Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Bini Spiritwali fid-“Dar tal-Ġebel”

Bini Spiritwali fid-“Dar tal-Ġebel”

Bini Spiritwali fid-​“Dar tal-​Ġebel”

L-​isem taʼ dan il-​pajjiż Afrikan ifisser “Dar tal-​Ġebel.” Huwa pajjiż magħruf sew għall-​Victoria Falls u għall-​varjetà t’annimali u pjanti li fih. Madankollu, dan fih ukoll l-​akbar bini antik li qatt sar mill-​bniedem ’l isfel mid-​deżert Saħara. Fih ukoll wita art tal-​granit li tgħaddi minn ġo nofsu. Il-​klima moderata f’dik il-​medda art toħloq veduta mżewqa t’art fertili mimlija siġar u ħaxix. Dan il-​pajjiż huwa Żimbabwe, li fih joqogħdu madwar 12-il miljun ruħ.

GĦALA jissejjaħ Dar tal-​Ġebel? Fl-​1867, Adam Renders, kaċċatur u esploratur, wasal ħdejn strutturi kbar tal-​ġebel li kienu mifruxin f’medda t’art taʼ iktar minn 7,285 kilometru kwadru. Hu kien qed jivvjaġġa fin-​nofsinhar taʼ l-​Afrika, fejn id-​djar ġeneralment kienu magħmulin mit-​tajn, pilastri, u soqfa tal-​ħaxix. Imbagħad wasal ħdejn il-​fdalijiet tal-​ġebel taʼ belt kbira, li llum tissejjaħ Great Zimbabwe.

Dawn il-​fdalijiet qegħdin eżatt fin-​nofsinhar taʼ post li llum huwa magħruf bħala Masvingo. Xi wħud mill-​ħitan huma għoljin iktar minn disaʼ metri, u huma magħmulin mill-​granit mingħajr tajn bejn ġebla u oħra. Fost dawn il-​fdalijiet hemm torri, li ġej għat-​tond u li jidjieq hekk kif jitlaʼ ’l fuq. Dan għandu għoli taʼ madwar 11-il metru u l-​bażi tonda tiegħu hija wiesgħa sitt metri. L-​iskop speċifiku taʼ dan it-​torri għadu mhux magħruf. Il-​fdalijiet imorru lura sat-​tmien seklu E.K., imma hemm evidenza li dan il-​post kien abitat min-​nies mijiet taʼ snin qabel dan.

Fl-​1980, il-​pajjiż li dak iż-​żmien kien magħruf bħala r-​Rodeżja ħa l-​indipendenza tiegħu mill-​Britannja u ngħata l-​isem taʼ Żimbabwe. In-​nies li joqogħdu f’dan il-​pajjiż jinkludu żewġ gruppi etniċi​—ix-​Shona, li jifformaw l-​akbar parti mill-​popolazzjoni, u l-​grupp l-​ieħor li jismu Ndebele. In-​nies jilqgħu lil dak li jkun, kif spiss jinnotaw ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħhom minn dar għal dar. Xi drabi anki qabel ma jsiru jafu min qed iżurhom, mat-​taħbita fuq il-​bieb ġieli tismaʼ min jgħidlek “Idħol ġewwa” u “Jekk jogħġbok poġġi bil-​qiegħda.” Ħafna min-​nies taʼ Żimbabwe għandhom rispett profond lejn il-​Bibbja u ħafna drabi jinsistu biex waqt diskussjonijiet Skritturali, it-​tfal joqogħdu bil-​qiegħda u jisimgħu.

Jiġi Offrut Messaġġ Inkuraġġanti u taʼ Faraġ

L-​“AIDS” u n-​“nixfa” huma żewġ kelmiet li jintużaw spiss fl-​aħbarijiet meta jissemma Żimbabwe. Il-​firxa taʼ l-​AIDS kellha effett serju fuq il-​popolazzjoni u fuq l-​ekonomija tal-​pajjiżi ’l isfel mid-​deżert tas-​Saħara fl-​Afrika. Hawnhekk, ir-​raġunijiet għala ħafna nies jidħlu l-​isptar ikollhom x’jaqsmu maʼ l-​HIV. Din il-​marda qerdet il-​ħajja tal-​familja taʼ ħafna nies.

