Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nisa Miżżewġin—Irrispettaw Profondament lil Żwieġkom

Nisa Miżżewġin—Irrispettaw Profondament lil Żwieġkom

Nisa Miżżewġin​—Irrispettaw Profondament lil Żwieġkom

“Nisa . . . [kunu] sottomessi lejn [żwieġkom].”​—EFESIN 5:​22.

1. Ħafna drabi għala huwa diffiċli biex mara tirrispetta lir-​raġel tagħha?

 F’ĦAFNA pajjiżi meta koppja tiżżewweġ, l-​għarusa tagħmel wegħda li fiha twiegħed li hi se tirrispetta profondament lil żewġha. Madankollu, il-​mod kif ħafna rġiel miżżewġin jittrattaw lin-​nisa tagħhom jagħmel differenza fuq jekk hux se jkun diffiċli jew le għan-​nisa li jżommu dik il-​wegħda. Però, iż-​żwieġ kellu bidu sabiħ. Alla ħa kustilja minn Adam, l-​ewwel raġel, u għamel lill-​mara. Adam esklama: “[“Sa fl-​aħħar,” NW] din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi.”​—Ġenesi 2:​19-​23.

2. Fi żminijiet reċenti, l-​irwol tan-​nisa u l-​attitudni tagħhom lejn iż-​żwieġ kif inbidlu?

2 Minkejja dak il-​bidu tajjeb, kmieni fis-​snin 60 fl-​Istati Uniti ngħata bidu għal moviment imsejjaħ il-​ħelsien tan-​nisa, li kien attentat min-​nisa biex jeħilsu mill-​ħakma taʼ l-​irġiel. Dak iż-​żmien, madwar 300 raġel miżżewweġ għal kull mara miżżewġa abbandunaw lill-​familji tagħhom. Sa l-​aħħar tas-​snin 60, ir-​ratio nbidel għal 100 raġel miżżewweġ għal kull mara miżżewġa. Issa jidher li n-​nisa qed jitkellmu ħażin, jixorbu, ipejpu, u jġibu ruħhom b’mod immorali daqs l-​irġiel. Allura huma n-​nisa iktar ferħanin? Le. F’xi pajjiżi, madwar nofs in-​nies li jiżżewġu maż-​żmien jispiċċaw jiddivorzjaw. Kien l-​isforz li sar minn xi nisa biex itejbu s-​sitwazzjoni fiż-​żwieġ tagħhom wieħed li ġiegħel l-​affarijiet imorru għall-​aħjar jew għall-​agħar?​—2 Timotju 3:​1-5.

3. X’inhi l-​problema bażika li qed teffettwa ż-​żwieġ?

3 X’inhi l-​problema bażika? Sa ċertu punt, hija l-​problema li ilha teżisti mindu Eva ġiet imqarrqa mill-​anġlu ribelluż, “is-​serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” (Rivelazzjoni 12:9; 1 Timotju 2:​13, 14) Satana jċekken dak li Alla jgħallem. Per eżempju, rigward iż-​żwieġ, ix-​Xitan ġagħlu jidher li huwa restrittiv u aħrax. Il-​propaganda li jippromwovi permezz tal-​mezzi tax-​xandir​—li hu l-​ħakkiem tagħhom​—hi magħmula biex tagħmel l-​istruzzjonijiet t’Alla jidhru inġusti u antikwati. (2 Korintin 4:​3, 4) Madankollu, jekk neżaminaw b’moħħ miftuħ dak li jgħid Alla dwar l-​irwol tal-​mara fiż-​żwieġ, aħna se naraw kemm dak li tgħid il-​Kelma t’Alla huwa għaqli u prattiku.

Twissija għal Dawk li Jiżżewġu

4, 5. (a) Mara għala għandha toqgħod attenta meta tkun qed tikkunsidra ż-​żwieġ? (b) Mara x’għandha tagħmel qabel ma taċċetta li tiżżewweġ?

