Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irġiel Miżżewġin—Agħrfu li Kristu Hu l-Kap Tagħkom

Irġiel Miżżewġin—Agħrfu li Kristu Hu l-Kap Tagħkom

Irġiel Miżżewġin​—Agħrfu li Kristu Hu l-​Kap Tagħkom

“Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu.”​—1 KORINTIN 11:3.

1, 2. (a) Is-suċċess taʼ raġel miżżewweġ kif jistaʼ jitkejjel? (b) Għala huwa vitali li wieħed jagħraf li ż-​żwieġ oriġina minn Alla?

 KIEKU int kif tkejlu s-​suċċess taʼ raġel miżżewweġ? Mill-​abbiltajiet mentali jew fiżiċi tiegħu? Minn kemm hu kapaċi jaqlaʼ flus? Jew, iktar minn hekk, mill-​mod kollu mħabba u qalb tajba li bih jittratta lil martu u lil uliedu? Meta jiġu ġudikati mill-​mod kif jittrattaw lin-​nisa tagħhom u lil uliedhom, ħafna rġiel miżżewġin ma tantx jidhru li huma taʼ suċċess għax huma influwenzati mill-​ispirtu tad-​dinja u mil-​livelli tal-​bniedem. Għala? Prinċipalment, dan jiġri minħabba li huma jonqsu li jagħrfu u japplikaw il-​gwida taʼ l-​Oriġinatur taż-​żwieġ​—il-​Wieħed li kien “sawwar il-​kustilja, li kien ħa mill-​bniedem, f’mara u ġiebha lill-​bniedem.”​—Ġenesi 2:​21-​24.

2 Ġesù Kristu kkonferma dan ir-​rakkont Bibliku dwar kif Alla stabbilixxa l-​arranġament taż-​żwieġ billi qal lill-​kritiċi taʼ żmienu: “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien [fiż-żwieġ] ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:​4-6) Il-​fatt hu li fattur primarju biex ikollok żwieġ li jirnexxi hu li tagħraf li ż-​żwieġ oriġina minn Alla u li s-​suċċess jiddependi mill-​applikar taʼ l-​istruzzjonijiet li nsibu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.

Fattur Primarju biex Raġel Miżżewweġ Jirnexxi

3, 4. (a) X’għen lil Ġesù jkollu daqstant għarfien dwar iż-​żwieġ? (b) Min hi l-​mara figurattiva taʼ Ġesù, u l-​irġiel miżżewġin kif għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom?

3 Għajnuna li biha raġel miżżewweġ jistaʼ jkollu suċċess hi li jistudja dak li qal Ġesù u jimita dak li kien jagħmel Hu. Ġesù kellu ħafna għarfien dwar is-​suġġett għax hu kien preżenti meta nħolqot l-​ewwel koppja umana, u kien preżenti wkoll meta żżewġu. Alla Ġeħova qallu: “Ħa nagħmlu l-​bniedem fuq is-​sura u x-​xbieha tagħna.” (Ġenesi 1:​26, korsiv tagħna.) Iva, Alla kien qed ikellem lill-​Wieħed li Hu ħalaq qabel ma ħalaq lil kwalunkwe bniedem jew ħaġa oħra u li ‘kien maġenbu bħala [“ħaddiem tas-​sengħa,” NW].’ (Proverbji 8:​22-​30) Dan il-​Wieħed huwa “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu.” Huwa “l-​bidu tal-​ħolqien li għamel Alla,” u kien jeżisti saħansitra qabel il-​ħolqien taʼ l-​univers materjali nnifsu.​—Kolossin 1:​15; Rivelazzjoni 3:​14.

4 Ġesù huwa msejjaħ “il-​Ħaruf t’Alla,” u b’mod figurattiv hu deskritt bħala raġel miżżewweġ. Darba minnhom anġlu qal: “Ejja ’l hawn ħa nurik l-​għarusa, il-​mara tal-​Ħaruf.” (Ġwanni 1:​29; Rivelazzjoni 21:9) Mela, min hi din l-​għarusa, jew il-​mara? “Il-​mara tal-​Ħaruf” hija magħmula mis-​segwaċi leali taʼ Kristu li huma midlukin bl-​ispirtu u li se jaqsmu miegħu l-​ħakma tiegħu fis-​sema. (Rivelazzjoni 14:​1, 3) Għalhekk, il-​mod li bih Ġesù ttratta lid-​dixxipli tiegħu meta kien magħhom fuq l-​art jipprovdi mudell taʼ kif l-​irġiel miżżewġin għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom.

