ħafna kif ibbenefikaw mill-​JW Broadcasting?

16 Mod ieħor kif inħallu l-​ħsibijiet t’Alla jinfluwenzawna hu billi naraw il-​materjal disponibbli fuq JW Broadcasting®. Koppja tgħid: “Il-​programmi taʼ kull xahar veru huma tweġiba għal talbna! Dawn saħħewna u inkuraġġewna meta konna nħossuna mdejqin u waħedna. U spiss meta nkunu d-​dar, nisimgħu l-​kanzunetti oriġinali waqt li nkunu qed insajru, innaddfu, jew waqt li nieħdu xi tazza te.” Dawn il-​programmi jgħinuna ngħassu lil qalbna. Jgħallmuna naħsbu kif jaħseb Ġeħova u nirreżistu l-​pressjoni biex nibdew naħsbu bħal Satana.

17-18. (a) Bħalma juri l-​1 Slaten 8:61, x’jiġri meta napplikaw dak li nitgħallmu mingħand Ġeħova? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tas-​Sultan Ħeżekija? (ċ) Fi qbil mat-​talba taʼ David li nsibu f’​Salm 139:23, 24, għal xiex nistgħu nitolbu?

17 Kull darba li naraw il-​benefiċċji taʼ li nagħmlu dak li hu sew, il-​fidi tagħna tissaħħaħ. (Ġak. 1:2, 3) Aħna nħossuna tajjeb għax inkunu għamilna lil Ġeħova kburi li jsejħilna wliedu, u x-​xewqa tagħna biex nogħġbuh tissaħħaħ. (Prov. 27:11) Kull prova ssir opportunità biex nuru li aħna ma naqdux lil Missierna b’nofs qalb. (Salm 119:113) Minflok, aħna nagħtu prova li nħobbuh b’qalb sħiħa, qalb li hi kompletament determinata li tobdi l-​kmandamenti tiegħu u tagħmel ir-​rieda tiegħu.—Aqra l-​1 Slaten 8:61.

18 Se nieħdu żbalji? Iva; aħna imperfetti. U jekk dan jiġri, ftakar fl-​eżempju tas-​Sultan Ħeżekija. Hu żbalja. Imma nidem u kompla jaqdi lil Ġeħova “b’qalb sħiħa.” (Is. 38:3-​6; 2 Kron. 29:1, 2; 32:25, 26) Ejjew mela nirrifjutaw l-​isforzi taʼ Satana biex iniġġisna bil-​ħsibijiet tiegħu. Ejjew nitolbu biex niżviluppaw “qalb ubbidjenti.” (1 Slat. 3:9; aqra Salm 139:23, 24.) Jekk aħna ngħassu lil qalbna iktar minn kull ħaġa oħra, nistgħu nibqgħu leali lejn Ġeħova.

GĦANJA 54 “Din hi t-​triq”

^ par. 5 Se nibqgħu leali lejn Ġeħova jew se nħallu lil Satana jħajjarna biex nitbiegħdu minn Alla tagħna? It-​tweġiba tiddependi fuq kemm ngħassu tajjeb lil qalbna, u mhux fuq kemm aħna ttestjati b’mod aħrax. Il-​kelma ‘qalb’ għal xiex tirreferi? Satana kif jipprova jħassrilna qalbna? U kif nistgħu ngħassuha? Dan l-​artiklu se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet importanti.

^ par. 11 ESPRESSJONI SPJEGATA: Ġeħova tana l-​abbiltà li neżaminaw il-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u l-​azzjonijiet tagħna stess, u mbagħad niġġudikaw lilna nfusna. Din l-​abbiltà l-​Bibbja ssejħilha l-​kuxjenza. (Rum. 2:15; 9:1) Kuxjenza trenjata fuq il-​Bibbja tuża l-​livelli taʼ Ġeħova li nsibu fil-​Bibbja biex tiġġudika jekk dak li naħsbu, nagħmlu, jew ngħidu hux tajjeb jew ħażin.

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu mgħammed qed jara t-​televixin u titlaʼ xena immorali. Hu għandu jiddeċiedi x’se jagħmel.

^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Għassies fuq is-​swar fiż-​żminijiet tal-​qedem jara l-​periklu barra l-​belt. Hu jsejjaħ lill-​għassiesa tal-​bibien, u huma jaġixxu minnufih billi jagħlqu l-​bibien tal-​belt u jsakkruhom minn ġewwa.