Mattew 28:1-20

28  Wara s-​Sabat, meta kien qed jisbaħ fl-​ewwel jum tal-​ġimgħa, Marija l-​Maddalena u Marija l-​oħra ġew jaraw il-​qabar.+ 2  U, ara, seħħ terremot kbir; għax l-​anġlu taʼ Ġeħova niżel mis-​sema u resaq lejn il-​ġebla, gerbibha, u qagħad bil-​qiegħda fuqha.+ 3  Minn barra kien jidher qisu sajjetta,+ u ħwejġu kienu bojod daqs is-​silġ.*+ 4  Iva, l-​għassiesa tant beżgħu minnu li triegħdu u saru qishom mejtin. 5  Imbagħad, l-​anġlu+ qal lin-​nisa: “Tibżgħux, għax naf li qed tfittxu lil Ġesù+ li sammruh maʼ zokk. 6  Mhux qiegħed hawnhekk għax ġie mqajjem+ bħalma qal. Ejjew, araw il-​post fejn kien qiegħed. 7  U morru malajr għidu lid-​dixxipli tiegħu li ġie mqajjem+ mill-​imwiet, u, ara, hu sejjer qabilkom fil-​Galilija;+ tarawh hemmhekk. Ara! Jien għedtilkom.”+ 8  Għalhekk, telqu malajr mill-​qabar tat-​tifkira, kollhom biżaʼ u ferħ kbir, u marru jiġru biex jagħtu l-​aħbar lid-​dixxipli tiegħu.+ 9  U, ara! Ġesù ltaqaʼ magħhom u qalilhom: “L-​għodwa t-​tajba!” Huma resqu lejh, qabdulu saqajh, u mielu quddiemu. 10  Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħux! Morru, agħtu l-​aħbar lil ħuti,+ sabiex jitilqu lejn il-​Galilija; jarawni hemmhekk.” 11  Huma u sejrin, ara, xi wħud mill-​għassiesa+ daħlu l-​belt u qalu b’dak kollu li kien ġara lill-​qassisin ewlenin. 12  U dawn inġabru max-​xjuħ u, wara li ftiehmu bejniethom, taw lis-​suldati+ biżżejjed biċċiet tal-​fidda 13  u qalulhom: “Għidu, ‘Id-​dixxipli tiegħu+ ġew bil-​lejl u serquh waqt li konna reqdin.’ 14  U jekk dan jasal f’widnejn il-​gvernatur, nipperswaduh aħna u neħilsukom mill-​inkwiet.” 15  Għalhekk, ħadu l-​biċċiet tal-​fidda u għamlu kif qalulhom; u din ix-​xniegħa xterdet maʼ kullimkien fost il-​Lhud sal-​ġurnata taʼ llum. 16  Madankollu, il-​ħdax-il dixxiplu marru fil-​Galilija+ lejn il-​muntanja fejn Ġesù kien ftiehem biex jiltaqaʼ magħhom,  17  u meta rawh mielu quddiemu, imma xi wħud iddubitaw.+ 18  U Ġesù resaq lejhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull awtorità+ fis-​sema u fuq l-​art. 19  Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli+ min-​nies tal-​ġnus kollha,+ għammduhom+ fl-​isem tal-​Missier+ u taʼ l-​Iben+ u taʼ l-​ispirtu qaddis,+ 20  u għallmuhom+ josservaw+ dak kollu li ordnajtilkom.+ U, ara, jien magħkom+ il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.”+

Noti taʼ taħt

^ Letteralment, “borra.”