Sabiex jgħinu lin-​nies f’Żimbabwe, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jinsabu beżlin jiddikjaraw li l-​aħjar mod taʼ ħajja huwa wieħed gwidat mil-​livelli t’Alla kif murijin fil-​Bibbja. Per eżempju, il-​Kelma t’Alla tgħallem li l-​għotja mingħand Alla taʼ l-​intimità sesswali għandha titgawda biss fiż-​żwieġ, li l-​omosesswalità m’hijiex aċċettata minn Alla, u li t-​trasfużjonijiet tad-​demm u l-​użu tad-​droga huma projbiti mil-​liġi taʼ Ġeħova. (Atti 15:​28, 29; Rumani 1:​24-27; 1 Korintin 7:​2-5; 2 Korintin 7:1) Ix-​Xhieda jxerrdu wkoll messaġġ taʼ tama li hija bbażata fis-​sod, li jgħid li fil-​futur qarib, is-​Saltna t’Alla se tneħħi l-​mard kollu.​—Isaija 33:24.

Jingħataw Provvisti t’Għajnuna

In-​nixfa ħalliet effetti koroh fuq Żimbabwe matul dawn l-​aħħar għaxar snin. Annimali salvaġġi spiċċaw biex mietu minħabba l-​ġuħ u l-​għatx. L-​imrieħel mietu bil-​mijiet t’eluf. In-​nirien ħarbtu kilometri sħaħ taʼ foresti li mis-​siġar tagħhom jittieħed l-​injam. Ħafna tfal u xjuħ mietu minħabba l-​malnutrizzjoni. Saħansitra l-​livelli tax-​xmara kbira Zambezi tant tbaxxew li l-​impjanti tagħha li jiġġeneraw l-​elettriku permezz taʼ l-​ilma kważi waqfu jiffunzjonaw.

Minħabba din il-​ħsara kbira, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ħatru tmien kumitati għall-​għajnuna f’diversi partijiet tal-​pajjiż. Indokraturi li jivvjaġġaw żaru lill-​kongregazzjonijiet biex jaraw xi bżonnijiet kien hemm. L-​informazzjoni mbagħad ngħatat lil wieħed mill-​kumitati għall-​għajnuna. Wieħed indokratur li jivvjaġġa rrapporta: “Matul dawn l-​aħħar ħames snin, aħna qassamna iktar minn elf tunnellata taʼ qamħirrum, għaxar tunnellati taʼ ħut imnixxef, u l-​istess kwantità taʼ ful ħelu. L-​aħwa spiritwali tagħna pproċessaw żewġ tunnellati taʼ mufushwa [ħaxix imnixxef]. Aħna qassamna wkoll kwantitajiet kbar taʼ ħwejjeġ li ngħataw bħala donazzjoni kif ukoll fondi li kienu meħtieġa.” Indokratur li jivvjaġġa ieħor qal: “Meta nirrifletti dwar id-​diffikultajiet li għaddejna minnhom biex niksbu l-​permessi meħtieġa minn Żimbabwe u mill-​Afrika t’Isfel biex inġibu dawn il-​provvisti u dwar in-​nuqqas li dejjem kien hemm għall-​fuel li kellna bżonn biex nittrasportaw l-​affarijiet li tant kien hemm bżonn, nistaʼ biss nikkonkludi li s-​suċċess tagħna jagħti iktar evidenza taʼ l-​assiguranza taʼ Ġesù li Missierna tas-​sema jaf li għandna bżonn dawn l-​affarijiet kollha.”​—Mattew 6:​32.

L-indokraturi li jivvjaġġaw kif ikampaw meta jkunu qed jaħdmu fi nħawi milqutin min-​nixfa? Xi wħud iġorru l-​ikel għalihom infushom u għall-​familji li joqogħdu għandhom. Wieħed minnhom irrapporta li xi aħwa Kristjani nisa kienu qed jitkellmu bejniethom dwar jekk għandhomx jieqfu jippridkaw għal dakinhar sabiex ikunu jistgħu jmorru fil-​kju ħalli jistennew il-​provvisti t’għajnuna li kellhom jaslu mingħand il-​gvern. Huma ddeċidew li jafdaw f’Ġeħova billi jiffokaw fuq l-​attività taʼ l-​ippridkar u jaraw kif kienu se jmorru l-​affarijiet. L-​ebda għajnuna mingħand il-​gvern ma waslet dakinhar.

