Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Rigal Dejjiemi Mingħand il-Ħallieq

Rigal Dejjiemi Mingħand il-Ħallieq

Rigal Dejjiemi Mingħand il-​Ħallieq

MA TAĦSIBX int li hu taʼ l-​għaġeb li dawk il-​fatturi li x-​xjenzati jemmnu li huma essenzjali għall-​ħajja fuq kwalunkwe pjaneta jidhru jew jissemmew b’mod ċar fl-​ewwel kapitlu tal-​Bibbja? X’inhuma dawn?

Sabiex il-​ħajja tiffjorixxi, irid ikun hemm kwantità kbira taʼ ilma, bħalma hemm miktub f’​Ġenesi 1:2. It-​temperatura trid tkun tajba għall-​ilma fuq il-​pjaneta biex dan jibqaʼ f’għamla likwida. Dan jirrikjedi li l-​pjaneta tkun f’distanza tajba ’l bogħod mix-​xemx tagħha. Għal darba wara l-​oħra, ir-​rakkont tal-​Ġenesi jiġbed l-​attenzjoni lejn ix-​xemx u l-​effett li għandha fuq l-​art.

Sabiex tkun abitabbli mill-​bniedem, pjaneta għandha bżonn atmosfera b’taħlita partikulari taʼ gassijiet. Dan l-​aspett vitali huwa msemmi f’​Ġenesi 1:​6-8. It-​tkabbir tal-​ħxejjex, li hu deskritt f’​Ġenesi 1:​11, 12, jikkontribwixxi għall-​provvista abbundanti t’ossiġnu disponibbli. Pjaneta li fuqha jistgħu jgħixu varjetà kbira t’annimali tirrikjedi kontinenti t’art niexfa u produttiva, kif deskritta f’​Ġenesi 1:​9-​12. Finalment, għal temp moderat, pjaneta trid tkun immejla f’angolu preċiż u miżmuma f’postha​—fil-​każ taʼ l-​art, funzjoni li parti minnha titwettaq mill-​ġibda tal-​gravità tal-​qamar tagħna. Din l-​eżistenza tas-​satellita u xi ftit mill-​benefiċċji tagħha huma enfasizzati f’​Ġenesi 1:​14, 16.

Mosè, il-​kittieb tal-​qedem, kif setaʼ jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​fatturi t’hawn fuq mingħajr l-​għajnuna tax-​xjenza moderna? Kellu Mosè xi abbiltà li jifhem l-​importanza tagħhom iktar milli kellhom dawk in-​nies li kienu jgħixu fi żmienu? L-​ispjegazzjoni hi li hu kien ispirat mill-​Ħallieq tas-​smewwiet u l-​art. Dan hu taʼ min jinnotah meta tqis l-​eżattezza xjentifika fir-​rakkont tal-​Ġenesi.

Il-Bibbja tgħid li hemm skop wara l-​meravilji li nosservaw fl-​univers taʼ madwarna. “Is-​smewwiet huma s-​smewwiet tal-​Mulej,” jgħid Salm 115:​16, “imma l-​art hu taha lill-​bnedmin.” Salm ieħor jgħid: “Int waqqaft l-​art fuq is-​sisien tagħha, b’mod li qatt ma titħarrek.” (Salm 104:5) Jekk l-​univers u l-​pjaneta sabiħa tagħna huma disinjati u magħmulin minn Ħallieq, ċertament li hu loġiku li nemmnu li hu għandu wkoll l-​abbiltà li jsostnihom. Dan ifisser li int tistaʼ tħares ’il quddiem b’fiduċja għat-​twettiq tal-​wegħda meraviljuża: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Sabiex tkun ċert, Alla “ma ħalaqhiex [l-art] għall-​baħħ” iżda “sawwarha biex jgħammru fiha” għal dejjem bnedmin li japprezzaw u jirrikonoxxu l-​għemejjel tiegħu.​—Isaija 45:18.

Skond l-​Iskrittura, Ġesù ġie fuq l-​art biex jgħallimna dwar Alla u l-​iskop Tiegħu li jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lill-​umanità ubbidjenti. (Ġwanni 3:​16) Aħna niġu żgurati li Alla dalwaqt se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-​art,’ filwaqt li bnedmin mill-​ġnus kollha li jħobbu l-​paċi u li jaċċettaw il-​provvediment tiegħu taʼ salvazzjoni se jsalvaw. (Rivelazzjoni 7:​9, 14; 11:18) Kemm se tkun sabiħa l-​ħajja hekk kif il-​bnedmin jibqgħu jiskopru u jgawdu l-​meravilji tal-​ħolqien t’Alla għal dejjem!​—Koħèlet 3:​11; Rumani 8:​21.

[Sors tal-Istampa f’paġna 8]

Ritratt tan-​NASA