Mattew 16:1-28
16 Imbagħad resqu lejh il-Fariżej+ u s-Sadduċej biex jipprovawh u talbuh jurihom sinjal mis-sema.+
2 Wieġeb u qalilhom: “[[Meta jasal fil-għaxija intom imdorrijin tgħidu, ‘Se jkun temp sabiħ, għax is-sema aħmar nar’;
3 u fil-għodu, ‘Se jkun temp ikrah u bix-xita llum, għax is-sema aħmar nar, imma mdallam.’ Intom tafu tinterpretaw id-dehra tas-sema imma ma tafux tinterpretaw+ is-sinjali taż-żminijiet.]]
4 Ġenerazzjoni mill-agħar u adultera tibqaʼ tfittex sinjal, imma ebda sinjal ma jingħatalha+ ħlief dak taʼ Ġona.”+ B’dan telaq u ħalliehom.+
5 Issa d-dixxipli qasmu għan-naħa l-oħra u nsew jieħdu l-ħobż magħhom.+
6 Ġesù qalilhom: “Żommu għajnejkom miftuħin u oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej.”+
7 Għalhekk, bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Ma ħadniex ħobż magħna.”
8 Peress li kien jaf dan, Ġesù qal: “Għala qed tirraġunaw hekk bejnietkom, għax m’għandkomx ħobż, intom taʼ fidi żgħira?+
9 Għadkom m’intomx qed tifhmu, jew ma tiftakrux il-ħames ħobżiet fil-każ tal-ħamest elef u kemm-il qoffa mlejtu?+
10 Jew is-sebaʼ ħobżiet fil-każ taʼ l-erbat elef u kemm-il qoffa mlejtu?+
11 Kif m’intomx qed tindunaw li ma kellimtkomx dwar il-ħobż? Imma oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej.”+
12 Imbagħad fehmu li kien qed jgħidilhom biex joqogħdu attenti mit-tagħlim+ tal-Fariżej u s-Sadduċej u mhux mill-ħmira tal-ħobż.
13 Issa, meta ġie fl-inħawi taʼ Ċesarija Filippi, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu: “In-nies min qed jgħidu li hu Bin il-bniedem?”+
14 Qalulu: “Xi wħud jgħidu Ġwanni l-Battista,+ oħrajn Elija,+ jerġaʼ oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti.”
15 Qalilhom: “Iżda intom min tgħidu li jien?”+
16 Wieġeb Xmun Pietru u qal: “Int il-Kristu,+ Bin l-Alla l-ħaj.”+
17 Ġesù wieġeb u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm irrivelawlek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.+
18 Ngħidlek ukoll, Int Pietru,*+ u fuq din il-blata+ nibni l-kongregazzjoni tiegħi, u l-bibien tal-Qabar*+ ma jegħlbuhiex.+
19 Nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”+
20 Imbagħad lid-dixxipli ordnalhom bis-sħiħ biex ma jgħidu lil ħadd li hu kien il-Kristu.+
21 Minn dakinhar ’il quddiem Ġesù Kristu beda juri lid-dixxipli tiegħu li kellu jmur Ġerusalemm u jsofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin ewlenin u l-iskribi, u li kellu jiġi maqtul, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.+
22 Meta semaʼ dan, Pietru ġibdu lejh u beda jċanfru u jgħidlu: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.”+
23 Imma Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, Satana!+ Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-ħsibijiet t’Alla+ imma tal-bnedmin.”
24 Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ+ miexi warajja.
25 Għax kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija jsibha.+
26 Għax x’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha imma jitlef ruħu?+ Jew x’se jagħti bniedem flok+ ruħu?
27 Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja taʼ Missieru maʼ l-anġli tiegħu, u mbagħad iħallas lil kull wieħed skond għemilu.+
28 Tassew ngħidilkom li xi wħud minn dawk li qegħdin hawnhekk żgur ma jduqux il-mewt qabel ma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-saltna tiegħu.”+

