Mattew 2:1-23
2 Wara t-twelid taʼ Ġesù f’Betlehem+ tal-Lhudija fi żmien is-sultan Erodi,*+ ara, astroloġi+ mil-lvant ġew Ġerusalemm,
2 u qalu: “Fejn hu s-sultan+ tal-Lhud li twieled? Għax rajna l-kewkba tiegħu+ meta konna fil-lvant, u ġejna nuruh rispett.”
3 Malli semaʼ dan is-Sultan Erodi tħawwad, u Ġerusalemm kollha miegħu.
4 Laqqaʼ flimkien lill-qassisin ewlenin u lill-iskribi kollha tal-poplu biex jitkixxef mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Kristu.*
5 Huma qalulu: “F’Betlehem+ tal-Lhudija; għax hekk inkiteb permezz tal-profeta,
6 ‘U int, O Betlehem+ taʼ l-art taʼ Ġuda, bl-ebda mod m’int l-inqas belt fost il-ħakkiema taʼ Ġuda; għax minnek joħroġ ħakkiem,+ li jirgħa+ lill-poplu tiegħi, Israel.’”
7 Imbagħad Erodi bagħat għall-astroloġi bil-moħbi u tkixxef bir-reqqa mingħandhom iż-żmien meta dehret il-kewkba;
8 bagħathom lejn Betlehem, u qalilhom: “Morru fittxu bir-reqqa lit-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll inkun nistaʼ mmur nurih rispett.”+
9 Wara li semgħu kliem is-sultan, telqu għal triqithom; u, ara, il-kewkba li kienu raw meta kienu fil-lvant+ imxiet qabilhom, sakemm waqfet fejn kien hemm it-tifel ċkejken.
10 Malli raw il-kewkba tieqaf riedu jtiru bil-ferħ.
11 U x’ħin daħlu fid-dar raw lit-tifel m’ommu Marija, u nxteħtu fl-art biex juruh rispett. Fetħu wkoll it-teżori tagħhom u tawh xi rigali, deheb, inċens, u mirra.
12 Madankollu, peress li f’ħolma ngħataw twissija+ minn Alla biex ma jerġgħux lura għand Erodi, irritornaw lejn pajjiżhom minn triq oħra.
13 Wara li telqu, ara, l-anġlu+ taʼ Ġeħova deher f’ħolma lil Ġużeppi, u qallu: “Qum, ħu lit-tifel u lil ommu u aħrab lejn l-Eġittu, u ibqaʼ hemmhekk sakemm ngħidlek; għax Erodi se jfittex lit-tifel biex jeqirdu.”
14 Għalhekk, qam u matul il-lejl ħa miegħu lit-tifel u lil ommu u telaq lejn l-Eġittu,
15 u baqaʼ hemmhekk sal-mewt t’Erodi, sabiex jitwettaq+ dak li qal Ġeħova permezz tal-profeta tiegħu: “Mill-Eġittu+ sejjaħt lil ibni.”
16 Imbagħad Erodi, malli ra li l-astroloġi kienu daħqu bih, għadab bl-ikrah, u bagħat joqtol f’Betlehem u fid-distretti kollha tagħha lis-subien kollha minn sentejn ’l isfel, skond iż-żmien li kien tkixxef bir-reqqa mingħand l-astroloġi.+
17 U hekk twettaq dak li ntqal permezz tal-profeta Ġeremija:
18 “F’Rama+ nstemaʼ leħen, biki u ħafna lfiq; kienet Rakele+ qed tibki lil uliedha, u ma riditx titfarraġ, għax m’għadhomx iżjed.”
19 Meta miet Erodi, ara, l-anġlu taʼ Ġeħova deher f’ħolma+ lil Ġużeppi fl-Eġittu
20 u qallu: “Qum, ħu lit-tifel u lil ommu u itlaq lejn l-art taʼ Israel, għax dawk li pprovaw jieħdu l-ħajja* tat-tifel mietu.”
21 Għalhekk, qam u ħa lit-tifel u lil ommu u daħal fl-art taʼ Israel.
22 Imma meta semaʼ li Arkelaw kien qed isaltan fil-Lhudija minflok missieru Erodi, beżaʼ jmur hemmhekk. Iktar minn hekk, peress li f’ħolma+ ngħata twissija minn Alla, telaq lejn it-territorju tal-Galilija,+
23 u mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret,+ sabiex jitwettaq dak li ntqal permezz tal-profeti: “Jissejjaħ Nazzarenu.”+
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri, Erodi l-Kbir.
^ Il-kelma “Kristu” (sinonima mal-kelma Ebrajka maxiah) meta tintuża fit-test Grieg tal-Bibbja b’referenza għal Ġesù hija titlu li jfisser “Midluk, Messija,” mhux isem persunali.
^ Letteralment, “li fittxew ir-ruħ.”