4 Il-​Bibbja tipprovdi twissija. Din tgħid li f’din id-​dinja li hija maħkuma mix-​Xitan, anki dawk li għandhom żwiġijiet taʼ suċċess se jkollhom it-​“tribulazzjoni.” Għalhekk, għalkemm iż-​żwieġ huwa arranġament divin, il-​Bibbja tagħti twissija lil dawk li jkunu deħlin fiż-​żwieġ. Kittieb ispirat tal-​Bibbja jgħid hekk rigward mara li jkun mitilha żewġha, u li għalhekk tkun ħielsa li terġaʼ tiżżewweġ: “Tkun iktar hienja jekk tibqaʼ kif inhi.” Ġesù wkoll irrikkmanda li wieħed jibqaʼ ma jiżżewwiġx għal dawk li jistgħu ‘jagħmlu l-​wisaʼ għal dan.’ Madankollu, jekk xi ħadd jagħżel li jiżżewweġ, jistaʼ jagħmel dan jekk l-​individwu jkun “fil-​Mulej,” jiġifieri, aduratur t’Alla li jkun dedikat u mgħammed.​—1 Korintin 7:​28, 36-​40; Mattew 19:​10-​12.

5 Ir-​raġuni li mara b’mod partikulari għandha toqgħod attenta lil min tiżżewweġ hi minħabba li l-​Bibbja twissi: “Mara miżżewġa hi marbuta bil-​liġi maʼ żewġha.” Huwa biss jekk ir-​raġel imut jew jikkommetti l-​immoralità u l-​koppja tkun divorzjata li hi tkun “ħielsa mil-​liġi tiegħu.” (Rumani 7:​2, 3) L-​attrazzjoni tal-​bidu tistaʼ tkun biżżejjed biex tibda relazzjoni romantika pjaċevoli, imma m’hijiex bażi xierqa għal żwieġ hieni. Għalhekk, mara li għadha ma żżewġitx għandha bżonn tistaqsi lilha nfisha, ‘Lesta jien li nidħol għal arranġament li fih se nkun taħt il-​liġi taʼ dan ir-​raġel?’ Iż-​żmien biex tikkunsidra din il-​mistoqsija huwa qabel ma tiżżewweġ, mhux wara.

6. Liema deċiżjoni jistgħu jieħdu ħafna nisa llum, u għala hija importanti ħafna?

6 F’ħafna pajjiżi llum, mara tistaʼ tagħżel li taċċetta jew tirrifjuta proposta taʼ żwieġ. Madankollu, li tagħmel għażla għaqlija tistaʼ tkun l-​iktar ħaġa diffiċli li mara qatt tistaʼ tagħmel, ladarba x-​xewqa tagħha għall-​intimità u l-​imħabba li joffri ż-​żwieġ tistaʼ tkun qawwija ħafna. Wieħed kittieb qal: “Iktar ma nkunu rridu nagħmlu xi ħaġa​—kemm jekk li niżżewġu u kemm jekk li nitilgħu xi muntanja partikulari —wisq probabbli iktar se nipprovaw nassumu li ċ-​ċirkustanzi se jkunu tajbin u se nagħtu kas biss taʼ l-​informazzjoni li nixtiequ nisimgħu.” Deċiżjoni li tittieħed mingħajr irraġunar tistaʼ tiswa l-​ħajja taʼ individwu li jkun irid jitlaʼ fuq muntanja; b’mod simili għażla mhux għaqlija taʼ sieħeb tistaʼ tkun daqstant diżastruża.

7. Liema parir għaqli ta wieħed dwar meta tkun qed tfittex sieħeb jew sieħba?

7 Mara għandha tikkunsidra bis-​serjetà dak li jistaʼ jkun involut f’li tkun taħt il-​liġi taʼ raġel li jkun staqsieha biex tiżżewġu. Snin ilu, tfajla mill-​Indja b’umiltà rrikonoxxiet: “Il-​ġenituri tagħna huma akbar fl-​età u iktar għaqlin, u ma jiġux imqarrqin malajr daqskemm nistgħu niġu mqarrqin aħna. . . . Jien nistaʼ nieħu żball faċilment.” L-​għajnuna li l-​ġenituri u oħrajn jistgħu jipprovdu hija importanti. Wieħed raġel għaqli li għal ħafna snin ta bosta pariri, inkuraġġixxa liż-​żgħażagħ biex isiru jafu l-​ġenituri tas-​sieħeb jew is-​sieħba prospettiva taż-​żwieġ kif ukoll biex josservaw bir-​reqqa l-​mod kif taġixxi mal-​ġenituri u maʼ membri oħrajn tal-​familja.

