Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Il-​Bibbja ma ssemmi xejn dwar l-​ibbrindjar, allura x-​Xhieda taʼ Ġeħova għala ma jiħdux sehem fih?

Il-​prattika taʼ l-​ibbrindjar b’tazza nbid (jew xorb alkoħoliku ieħor) ilha ssir u hija mifruxa sew, għalkemm il-​metodi jistgħu jvarjaw minn post għal ieħor. Kultant dawk li jkunu qed jieħdu sehem iċekċku t-​tazzi tagħhom flimkien. Ġeneralment l-​individwu li jkun qed jagħmel il-​brindisi jitlob jew jixtieq lil dak li jkun ferħ, saħħa tajba, ħajja twila, jew xi ħaġa oħra simili. Oħrajn li jkunu qed jieħdu sehem fil-​brindisi jistgħu jgħidu li jaqblu jew jgħollu t-​tazzi tagħhom u jixorbu ftit inbid. Għal ħafna nies, l-​ibbrindjar jidher li huwa drawwa bla periklu jew turija taʼ manjieri tajbin, imma hemm raġunijiet tajbin għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem fih.

Ir-raġuni m’hijiex li l-​Kristjani ma jixtiqux li xi ħadd isib il-​ferħ u jgawdi saħħa tajba. F’ittra lill-​kongregazzjonijiet, il-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu kkonkludiet b’kelma li tistaʼ tiġi tradotta “saħħa,” “ibqaʼ f’saħħtek,” jew “nixtieqlek is-​saħħa.” (Atti 15:29) U xi wħud mill-​aduraturi veri qalu lil slaten umani: “Jalla jgħix sidi . . . għal dejjem” jew “Sultan, jalla tgħix għal dejjem.”​—1 Slaten 1:​31; Neħemija 2:3.

Però, minfejn ġejja d-​drawwa taʼ l-​ibbrindjar? The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1968, ikkwota The Encyclopædia Britannica (1910), it-​13-il Volum, paġna 121: “Id-​drawwa li jixorbu għas-​‘saħħa’ tal-​ħajjin x’aktarx ġejja mir-​rit reliġjuż tal-​qedem li fih kienu jixorbu, bħala sagrifiċċju lill-​allat u lill-​mejtin. Waqt xi ikla, il-​Griegi u r-​Rumani kienu jferrgħu l-​inbid lill-​allat tagħhom, u f’ikliet ċerimonjali kienu jixorbu għalihom u għall-​mejtin.” L-​enċiklopedija kompliet tgħid: “Assoċjat mill-​qrib maʼ dawn id-​drawwiet tax-​xorb bħala tip taʼ sagrifiċċju, kien ix-​xorb għas-​saħħa tal-​bnedmin ħajjin.”

Għadu validu dan illum? L-​International Handbook on Alcohol and Culture taʼ l-​1995 jgħid: “[L-ibbrindjar] probabbilment huwa fdal sekulari mid-​drawwiet tal-​qedem li fihom kienu jsiru libazzjonijiet bħala sagrifiċċju meta kien jiġi offrut likwidu sagru lill-​allat: demm jew inbid biex tinqatgħalhom xewqithom, f’forma taʼ talba miġbura fil-​kliem ‘ħajja twila!’ jew ‘għal saħħtek!’”

M’għandniex xi ngħidu, il-​fatt li oġġett, simbolu, jew prattika jkollha għeruq jew xebh mar-​reliġjon falza tal-​qedem mhux dejjem ifisser li aduratur veru ma jistax ikollu jew jagħmel użu minnha. Ikkunsidra r-​rummiena. Enċiklopedija magħrufa tal-​Bibbja tgħid: “Milli jidher ir-​rummiena kienet tintuża wkoll bħala simbolu qaddis fir-​reliġjonijiet foloz.” Minkejja dan, Alla ried li mal-​keffa tal-​libsa tal-​qassis il-​kbir jitwaħħal rummien magħmul mill-​ħajt, u l-​kolonni tar-​ram tat-​tempju taʼ Salamun kienu mżejnin bir-​rummien. (Eżodu 28:33; 2 Slaten 25:17) Barra minn dan, xi darba ċ-​ċurkett tat-​tieġ kellu sinifikat reliġjuż. Madankollu, il-​maġġuranza min-​nies illum ma jafuhx dan, u jikkunsidraw iċ-​ċurkett tat-​tieġ bħala li hu sempliċement evidenza li xi ħadd hu miżżewweġ.