5. Ġesù għal min iservi bħala mudell?

5 Veru, fil-​Bibbja, Ġesù huwa preżentat bħala eżempju għas-​segwaċi kollha tiegħu, bħalma naqraw: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:​21) Madankollu, Ġesù huwa mudell b’mod partikulari għall-​irġiel. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu; u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Ladarba Kristu hu l-​kap tar-​raġel, l-​irġiel miżżewġin għandhom bżonn jimitaw l-​eżempju tiegħu. Għalhekk, biex il-​familja tirnexxi u tkun hienja hemm bżonn li jiġi applikat il-​prinċipju taʼ l-​istat taʼ kap. Għaldaqstant, l-​irġiel miżżewġin għandhom bżonn jittrattaw man-​nisa tagħhom bil-​mod taʼ mħabba li Ġesù jittratta mal-​mara figurattiva tiegħu, id-​dixxipli midlukin tiegħu.

Kif Tiffaċċja l-​Isfidi li Jinqalgħu fiż-​Żwieġ

6. L-​irġiel miżżewġin kif għandhom jgħammru man-​nisa tagħhom?

6 Fid-​dinja taʼ llum mimlija inkwiet, b’mod speċjali l-​irġiel miżżewġin għandhom bżonn jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù fejn tidħol il-​paċenzja, l-​imħabba, u s-​sodizza biex jinżammu l-​prinċipji ġusti. (2 Timotju 3:​1-5) Rigward il-​mudell li ħalla Ġesù, fil-​Bibbja naqraw: “Intom l-​irġiel miżżewġin komplu għammru man-​nisa tagħkom skond l-​għarfien.” (1 Pietru 3:7) Iva, l-​irġiel miżżewġin għandhom bżonn jiffaċċjaw l-​isfidi li jinqalgħu fiż-​żwieġ bl-​għarfien, l-​istess bħalma Ġesù ffaċċja d-​diffikultajiet. Hu sofra provi akbar minn dawk li qatt sofra kwalunkwe bniedem ieħor, imma hu kien konxju li Satana, id-​demonji tiegħu, u din id-​dinja mill-​agħar kienu responsabbli għalihom. (Ġwanni 14:30; Efesin 6:​12) Ġesù qatt ma kien sorpriż mill-​provi li ffaċċja, u għalhekk lanqas l-​imseħbin fiż-​żwieġ m’għandhom ikunu sorpriżi meta jesperjenzaw “tribulazzjoni f’laħamhom.” Il-​Bibbja twissi li dawk li jiżżewġu jistgħu jistennew li jkollhom tribulazzjonijiet bħal dawn.​—1 Korintin 7:​28.

7, 8. (a) X’inhu involut f’li l-​irġiel miżżewġin jgħammru man-​nisa tagħhom skond l-​għarfien? (b) In-​nisa miżżewġin għala jistħoqqilhom li jirċievu unur?

7 Il-​Bibbja tgħid li l-​irġiel miżżewġin għandhom jgħammru man-​nisa tagħhom ‘skond l-​għarfien, billi jonoraw lill-​mara bħala reċipjent iktar dgħajjef.’ (1 Pietru 3:7) Minflok ma jiddomina l-​mara tiegħu b’mod aħrax, bħalma l-​Bibbja tgħid li kienu se jagħmlu ħafna rġiel b’mod in ġenerali, raġel miżżewweġ li jirbaħ l-​approvazzjoni t’Alla se jonoraha. (Ġenesi 3:​16) Hu jrid jittrattaha bħala xi ħaġa prezzjuża, u qatt ma juża s-​saħħa fiżika tiegħu, peress li hu jkun iktar b’saħħtu minnha, biex iweġġagħha. Minflok, hu jrid jikkunsidra s-​sentimenti tagħha, billi dejjem jittrattaha b’rispett u b’dinjità.