Kif Ġesù Wera Sottomissjoni

8, 9. (a) Ġesù kif kien iqisha s-​sottomissjoni tiegħu lejn Alla? (b) X’benefiċċju jistaʼ jiġi mis-​sottomissjoni?

8 Għalkemm is-​sottomissjoni tistaʼ tkun taʼ sfida, in-​nisa jistgħu jqisuha bħala xi ħaġa onorabbli, saħansitra bħalma qiesha Ġesù. Filwaqt li s-​sottomissjoni tiegħu lejn Alla kienet tinvolvi s-​sofferenza, inkluż il-​mewt fuq zokk tat-​tortura, hu kien hieni għax kien sottomess lejn Alla. (Luqa 22:​41-​44; Ebrej 5:​7, 8; 12:3) In-​nisa jistgħu jħarsu lejn Ġesù bħala eżempju, għax il-​Bibbja tgħid: “Il-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Madankollu, huwa taʼ min jinnota li n-​nisa jaqgħu taħt l-​istat taʼ kap taʼ l-​irġiel mhux meta jiżżewġu biss.

9 Il-​Bibbja tispjega li n-​nisa, kemm jekk ikunu miżżewġin u kemm jekk le, għandhom jissottomettu ruħhom lejn l-​istat taʼ kap taʼ rġiel kwalifikati spiritwalment li għandhom ir-​responsabbiltà li jindokraw lill-​kongregazzjoni. (1 Timotju 2:​12, 13; Ebrej 13:17) Meta n-​nisa jsegwu d-​direzzjoni t’Alla sabiex jagħmlu hekk, huma jkunu qed jagħtu eżempju lill-​anġli fl-​arranġament organizzazzjonali t’Alla. (1 Korintin 11:​8-​10) Barra minn hekk, permezz taʼ l-​eżempju tajjeb tagħhom u s-​suġġerimenti siewja tagħhom, nisa miżżewġin li huma akbar fl-​età jistgħu jgħallmu lil nisa iżgħar ikunu ‘sottomessi lejn żwieġhom.’​—Titu 2:​3-5.

10. Ġesù kif ta eżempju meta wera s-​sottomissjoni?

10 Ġesù rrealizza kemm tiswa s-​sottomissjoni xierqa. F’okkażjoni minnhom, hu dderieġa lill-​appostlu Pietru biex iħallas it-​taxxi tagħhom it-​tnejn lill-​awtoritajiet umani, u saħansitra ta lil Pietru l-​flus għat-​taxxa biex jagħmel dan. Iktar tard Pietru kiteb: “Minħabba l-​Mulej issottomettu ruħkom lejn kull awtorità maħluqa mill-​bniedem.” (1 Pietru 2:​13; Mattew 17:​24-​27) Rigward l-​eżempju li jispikka tas-​sottomissjoni taʼ Ġesù naqraw: “Xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir u sar jixbah lill-​bnedmin. Iktar minn hekk, meta sab ruħu f’għamla taʼ bniedem, umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-​mewt, iva, sal-​mewt fuq zokk tat-​tortura.”​—Filippin 2:​5-8.

11. Pietru għala inkuraġġixxa lin-​nisa miżżewġin biex ikunu sottomessi saħansitra lejn l-​irġiel tagħhom li ma kellhomx l-​istess twemmin?

11 Meta kien qed jinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex ikunu sottomessi anki lejn l-​awtoritajiet ħorox u inġusti taʼ din id-​dinja, Pietru spjega: “Fil-​fatt, għal dan il-​mod taʼ ħajja kontu msejħin, għax saħansitra Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:​21) Wara li ddeskriva kemm sofra Ġesù u kemm issaporta b’sottomissjoni, Pietru inkuraġġixxa lin-​nisa li huma miżżewġin lil irġiel li m’għandhomx l-​istess twemmin: “Bl-​istess mod, intom in-​nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-​kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-​kondotta safja tagħkom flimkien mar-​rispett profond.”​—1 Pietru 3:​1, 2.