Xi ngħidu dwar l-​użu taʼ l-​inbid b’konnessjoni m’atti reliġjużi? Per eżempju, kien hemm żmien meta xi rġiel minn Sikem li kienu jqimu lil Bagħal daħlu “f’dar alla tagħhom u kielu u xorbu, u seħtu lil Abimelek,” iben Gidgħon. (Mħallfin 9:​22-​28) Taħseb li wieħed li kien leali lejn Ġeħova kien se jieħu sehem f’xorb bħal dan, forsi billi jitlob għall-​qawwa minn xi alla falz kontra Abimelek? Rigward żmien li fih ħafna minn Iżrael irvellaw kontra Ġeħova, Għamos qal: “Ħdejn kull artal jimteddu fl-​art . . . ; u fid-​dar taʼ alla tagħhom ilegilgu l-​inbid taʼ dawk li huma jimmultaw.” (Għamos 2:8) Kienu l-​aduraturi veri se jieħdu sehem f’dan ix-​xorb, kemm jekk l-​inbid kien se jitferraʼ bħala libazzjoni lill-​allat u kemm jekk kienu se jixorbuh sempliċement b’konnessjoni maʼ dan? (Ġeremija 7:​18) Jew kien xi aduratur veru se jerfaʼ tazza nbid u jitlob lil xi alla biex dak li jkun ikollu futur hieni jew biex jinfluwenzalu l-​futur?

Taʼ interess, l-​aduraturi taʼ Ġeħova kultant kienu jgħollu idejhom u jitolbu għal riżultat tajjeb. Għollew idejhom lill-​Alla l-​veru. Naqraw: “Salamun, wieqaf quddiem l-​artal tal-​Mulej, . . . fetaħ dirgħajh beraħ lejn is-​sema u qal: ‘Mulej, Alla taʼ Iżrael, . . . [m’hemmx] Alla ieħor bħalek . . . Ismagħna int, mis-​sema fejn int toqgħod; ismagħna u aħfrilna.’” (1 Slaten 8:​22, 23, 30) B’mod simili, “Esdra bierek il-​Mulej . . . u l-​poplu kollu b’idejh merfugħin ’il fuq wieġeb: ‘Amen, amen.’ U nxteħtu għarkubbtejhom b’wiċċhom maʼ l-​art jagħtu qima lill-​Mulej.” (Neħemija 8:6; 1 Timotju 2:8) Jidher ċar li dawn l-​uħud leali ma kinux qed jgħollu idejhom lejn is-​sema għal barka mingħand xi alla tal-​fortuna.​—Isaija 65:11.

Illum, ħafna nies li jieħdu sehem fl-​ibbrindjar forsi ma jaħsbux li qed jitolbu għal tweġiba jew barka mingħand xi alla, imma lanqas ma jistgħu jispjegaw għala jerfgħu t-​tazza taʼ l-​inbid tagħhom lejn is-​sema. Minkejja dan, il-​fatt li ma jaħsbux dwar il-​kwistjoni m’hijiex raġuni għall-​Kristjani veri biex iħossuhom obbligati li jimitaw il-​ġest tagħhom.

Huwa magħruf li, anki fuq kwistjonijiet oħrajn, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jżommu lura milli jagħmlu ġesti li ħafna min-​nies jagħmlu. Per eżempju, ħafna nies jagħmlu xi ġesti lejn l-​emblemi nazzjonali, jew lejn il-​bnadar; huma ma jqisux ġesti bħal dawn bħala atti taʼ qima. Il-​Kristjani veri ma jindaħlux lil ħaddieħor, imma huma personalment ma jiħdux sehem fihom. Meta jkunu jafu li tkun se sseħħ xi ċerimonja bħal din, ħafna Xhieda jaġixxu b’dehen sabiex ma joffendux lil oħrajn. Ikun xi jkun il-​każ, huma determinati li ma jagħmlux ġesti patrijottiċi, li m’humiex fi qbil mal-​Bibbja. (Eżodu 20:​4, 5; 1 Ġwanni 5:​21) Illum, ħafna nies għandhom mnejn ma jqisux l-​ibbrindjar bħala ġest reliġjuż. Xorta waħda, hemm raġunijiet validi għala l-​Kristjani ma jiħdux sehem fl-​ibbrindjar, li għandu sfond reliġjuż u li anki issa jistaʼ jitqies bħala talba lis-​‘sema’ għal xi barka, bħallikieku dak li jkun qed ifittex l-​għajnuna minn xi forza sovrumana.​—Eżodu 23:2.