Mattew 14:1-36
14 F’dak iż-żmien partikulari Erodi,* il-ħakkiem tad-distrett, semaʼ x’kien qed jintqal dwar Ġesù+
2 u qal lill-qaddejja tiegħu: “Dan żgur Ġwanni l-Battista. Ġie mqajjem mill-imwiet, u minħabba f’hekk qed iwettaq+ għemejjel setgħanin.”
3 Għax Erodi kien arresta lil Ġwanni u rabtu u tefgħu l-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu,+
4 peress li Ġwanni kien jgħidlu: “Skond il-liġi ma tistax tkun tiegħek.”+
5 Madankollu, għalkemm ried joqtlu, kien jibżaʼ mill-folla, għax kienu jqisuh bħala profeta.+
6 Imma fiċ-ċelebrazzjoni t’għeluq snin+ Erodi, bint Erodja ħarġet tiżfen fin-nofs u tant għoġbitu lil Erodi
7 li wegħedha b’ħalfa li jagħtiha kulma titolbu.+
8 Imbagħad hi, mogħwija minn ommha, qalet: “Agħtini issa fuq platt ras Ġwanni l-Battista.”+
9 Is-sultan tnikket, imma minħabba l-ħalfa tiegħu u minħabba dawk li kienu mal-mejda miegħu, ordna li tingħatalha;+
10 u bagħat jaqtaʼ ras Ġwanni fil-ħabs.
11 U rasu nġiebet fuq platt u ngħatat lit-tfajla, u din ħaditha lil ommha.+
12 Imbagħad marru d-dixxipli tiegħu, ħadu l-ġisem u difnuh,+ u ġew u qalu lil Ġesù.
13 Malli semaʼ b’dan, Ġesù telaq minn hemmhekk b’dgħajsa lejn post imwarrab biex ikun waħdu;+ imma kif saru jafu dan, il-folol marru warajh bil-mixi mill-bliet.
14 Issa, meta niżel mid-dgħajsa, ra folla kbira; u tħassarhom,+ u fejqilhom il-morda tagħhom.+
15 X’ħin sar fil-għaxija resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Il-post hu mwarrab u diġà sar ħafna ħin; ibgħathom il-folol biex imorru fl-irħula jixtru x’jieklu.”+
16 Madankollu, Ġesù qalilhom: “M’għandhomx għalfejn jitilqu: agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.”+
17 Qalulu: “M’għandna xejn hawnhekk ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.”+
18 Qalilhom: “Ġibuhomli hawn.”
19 Imbagħad ordna lill-folol jinxteħtu fuq il-ħaxix u ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet. Refaʼ għajnejh lejn is-sema, qal talba+ u, wara li qasam il-ħobż, tah lid-dixxipli, u mbagħad id-dixxipli qassmuh lill-folol.+
20 U hekk kulħadd kiel u xebaʼ, u ġabru l-bċejjeċ li baqgħu żejda u mlew tnax-il qoffa.+
21 Dawk li kielu kienu madwar ħamest elef raġel, minbarra n-nisa u t-tfal żgħar.+
22 Imbagħad, bla dewmien, ġiegħel lid-dixxipli tiegħu jitilgħu fid-dgħajsa u jmorru n-naħa l-oħra qablu, waqt li hu bagħat lill-folol.+
23 Wara li bagħat lill-folol, telaʼ waħdu fuq il-muntanja biex jitlob.+ Għalkemm kien sar ħafna ħin, kien hemmhekk waħdu.
24 Sa dak il-ħin id-dgħajsa kienet mijiet taʼ metri ’l barra mill-art, titħabat mal-mewġ,+ għax ir-riħ kien kontrihom.
25 U fir-rabaʼ għassa* tal-lejl resaq lejhom jimxi fuq il-baħar.+
26 Meta lemħuh miexi fuq il-baħar, id-dixxipli tħawdu u qalu: “Din xi dehra!”+ U qabdu jgħajtu bil-biżaʼ.
27 Imma minnufih Ġesù qalilhom: “Agħmlu kuraġġ, hu jien;+ tibżgħux.”
28 Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk inhu int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.”
29 Qallu: “Ejja!” Fil-pront Pietru niżel mid-dgħajsa,+ mexa fuq l-ilma, u mar lejn Ġesù.
30 Imma x’ħin ra r-riefnu beda jibżaʼ u, kif beda jegħreq, għajjat: “Mulej, salvani!”
31 Minnufih Ġesù ħareġ idu, qabdu, u qallu: “Int taʼ fidi żgħira, għala ddubitajt?”+
32 U wara li telgħu fid-dgħajsa, ir-riefnu waqaf.
33 Imbagħad dawk li kienu fid-dgħajsa mielu quddiemu u qalulu: “Int tassew l-Iben t’Alla.”+
34 U qasmu għan-naħa l-oħra u niżlu l-art f’Ġennesaret.+
35 Malli għarfuh, l-irġiel taʼ dak il-post xerrdu l-aħbar maʼ l-inħawi kollha, u n-nies ġabulu lil kulmin kien marid.+
36 U talbuh bil-ħrara biex imqar imissulu t-tarf tal-libsa;+ u kulmin messu fieq għalkollox.