12. Liema benefiċċji tgawdew permezz tas-​sottomissjoni taʼ Ġesù?

12 Jistaʼ jitqies bħala sinjal taʼ dgħjufija li mara tibqaʼ sottomessa minkejja li tiġi ridikolata u abbużata. Madankollu, dan m’huwiex kif kien iqis l-​affarijiet Ġesù. “Meta kien mgħajjar,” kiteb Pietru, “m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-​ġustizzja.” (1 Pietru 2​:23) Xi wħud li raw lil Ġesù jsofri bdew jemmnu, għallinqas għal ftit, fosthom il-​ħalliel li kien fuq iz-​zokk taʼ ħdejh u l-​fizzjal taʼ l-​armata li kien qed josserva l-​esekuzzjoni. (Mattew 27:​38-​44, 54; Marku 15:39; Luqa 23:​39-​43) B’mod simili, Pietru indika li xi wħud mill-​irġiel li ma kellhomx l-​istess twemmin​—saħansitra dawk li kienu abbużivi​—kienu se jsiru Kristjani wara li josservaw il-​kondotta sottomessa tan-​nisa tagħhom. Aħna rajna evidenza taʼ dan isseħħ illum.

Kif in-​Nisa Miżżewġin Jistgħu Jiksbu l-​Approvazzjoni

13, 14. Is-​sottomissjoni lejn irġiel miżżewġin li m’għandhomx l-​istess twemmin kif tat prova li kienet taʼ benefiċċju?

13 In-​nisa miżżewġin li saru kredenti rebħu lil żwieġhom permezz tal-​kondotta tagħhom bħal taʼ Kristu. Reċentement, f’konvenzjoni distrettwali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, raġel miżżewweġ qal hekk dwar il-​mara Kristjana tiegħu: “Kont iblah għall-​mod kif ittrattajtha. Madankollu, hi rrispettatni ħafna. Qatt ma naqset mir-​rispett. Hi ma pprovatx timponi t-​twemmin tagħha fuqi. Ħadet ħsiebi bi mħabba. Meta kienet tmur għal xi assemblea, hi kienet taħdem iebes sabiex tippreparali l-​ikel minn qabel u sabiex tagħmel ix-​xogħol kollu tad-​dar. L-​attitudni tagħha bdiet tqanqal l-​interess tiegħi fil-​Bibbja. U issa sirt Xhud!” Iva, fil-​fatt hu kien ‘mirbuħ mingħajr ebda kelma’ permezz tal-​kondotta taʼ martu.

14 Bħalma enfasizza Pietru, m’huwiex biss dak li mara tgħid imma dak li tagħmel li jipproduċi riżultati pożittivi. Dan deher ċar minn mara miżżewġa li kienet tgħallmet il-​veritajiet tal-​Bibbja u li kienet determinata li tattendi l-​laqgħat Kristjani. Żewġha għajjat: “Agnes, jekk toħroġ minn dak il-​bieb, terġax tidħol!” Hi ma ħarġitx minn “dak il-​bieb” imma, minflok, ħarġet minn bieb ieħor. Fil-​lejla tal-​laqgħa li kien imiss, hu heddidha b’dan il-​kliem: “Mhux se nkun hawn x’ħin tiġi lura.” U fil-​fatt ma kienx hemm​—telaq għal tlett ijiem. Meta ġie lura, hi b’qalb tajba staqsietu: “Għandek aptit tiekol xi ħaġa?” Id-​devozzjoni t’Agnes lejn Ġeħova qatt ma battiet. Eventwalment hu aċċetta studju tal-​Bibbja, iddedika ħajtu lil Alla, u iktar tard qeda bħala indokratur b’ħafna responsabbiltajiet.