8 L-​irġiel miżżewġin għala għandhom jonoraw lin-​nisa tagħhom? Il-​Bibbja twieġeb: “Ladarba intom ukoll werrieta magħhom tal-​favur mhux mistħoqq tal-​ħajja, sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-​talb tagħkom.” (1 Pietru 3:7) L-​irġiel miżżewġin għandhom bżonn jifhmu li Ġeħova ma jqisx lir-​raġel li jaqdih bħala li hu superjuri għall-​mara li taqdi lil Ġeħova wkoll. In-​nisa li huma meqjusin bħala li huma denji taʼ l-​approvazzjoni t’Alla se jirċievu l-​istess premju li se jirċievu l-​irġiel, jiġifieri, il-​ħajja taʼ dejjem​—ħafna saħansitra se jgawdu ħajja fis-​sema fejn “la [hemm] raġel u lanqas mara.” (Galatin 3:​28) Għalhekk, l-​irġiel miżżewġin għandhom bżonn jiftakru li hija l-​lealtà taʼ persuna li tagħmilha prezzjuża għal Alla. M’huwiex jekk individwu huwiex raġel jew mara, raġel miżżewweġ jew mara miżżewġa, jew saħansitra tifel jew tifla.​—1 Korintin 4:2.

9. (a) Skond Pietru, l-​irġiel miżżewġin għal liema raġuni għandhom jonoraw lin-​nisa tagħhom? (b) Ġesù kif onora lin-​nisa?

9 L-​aħħar kliem taʼ l-​appostlu Pietru jenfasizza l-​bżonn li raġel miżżewweġ jittratta lil martu b’unur meta jgħid “sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-​talb tagħkom.” Kemm jistaʼ jkun taʼ periklu jekk ikun hemm tfixkil bħal dan għat-​talb! Jekk raġel miżżewweġ ma jonorax lil martu, Ġeħova saħansitra ma jismax it-​talb tiegħu, bħalma ġara lil xi wħud mill-​qaddejja t’Alla fil-​passat li wrew attitudni taʼ traskuraġni. (Lamentazzjonijiet 3:​43, 44) B’mod għaqli, irġiel Kristjani​—kemm dawk miżżewġin u kemm dawk li qed jaħsbu biex jiżżewġu​—se jistudjaw il-​mod dinjituż li bih Ġesù ttratta lin-​nisa. Hu laqagħhom bħala parti mill-​grupp li kien qed jakkumpanjah fil-​ministeru tiegħu, u ttrattahom b’qalb tajba u b’rispett. F’okkażjoni minnhom, Ġesù saħansitra rrivela verità taʼ l-​għaġeb lin-​nisa l-​ewwel, u mbagħad qalilhom biex jinformaw lill-​irġiel dwarha!​—Mattew 28:​1, 8-​10; Luqa 8:​1-3.

Eżempju b’Mod Speċjali għall-​Irġiel Miżżewġin

10, 11. (a) L-irġiel miżżewġin b’mod speċjali għala għandhom jistudjaw l-​eżempju taʼ Ġesù? (b) L-​irġiel miżżewġin kif għandhom juru mħabba għan-​nisa tagħhom?

10 Bħalma rajna qabel, il-​Bibbja tqabbel ir-​relazzjoni bejn raġel miżżewweġ u martu maʼ dik taʼ Kristu u l-​“għarusa” tiegħu, li hija lkongregazzjoni taʼ segwaċi midlukin tiegħu. Il-​Bibbja tgħid: “Ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni.” (Efesin 5:​23) Dan il-​kliem għandu jinkuraġġixxi lill-​irġiel miżżewġin biex jeżaminaw il-​mod kif Ġesù eżerċita l-​istat taʼ kap fuq is-​segwaċi tiegħu, jew il-​mod kif kien imexxihom. Huwa biss jekk jagħmlu dan it-​tip t’eżaminar li l-​irġiel miżżewġin se jkunu kapaċi jsegwu sew l-​eżempju taʼ Ġesù u jipprovdu direzzjoni, juru mħabba, u jieħdu ħsieb in-​nisa bl-​istess mod li Ġesù aġixxa mal-​kongregazzjoni tiegħu.

