Mattew 6:1-34

6  “Oqogħdu attenti li s-​sewwa+ li tagħmlu ma tagħmluhx għal għajn in-​nies, biex tidhru; inkella ma jkollkom l-​ebda premju mingħand Missierkom li hu fis-​smewwiet.  Għalhekk, meta tagħti għotjiet taʼ ħniena,+ toqgħodx iddoqq it-​trombi,+ bħalma jagħmlu l-​ipokriti fis-​sinagogi u fit-​toroq, sabiex ifaħħruhom in-​nies. Tassew ngħidilkom, Dawn qed jieħdu l-​premju tagħhom bis-​sħiħ.  Imma int, meta tagħti għotjiet taʼ ħniena, tħallix lil idek ix-​xellugija tkun taf x’qed tagħmel il-​leminija,  biex l-​għotjiet taʼ ħniena tiegħek isiru fil-​moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.+  “Ukoll, meta titolbu, tkunux bħall-​ipokriti; għax dawn iħobbu jitolbu bil-​wieqfa+ fis-​sinagogi u fil-​kantunieri tat-​toroq prinċipali sabiex jarawhom in-​nies.+ Tassew ngħidilkom, Dawn qed jieħdu l-​premju tagħhom bis-​sħiħ.  Iżda int, meta titlob, idħol f’kamartek,+ agħlaq il-​bieb, u itlob lil Missierek li qiegħed fil-​moħbi;+ imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.  Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-​istess ħaġa,+ bħalma jagħmlu n-​nies tal-​ġnus, għax dawn jimmaġinaw li se jinstemgħu għax jużaw ħafna kliem.  Għalhekk, tagħmlux bħalhom, għax Alla Missierkom jaf x’teħtieġu+ saħansitra qabel ma titolbuh.  “Hekk, mela, itolbu:+ “‘Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes+ ismek.+ 10  Ħa tiġi saltnatek.+ Ħa jkun li trid int,+ kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.+ 11  Agħtina llum ħobżna għal dan il-​jum;+ 12  u aħfrilna d-​djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-​dejn magħna.+ 13  U ddaħħalniex fit-​tentazzjoni,+ imma eħlisna mill-​Ħażin.’+ 14  “Għax jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema se jaħfrilkom ukoll;+ 15  filwaqt li jekk ma taħfrux lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.+ 16  “Meta ssumu,+ toqogħdux turu wiċċ imdejjaq bħall-​ipokriti, għax dawn ikerrhu wiċċhom sabiex f’għajnejn il-​bnedmin jidhru li qed isumu.+ Tassew ngħidilkom, Dawn qed jieħdu l-​premju tagħhom bis-​sħiħ. 17  Imma int, meta ssum, idlek rasek u aħsel wiċċek,+ 18  biex ma tidhirx li qed issum għall-​bnedmin imma għal Missierek li qiegħed fil-​moħbi;+ imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura. 19  “Tibqgħux taħżnu teżori+ fuq l-​art, fejn jittieklu mill-​kamla u s-​sadid, u fejn jidħlu l-​ħallelin biex jisirqu. 20  Minflok, aħżnu teżori fis-​sema,+ fejn ma jittiklux+ mill-​kamla u mis-​sadid, u fejn ma jidħlux il-​ħallelin biex jisirqu. 21  Għax fejn hemm it-​teżor tiegħek, hemm tkun qalbek ukoll. 22  “L-​għajn+ hi l-​musbieħ tal-​ġisem. Jekk, mela, għajnek tkun sempliċi, ġismek kollu jkun jiddi; 23  imma jekk għajnek tkun mill-​agħar,+ ġismek kollu jkun mudlam. Mela, jekk fir-​realtà d-​dawl li hemm fik hu dlam, kemm hu kbir dak id-​dlam!+ 24  “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor,+ jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.+ 25  “Għaldaqstant ngħidilkom: Tibqgħux tkunu ansjużi+ dwar ħajjitkom* rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu.+ Ma tiswiex il-​ħajja iktar mill-​ikel u l-​ġisem mill-​ilbies?+ 26  Osservaw bir-​reqqa l-​għasafar+ tas-​sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-​imħażen; imma Missierkom tas-​sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom?+ 27  Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru+ mqar bi ftit?* 28  Ukoll, għala intom ansjużi dwar l-​ilbies? Tgħallmu lezzjoni mill-​ġilji+ tar-​rabaʼ, kif jikbru; huma la jitħabtu u lanqas jinsġu; 29  imma jien ngħidilkom li lanqas saħansitra Salamun+ fil-​glorja kollha tiegħu ma kien imżejjen bħal wieħed minnhom. 30  Issa, jekk Alla jlibbes hekk lill-​ħaxix tar-​rabaʼ, li llum hawn u għada jintefaʼ fil-​forn, kemm iktar ilibbes lilkom, intom taʼ fidi żgħira?+ 31  Għalhekk, qatt tkunu ansjużi+ u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ 32  Għax dawn kollha huma l-​affarijiet li l-​ġnus qed ifittxu bil-​ħerqa. Għax Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha.+ 33  “Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu,+ u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.+ 34  Għalhekk, qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada,+ għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-​ħażen tagħha.

Noti taʼ taħt

Letteralment, “ruħkom.”
Letteralment, “b’kubitu.”