15. Liema “tiżjin” huwa rikkmandat għan-​nisa Kristjani miżżewġin?

15 L-​appostlu Pietru rrikkmanda xi ħaġa li wrew in-​nisa miżżewġin li ssemmew hawn fuq, jiġifieri, “it-​tiżjin,” imma mhux billi taw attenzjoni esaġerata lill-​“immaljar tax-​xagħar” jew l-​ilbies “taʼ ħwejjeġ.” Minflok, Pietru qal: “Ħa jkun [it-tiżjin tagħkom] tal-​persuna minn ġewwa, fil-​qalb, imżejna bi spirtu kwiet u ġwejjed li ma jitħassarx u li hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.” Dan l-​ispirtu jiġi rifless fit-​ton tal-​vuċi u fil-​manjieri sbieħ minflok ma juru attitudni li jisfidaw u li jkunu jippretendu wisq. B’hekk, mara Kristjana miżżewġa tkun qed turi rispett profond lejn żewġha.​—1 Pietru 3:​3, 4.

Eżempji li Jistgħu Jitgħallmu Minnhom

16. Sara b’liema modi hi eżempju mill-​aqwa għan-​nisa Kristjani miżżewġin?

16 Pietru kiteb: “Għax hekk ukoll qabel kienu jiżżejnu n-​nisa qaddisa li kienu jittamaw f’Alla, billi jissottomettu ruħhom lejn żwieġhom.” (1 Pietru 3:5) Uħud bħal dawn irrealizzaw li jekk jogħġbu lil Ġeħova billi jisimgħu mill-​pariri tiegħu fl-​aħħar mill-​aħħar kien se jkollhom l-​hena fil-​familja u l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem. Pietru jsemmi lil Sara, il-​mara sabiħa t’Abraham, u qal li hi “kienet tobdi lil Abraham u ssejjaħlu ‘sidi.’” Sara appoġġat lil żewġha li kien jibżaʼ minn Alla, li lilu Alla kien inkarigah biex imur jaqdi f’art imbiegħda. Hi ċediet ħajja komda u saħansitra poġġiet ħajjitha fil-​periklu. (Ġenesi 12:​1, 10-​13) Pietru faħħar lil Sara għall-​eżempju kuraġġuż tagħha billi qal: “Intom sirtu wliedha, dment li tibqgħu tagħmlu t-​tajjeb u ma tibżgħu minn ebda twerwir.”​—1 Pietru 3:6.

17. Pietru għala għandu mnejn li kellu lil Abigajl f’moħħu bħala eżempju għan-​nisa Kristjani miżżewġin?

17 Abigajl kienet mara kuraġġuża oħra li ttamat f’Alla, u forsi hi wkoll kienet f’moħħ Pietru. Hi kienet “taʼ għaqal kbir,” imma r-​raġel tagħha Nabal kien “goff u ħażin f’għemilu.” Meta Nabal irrifjuta li jgħin lil David u lill-​irġiel tiegħu, huma ddeċidew li jeqirdu lil Nabal u lin-​nies kollha taʼ daru. Imma Abigajl ħadet azzjoni biex issalva lin-​nies taʼ darha. Hi għabbiet il-​provvisti taʼ l-​ikel fuq il-​ħmir u marret tiltaqaʼ maʼ David u l-​irġiel armati tiegħu li kienu fi triqithom. Malli lemħet lil David, hi niżlet minn fuq il-​ħmar, mielet quddiemu, u talbitu biex ma jaġixxix malajr. David verament kien imqanqal minn dan. “Imbierek il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael, li bagħtek illum tiltaqaʼ miegħi,” hu qal, “imbierek l-​għaqal tiegħek.”​—1 Samwel 25:​2-​33.

18. Jekk jiġu ttantati mill-​attenzjoni romantika taʼ xi raġel ieħor, in-​nisa miżżewġin fuq liema eżempju jistgħu jirriflettu, u għala?