11 Il-​Bibbja tħeġġeġ lill-​Kristjani: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efesin 5:​25) Fil-​kapitlu taʼ qabel fil-​ktieb taʼ l-​Efesin, il-​“kongregazzjoni” hija msejħa “l-​ġisem tal-​Kristu.” Dan il-​ġisem simboliku huwa magħmul minn ħafna membri li huma kemm irġiel u kemm nisa, u li lkoll kemm huma jikkontribwixxu biex il-​ġisem jiffunzjona sew. M’għandniex xi ngħidu, Ġesù huwa “r-​ras tal-​ġisem, il-​kongregazzjoni.”​—Efesin 4:​12; Kolossin 1:​18; 1 Korintin 12:​12, 13, 27.

12. Ġesù kif wera l-​imħabba għall-​ġisem figurattiv tiegħu?

12 Ġesù wera mħabba għall-​ġisem figurattiv tiegħu, “il-​kongregazzjoni,” partikolarment bil-​mod ġentili li qeda l-​interessi taʼ dawk li kienu se jsiru membri tal-​kongregazzjoni. Per eżempju, meta d-​dixxipli tiegħu kienu għajjenin hu qal: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.” (Marku 6:​31) Meta kien qed jiddeskrivi l-​attività taʼ Ġesù ftit sigħat biss qabel ġie maqtul, wieħed mill-​appostli tiegħu kiteb: “Ġesù, għax ħabb lil tiegħu [jiġifieri, lill-​membri tal-​ġisem figurattiv tiegħu] . . . , baqaʼ jħobbhom sa l-​aħħar.” (Ġwanni 13:1) X’eżempju mill-​aqwa ta Ġesù tal-​mod kif l-​irġiel miżżewġin għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom!

13. L-​irġiel miżżewġin liema twissija jingħataw dwar kif għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom?

13 Billi kompla juża l-​eżempju li ħalla Ġesù għall-​irġiel miżżewġin, l-​appostlu Pawlu wissiehom: “L-​irġiel b’dan il-​mod għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-​Kristu jagħmel ukoll lill-​kongregazzjoni.” Pawlu żied jgħid: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.”​—Efesin 5:​28, 29, 33.

14. Raġel miżżewweġ kif jittratta l-​ġisem fiżiku imperfett tiegħu, u dan x’jindika dwar il-​mod kif għandu jittratta lil martu?

14 Aħseb dwar il-​kliem taʼ Pawlu. Raġel li hu f’sensih qatt se jweġġaʼ lilu nnifsu apposta? Meta raġel jaħbat wieħed mis-​swabaʼ taʼ saqajh, se joqgħod isawtu għax ikun waqqgħu? Dażgur li le! Sejjer raġel jumilja lilu nnifsu quddiem sħabu jew iseksek fuq in-​nuqqasijiet tiegħu stess? Le! Mela għala għandu hu jsawwat lil martu bil-​kliem, jew agħar minn hekk isawwatha fiżikament, jekk hi tieħu żball? L-​irġiel miżżewġin m’għandhomx jikkunsidraw l-​interessi tagħhom biss imma wkoll dawk tan-​nisa tagħhom.​—1 Korintin 10:24; 13:5.

15. (a)Ġesù x’għamel meta d-​dixxipli tiegħu wrew dgħjufija umana? (b) Liema lezzjonijiet nistgħu nisiltu mill-​eżempju tiegħu?

15 Ikkunsidra kif Ġesù wera li kien konċernat dwar id-​dixxipli tiegħu fil-​lejl taʼ qabel ma miet, meta huma wrew dgħjufija umana. Minkejja li għal darba wara l-​oħra kien qalilhom biex jitolbu, huma spiċċaw biex raqdu tliet darbiet fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. F’daqqa waħda ġew ċirkondati minn irġiel armati. Ġesù staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” Meta huma wiġbuh: “Lil Ġesù n-​Nazzarenu,” hu wiġibhom: “Jien hu.” Billi kien jaf li s-​siegħa tal-​mewt tiegħu kienet waslet hu qal: “Għaldaqstant, jekk qed tfittxu lili, ħalluhom imorru lil dawn.” Ġesù dejjem qies il-​benesseri tad-​dixxipli tiegħu​—parti mill-​ġisem figurattiv tiegħu​—u fittex mod kif jeħlishom. Billi jistudjaw kif Ġesù ttratta lid-​dixxipli tiegħu, l-​irġiel miżżewġin se jsibu ħafna prinċipji li jistgħu japplikaw dwar kif għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom.​—Ġwanni 18:​1-9; Marku 14:​34-​37, 41.

