Mattew 20:1-34
20 “Għax is-saltna tas-smewwiet hi bħal wieħed sid t’għalqa li ħareġ kmieni fil-għodu biex isib ħaddiema għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.+
2 Wara li ftiehem mal-ħaddiema li jagħtihom dinar* kuljum,+ bagħathom fl-għalqa tiegħu.
3 Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa*+ u ra oħrajn weqfin bla xogħol fis-suq;+
4 u lil dawn qalilhom, ‘Morru intom ukoll fl-għalqa tad-dwieli, u nagħtikom dak li hu ġust.’
5 U dawn marru. Reġaʼ ħareġ għall-ħabta tas-sitt siegħa*+ u d-disaʼ siegħa*+ u għamel l-istess.
6 Fl-aħħarnett, madwar il-ħdax-il siegħa* ħareġ u sab oħrajn weqfin, u qalilhom, ‘Għala qgħadtu weqfin hawnhekk il-jum kollu bla xogħol?’
7 Qalulu, ‘Għax ħadd ma qabbadna.’ Qalilhom, ‘Morru intom ukoll fl-għalqa tad-dwieli.’+
8 “X’ħin sar fil-għaxija,+ sid l-għalqa tad-dwieli qal lil dak li kien qed jiħodlu ħsieb, ‘Sejjaħ lill-ħaddiema u agħtihom il-paga;+ ibda b’taʼ l-aħħar u spiċċa b’taʼ l-ewwel.’
9 Meta ġew l-irġiel li bdew jaħdmu fil-ħdax-il siegħa, ngħataw dinar kull wieħed.
10 Għalhekk, meta ġew taʼ l-ewwel, ħasbu li kienu se jingħataw iktar; imma huma tħallsu wkoll bir-rata taʼ dinar.
11 Malli ħaduh bdew igergru kontra s-sid+
12 u qalulu, ‘Dawn taʼ l-aħħar taw siegħa xogħol u int xorta stmajthom daqsna li ssaportejna t-toqol tal-jum u s-sħana tikwi!’
13 Imma biex iwieġeb lil wieħed minnhom, qallu, ‘Sieħbi, lilek m’iniex nonqsok. Mhux dinar ftehemna li nagħtik?+
14 Ħu dak li hu tiegħek u mur. Lil dan taʼ l-aħħar irrid nagħtih daqskemm tajt lilek.+
15 Ma nistax skond il-liġi nagħmel li rrid bi ħwejġi? Jew għajnek hi mill-agħar+ għax jien tajjeb?’+
16 B’dan il-mod, taʼ l-aħħar jiġu l-ewwel, u taʼ l-ewwel l-aħħar.”+
17 Peress li issa kien wasal biex jitlaʼ Ġerusalemm, fit-triq Ġesù kellem lit-tnax-il dixxiplu+ waħedhom u qalilhom:
18 “Ara! Aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin ewlenin u l-iskribi, u dawn jikkundannawh għall-mewt,+
19 u jagħtuh f’idejn in-nies tal-ġnus biex jiżżuffjettaw bih u jsawtuh u jsammruh maʼ zokk,+ u fit-tielet jum jiġi mqajjem.”+
20 Imbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew+ maʼ wliedha u mielet quddiemu biex titolbu xi ħaġa.+
21 Hu qalilha: “Xi trid?” Qaltlu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu bil-qiegħda, wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug, fis-saltna tiegħek.”+
22 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu tixorbu l-kies+ li dalwaqt nixrob jien?” Qalulu: “Nistgħu.”
23 Qalilhom: “Tassew li se tixorbu l-kies tiegħi,+ imma li toqogħdu bil-qiegħda fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien, imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom minn Missieri.”+
24 Meta l-għaxra l-oħra semgħu dan, xejn ma ħadu pjaċir biż-żewġ aħwa.+
25 Imma Ġesù sejħilhom lejh u qalilhom: “Intom tafu li l-ħakkiema tal-ġnus jiddominawhom u l-kbarat għandhom awtorità fuqhom.+
26 Dan m’għandux ikun fostkom;+ imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom,+
27 u kulmin irid ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-ilsir tagħkom.+
28 Bħalma Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi+ u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.”+
29 Issa, waqt li kienu ħerġin minn Ġeriko,+ ġiet warajh folla kbira.
30 U, ara, żewġ għomja bil-qiegħda mal-ġenb tat-triq, meta semgħu li kien għaddej Ġesù, bdew jgħajtu u jgħidu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David!”+
31 Imma n-nies ċanfruhom biex jisktu; iżda huma iktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David!”+
32 Għalhekk, Ġesù waqaf, sejħilhom, u qalilhom: “Xi triduni nagħmlilkom?”
33 Qalulu: “Mulej, agħmel li jinfetħu għajnejna.”+
34 Ġesù ħassu mqanqal u tħassarhom, messilhom għajnejhom,+ u minnufih ħadu d-dawl u marru warajh.+
Noti taʼ taħt
^ Madwar id-9 a.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-xemx.
^ Madwar nofsinhar.
^ Madwar it-3 p.m.
^ Madwar il-5 p.m.