18 Eżempju mill-​aqwa ieħor għan-​nisa miżżewġin kien dak tat-​tfajla Sulamija li baqgħet leali lejn ir-​ragħaj umli li lilu kienet imwiegħda fiż-​żwieġ. L-​imħabba tagħha għalih baqgħet b’saħħitha minkejja l-​attenzjoni romantika tas-​sultan sinjur. Imqanqla mis-​sentimenti tagħha għar-​ragħaj żagħżugħ, hi qalet: “Qegħedni bħal siġill fuq qalbek, siġill fuq driegħek. Għaliex bħall-​mewt qawwija l-​imħabba . . . Ilmijiet kbar m’huma se jaslu qatt biex jitfu l-​imħabba, lanqas ix-​xmajjar ma jġorruha magħhom.” (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 8:​6, 7) Jalla n-​nisa kollha li jaċċettaw proposta taʼ żwieġ jibqgħu leali lejn l-​irġiel tagħhom u jirrispettawhom profondament.

Parir Divin Ieħor

19, 20. (a) Għal liema raġuni għandhom in-​nisa miżżewġin jissottomettu ruħhom lejn żwieġhom? (b) Liema eżempju mill-​aqwa kien provdut għan-​nisa miżżewġin?

19 Fl-​aħħarnett, ikkunsidra l-​kuntest tat-​tema Skritturali li għandna: ‘Nisa kunu sottomessi lejn żwieġkom bħallikieku lejn il-​Mulej.’ (Efesin 5:​22) Sottomissjoni bħal din għala hija neċessarja? Il-​vers li jmiss ikompli jgħid: “Għax ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni.” Għalhekk, in-​nisa miżżewġin huma mħeġġin: “Bħalma l-​kongregazzjoni hi sottomessa lejn il-​Kristu, hekk ukoll in-​nisa għandhom ikunu sottomessi lejn żwieġhom f’kollox.”​—Efesin 5:​23, 24, 33.

20 Sabiex jobdu dan il-​kmand, in-​nisa miżżewġin għandhom jistudjaw, u mbagħad jimitaw l-​eżempju tas-​segwaċi midlukin fil-​kongregazzjoni taʼ Kristu. Jekk jogħġbok aqra t-​2 Korintin 11:​23-​28, u b’hekk tgħallem dwar dak li l-​appostlu Pawlu, membru wieħed tal-​kongregazzjoni, issaporta meta baqaʼ leali lejn Ġesù Kristu, il-​Kap tiegħu. Bħal Pawlu, in-​nisa miżżewġin kif ukoll il-​bqija tal-​kongregazzjoni għandhom bżonn jibqgħu sottomessi lealment lejn Ġesù. In-​nisa miżżewġin juru dan meta jissottomettu ruħhom lejn żwieġhom.

21. X’jistgħu jkunu xi inċentivi għan-​nisa miżżewġin biex jibqgħu sottomessi lejn żwieġhom?

21 Għalkemm l-​idea li jkunu sottomessi ddejjaq lil ħafna nisa, mara għaqlija tqis il-​vantaġġi li joħorġu minn dan. Per eżempju, fil-​każ taʼ raġel miżżewweġ li ma jkollux l-​istess twemmin, is-​sottomissjoni lejh bħala kap f’kull aspett, dment li dan ma jkunx ifisser ksur fil-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla, tistaʼ tirriżulta fil-​premju mill-​aqwa taʼ li mara jirnexxilha ‘ssalva lil żewġha.’ (1 Korintin 7:​13, 16) Iktar minn hekk, hi tistaʼ ssib il-​kuntentizza f’li tkun taf li Alla Ġeħova japprova l-​mod taʼ ħajja tagħha u se jippremjaha bil-​kbir talli tkun imitat l-​eżempju taʼ l-​għażiż Ibnu.

X’Tiftakar?

• Għala għandha mnejn tkun taʼ sfida għal mara miżżewġa biex tirrispetta lil żewġha?

• Għala hi xi ħaġa serja li taċċetta proposta taʼ żwieġ?

• Ġesù kif iservi bħala eżempju għannisa miżżewġin, u liema benefiċċji jistgħu jirriżultaw meta jsegwu l-​eżempju tiegħu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 19]

Id-​deċiżjoni dwar jekk taċċettax proposta taʼ żwieġ jew le għala hija daqstant serja?

[Stampa f’paġna 21]

In-​nisa miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempji taʼ karattri li nsibu fil-​Bibbja bħal Abigajl?