L-​Imħabba taʼ Ġesù Ma Kinitx Ibbażata fuq l-​Emozzjonijiet Biss

16.Ġesù kif kien iħossu dwar Marta, imma b’liema mod ikkoreġieha?

16 Il-​Bibbja tgħid: “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru,” li spiss kienu jilqgħuh f’darhom. (Ġwanni 11:5) Madankollu, Ġesù ma żammx lura milli jagħti parir lil Marta meta hi tat attenzjoni żejda lill-​ikla li kienet qed tipprepara, minħabba li dan illimitalha l-​ħin li fih setgħet tirċievi istruzzjoni spiritwali mingħandu. Hu qalilha: “Marta, Marta, int ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet. Iżda ftit affarijiet huma meħtieġa, jew sempliċement ħaġa waħda.” (Luqa 10:​41, 42) Bla dubju l-​affezzjoni evidenti tiegħu għal Marta għamlitha iktar faċli għaliha biex taċċetta l-​parir tiegħu. B’mod simili, l-​irġiel miżżewġin għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom b’qalb tajba u bi mħabba, billi jużaw kliem magħżul sewwa. Madankollu, meta jkun hemm bżonn taʼ korrezzjoni, huwa tajjeb li jesprimu ruħhom bil-​mod kif għamel Ġesù.

17, 18. (a) Pietru kif ċanfar lil Ġesù, u Pietru għala kellu bżonn jiġi koreġut? (b) Raġel miżżewweġ liema responsabbiltà għandu?

17 F’okkażjoni oħra, Ġesù spjega lill-​appostli li hu kellu jmur Ġerusalemm fejn kellu jiġi persegwitat “mix-​xjuħ u l-​qassisin ewlenin u l-​iskribi, u li kellu jiġi maqtul, u fit-​tielet jum jiġi mqajjem.” Għal dan Pietru ħa lil Ġesù fil-​ġenb u beda jċanfru billi qal: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.” Jidher ċar li l-​ħarsa taʼ Pietru kienet imċajpra mill-​emozzjonijiet. Kien hemm bżonn taʼ korrezzjoni. Għalhekk, Ġesù qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana! Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-​ħsibijiet t’Alla imma tal-​bnedmin.”​—Mattew 16:​21-​23.

18 Ġesù kien għadu kif qal x’kienet ir-​rieda divina​—jiġifieri, li hu kien se jsofri ħafna affarijiet u jinqatel. (Salm 16:10; Isaija 53:12) Għalhekk, Pietru m’għamilx sew li ċanfar lil Ġesù. Iva, Pietru kellu bżonn korrezzjoni soda, bħalma kultant ikollna bżonn ilkoll kemm aħna. Bħala l-​kap tal-​familja, raġel miżżewweġ għandu l-​awtorità u r-​responsabbiltà li jikkoreġi lill-​membri tal-​familja tiegħu, inkluż lil martu. Filwaqt li jkun hemm bżonn li jkun sod, din il-​korrezzjoni għandha tingħata b’qalb tajba u bi mħabba. U bħalma Ġesù għen lil Pietru jkollu l-​ħarsa x-​xierqa, l-​irġiel miżżewġin kultant għandhom mnejn ikollhom bżonn jagħmlu l-​istess man-​nisa tagħhom. Per eżempju, raġel miżżewweġ forsi b’qalb tajba jkollu bżonn jiġbed l-​attenzjoni lejn għala hemm bżonn li jsir xi aġġustament jekk l-​ilbies jew il-​ġojjellerija jew l-​irtokk tal-​mara jibda jitbiegħed mill-​eżempju modest li hu rikkmandat fl-​Iskrittura.​—1 Pietru 3:​3-5.

