Isaija 29:1-24

29  “Gwaj għal Arjel,*+ għal Arjel, il-​belt fejn ikkampja David!+ Żidu sena maʼ sena; ħa jsiru l-​festi+ kollha. 2  U lil Arjel nagħlaqha minn kullimkien,+ u jkun hemm niket u tinwiħ,+ u ssir għalija bħall-​fuklar taʼ l-​artal t’Alla.+ 3  U se nikkampja fuq kull naħa tiegħek, u nassedjak b’ħajt taʼ zkuk ippontati u ntellaʼ kontrik strutturi taʼ l-​assedju.+ 4  U titbaxxa, u b’hekk titkellem minn maʼ l-​art, u mit-​trab kliemek jinstemaʼ fil-​baxx.+ U leħnek jiġi minn maʼ l-​art bħal taʼ medjum taʼ l-​ispirti, u mit-​trab tfesfes kliemek.+ 5  U l-​folla taʼ dawk li huma stranġieri għalik se ssir bħal trab fin,+ u l-​folla tat-​tiranni+ ssir bħall-​karfa li ttir.+ U dan iseħħ f’mument, f’daqqa waħda.+ 6  Ġeħova taʼ l-​armati se jagħtik l-​attenzjoni tiegħu bir-​ragħad u bit-​theżżiż u b’ħoss kbir, b’riefnu u tempesta, u l-​fjamma taʼ nar li jiblaʼ.”+ 7  U lill-​folla tal-​ġnus kollha li qed jiggwerraw kontra Arjel,+ iva, dawk kollha li qed jiggwerraw kontriha, u t-​torrijiet taʼ l-​assedju weqfin kontriha u dawk li jagħlquha minn kullimkien+ jiġrilhom bħal f’ħolma, f’viżjoni taʼ bil-​lejl. 8  Iva, jiġrilhom bħal meta xi ħadd bil-​ġuħ joħlom li qed jiekol, u jqum u jħossu vojt;+ u bħal meta xi ħadd bil-​għatx joħlom li qed jixrob, u jqum u jkun għajjien u jħossu xott; hekk se jiġrilha l-​folla tal-​ġnus kollha li qed jiggwerraw kontra l-​Muntanja Sijon.+ 9  Iċċassaw, u ibqgħu mgħaġġbin;+ agħmu lilkom infuskom, u kunu mogħmijin.+ Huma sikru,+ imma mhux bl-​inbid; ixxenglu, imma mhux bix-​xorb li jsakkar.+ 10  Għax Ġeħova ferraʼ fuqkom spirtu taʼ rqad fil-​fond;+ u għalqilkom għajnejkom, il-​profeti,+ u għattielkom raskom,+ il-​viżjonarji.+ 11  U għalikom il-​viżjoni taʼ kollox issir bħall-​kliem taʼ ktieb li ġie siġillat,+ li jagħtuh lil xi ħadd li jaf jaqra, u jgħidulu: “Aqrah għajjat, jekk jogħġbok,” u hu jkollu jgħid: “Ma nistax, għax siġillat”;+ 12  u l-​ktieb ikollu jingħata lil xi ħadd li ma jafx jaqra, u xi ħadd jgħidlu: “Aqrah għajjat, jekk jogħġbok,” u hu jkollu jgħid: “Jien lanqas biss naf naqra.” 13  U Ġeħova jgħid: “Talli dan il-​poplu resaq qrib b’fommu, u gglorifikani biss b’xofftejh,+ u biegħed qalbu minni,+ u jitgħallem il-​kmandi tal-​bnedmin u jqishom bħala l-​biżaʼ minni,+ 14  għalhekk, hawn jien, se nerġaʼ naġixxi b’mod taʼ l-​għaġeb maʼ dan il-​poplu,+ b’mod taʼ l-​għaġeb u b’xi ħaġa taʼ l-​għaġeb; u l-​għerf taʼ l-​għorrief tagħhom jgħib, u l-​abbiltà li għandhom l-​għaqlin tagħhom biex jifhmu tinħeba.”+ 15  Gwaj għal dawk li qed jaħbu fil-​fond ħafna l-​iskop minn Ġeħova,+ u li l-​għemejjel tagħhom saru f’post mudlam,+ waqt li jgħidu: “Min qed jarana, min jaf bina?”+ 16  Kemm intom imħassrin! Għandu l-​fuħħari jitqies bħat-​tafal?+ Għax, għandha l-​ħaġa magħmula tgħid dwar dak li għamilha: “M’għamilnix hu”?+ U sejra l-​ħaġa msawra tgħid dwar dak li sawwarha: “Ma fehem xejn”?+ 17  Mhux ftit żmien ieħor fadal biex il-​Libanu jinbidel fi ġnien tal-​frott+ u l-​ġnien tal-​frott jitqies bħala foresta?+ 18  U dakinhar it-​torox jisimgħu kliem il-​ktieb,+ u mis-​swidija u mid-​dlam għajnejn l-​għomja jaraw.+ 19  U l-​ġwejdin+ se jżidu l-​ferħ tagħhom b’Ġeħova, u anki l-​foqra tal-​bnedmin jifirħu bil-​Qaddis taʼ Israel,+ 20  għax it-​tirann irid jersaq lejn tmiemu,+ u l-​fanfarun irid jispiċċa,+ u dawk kollha li qegħdin għassa biex jagħmlu l-​ħsara+ jridu jinqerdu, 21  dawk li jġiegħlu lill-​bniedem jidher midneb b’kelmtu,+ u dawk li jqiegħdu l-​lixka għal dak li jwiddeb f’bieb il-​belt,+ u dawk li jwarrbu lill-​ġust b’argumenti vojta.+ 22  Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova lil dar Ġakobb, hu li feda lil Abraham:+ “Ġakobb issa mhux se jistħi, u wiċċu mhux se jisfar;+ 23  għax meta jara lil uliedu, xogħol idejja, f’nofsu,+ huma se jqaddsu lil ismi,+ u jqaddsu lill-​Qaddis taʼ Ġakobb,+ u l-​Alla taʼ Israel se jqisuh b’rispett profond.+ 24  U dawk li qed jiżbaljaw fl-​ispirtu tagħhom se jifhmu, u anki dawk li qed igergru se jitgħallmu.”+

Noti taʼ taħt

^ X’aktarx ifisser “Il-​Fuklar taʼ l-​Artal t’Alla”; dan jirreferi għal Ġerusalemm.