Tajjeb li l-​Irġiel Miżżewġin Ikunu Paċenzjużi

19, 20. (a) Liema problema żviluppat fost l-​appostli taʼ Ġesù, u Ġesù kif ittrattaha? (b) Kemm kellhom suċċess l-​isforzi taʼ Ġesù?

19 Jekk hemm xi żball li jrid jitranġa, l-​irġiel miżżewġin m’għandhomx jistennew li l-​isforzi sinċieri tagħhom biex jiġi koreġut se jkollhom suċċess mill-​ewwel. Kien jirrikjedi sforz wara ieħor min-​naħa taʼ Ġesù biex jikkoreġi l-​attitudnijiet taʼ l-​appostli tiegħu. Per eżempju, kienet qamet rivalità bejniethom li kienet reġgħet dehret lejn l-​aħħar tal-​ministeru taʼ Ġesù. Huma argumentaw dwar min minnhom kien jidher li kien l-​akbar. (Marku 9:​33-​37; 10:​35-​45) Ftit wara li nqalgħet il-​kwistjoni għat-​tieni darba, Ġesù għamel arranġamenti biex jiċċelebra l-​aħħar Qbiż magħhom. F’dik l-​okkażjoni, ħadd minnhom ma ħa l-​inizjattiva biex jagħmel ix-​xogħol tal-​ħasil tas-​saqajn kollhom trab taʼ l-​oħrajn, li għalihom kien taʼ disprezz. Imma Ġesù iva. Imbagħad qal: “Ħallejtilkom mudell.”​—Ġwanni 13:​2-​15.

20 Irġiel miżżewġin li juru attitudni umli bħal dik taʼ Ġesù wisq probabbli se jkollhom il-​kooperazzjoni u l-​appoġġ tan-​nisa tagħhom. Imma hemm bżonn li jkunu paċenzjużi. Iktar tard f’dik il-​lejla tal-​Qbiż, l-​appostli reġgħu argumentaw dwar min minnhom kien jidher li kien l-​akbar. (Luqa 22:24) Il-​bdil fl-​attitudnijiet u l-​kondotta ħafna drabi jirrikjedi ż-​żmien u jsir bil-​mod. Madankollu, kemm hu premjanti meta jkollok riżultati pożittivi, bħalma ġara fost l-​appostli!

21. Meta jiffaċċjaw l-​isfidi llum, l-​irġiel miżżewġin x’inhuma mħeġġin jiftakru u jagħmlu?

21 Illum, iż-​żwieġ qed jiffaċċja sfidi akbar minn qatt qabel. Ħafna m’għadhomx jieħdu l-​wegħdi taż-​żwieġ bis-​serjetà. Għalhekk, irġiel miżżewġin, irriflettu fuq l-​oriġini taz-​żwieġ. Ftakru li ż-​żwieġ għandu oriġini divina, maħluq u stabbilit mill-​Alla mimli mħabba tagħna, Ġeħova. Hu pprovda lil Ibnu Ġesù, mhux biss bħala l-​Feddej tagħna​—is-​Salvatur tagħna​—imma wkoll bħala mudell għall-​irġiel miżżewġin biex jimitawh.​—Mattew 20:28; Ġwanni 3:​29; 1 Pietru 2:​21.

Int Kif Twieġeb?

• Għala huwa importanti li nagħrfu minfejn oriġina ż-​żwieġ?

• L-​irġiel miżżewġin b’liema modi huma inkuraġġiti juru mħabba lejn in-​nisa tagħhom?

• Liema eżempji tal-​mod kif Ġesù ttratta d-​dixxipli tiegħu juru kif raġel miżżewweġ għandu jeżerċita l-​istat taʼ kap bħal Kristu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 14]

L-​irġiel miżżewġin għala għandhom jistudjaw l-​eżempji taʼ kif Ġesù ttratta lin-​nisa?

[Stampa f’paġna 15]

Meta d-​dixxipli tiegħu kienu għajjenin, Ġesù wera konsiderazzjoni

[Stampa f’paġna 16]

L-​irġiel miżżewġin għandhom jagħtu parir lin-​nisa tagħhom b’qalb tajba u jużaw kliem magħżul sew