L-għada kien pjanat li ssir laqgħa Kristjana u dawn l-​aħwa nisa riedu jieħdu deċiżjoni għal darba oħra. Kienu huma se jattendu l-​laqgħa, jew kienu se jmorru jistennew il-​wasla tal-​provvisti t’għajnuna? Huma poġġew il-​prijoritajiet tajbin u attendew il-​laqgħa Kristjana fis-​Sala tas-​Saltna. (Mattew 6:​33) Waqt li kienu qed ikantaw l-​għanja taʼ l-​għeluq, huma semgħu trakk riesaq. Il-​provvisti kienu waslu eżatt hemmhekk, permezz taʼ ħuthom spiritwali fil-​kumitat għall-​għajnuna! Ix-​Xhieda leali li attendew dik il-​laqgħa esperjenzaw ferħ u gratitudni tassew kbar.

L-​Imħabba Tibni

L-​għemejjel taʼ mħabba lejn dawk li m’humiex parti mill-​kongregazzjoni Kristjana fetħu l-​bibien biex tingħata xiehda tajba. Indokratur li jivvjaġġa fl-​inħawi taʼ Masvingo, flimkien maʼ xi Xhieda lokali oħrajn, kien qed jieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Hu nnota tifla li kienet mixħuta fl-​art maʼ ġenb it-​triq. Ix-​Xhieda ntebħu li din it-​tifla kienet marida ħafna, għax lanqas biss setgħet titkellem sew u leħinha kien jirtogħod. Isem it-​tifla kien Hamunyari, li bix-​Shona jfisser “Ma Jmissekx Tistħi?” L-​aħwa saru jafu li t-​tifla kienet ġiet abbandunata mill-​membri tal-​knisja tagħha li kienu sejrin għal funzjoni reliġjuża fil-​muntanji. Ix-​Xhieda taw l-​assistenza tagħhom kollha mħabba lit-​tifla, u ħaduha f’raħal fil-​qrib.

F’dak ir-​raħal, xi nies kienu jafu min kienet Hamunyari, u għalhekk talbu lil xi qraba tagħha biex jiġu għaliha. Dwar ix-​Xhieda, in-​nies tar-​raħal qalu: “Din hija r-​reliġjon vera. Din hija l-​imħabba li l-​Kristjani jridu juru.” (Ġwanni 13:35) Qabel telqu, l-​aħwa taw lil Hamunyari l-​fuljett Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-​Bibbja?  *

Il-ġimgħa taʼ wara, l-​indokratur li jivvjaġġa kien qed jaqdi fl-​inħawi tal-​kongregazzjoni fejn kienet toqgħod Hamunyari. Hu xtaq ikun jaf jekk Hamunyari waslitx id-​dar qawwija u sħiħa. Il-​membri kollha tal-​familja ferħu ħafna x’ħin raw lill-​indokratur u lill-​aħwa lokali. Il-​ġenituri tagħha qalu: “Intom tipprattikaw ir-​reliġjon vera. Intom salvajtu l-​ħajja tat-​tifla tagħna, li tħalliet biex tmut fit-​triq.” Huma kienu staqsew lill-​membri tal-​knisja tagħha: “Ma jmisskomx tistħu, bħalma jfisser isem Hamunyari, li ħallejtuha kważi mejta?” Ix-​Xhieda bdew diskussjoni Biblika mal-​familja taʼ Hamunyari dwar il-​Bibbja u ħallewlhom xi letteratura bbażata fuq il-​Bibbja. Il-​familja stiednet lill-​aħwa biex imorru lura u jikkonduċu studju tal-​Bibbja magħhom. Xi membri tal-​familja li kienu jopponu lix-​Xhieda bidlu l-​ħarsa tagħhom. Wieħed minnhom, ir-​raġel t’oħt Hamunyari, li kien mexxej taʼ knisja f’dawk l-​inħawi, aċċetta studju tal-​Bibbja.

Jinbnew Djar taʼ Qima

Żmien ilu, poeta ispirat kiteb: “Alla, . . . ruħi bil-​għatx għalik, . . . bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.” (Salm 63:2 [63:​1, NW]) Kemm hu veru dan dwar ħafna nies f’Żimbabwe! Fiżikament huma jissaportu n-​nixfa, imma spiritwalment huma għatxana għal Alla u t-​tjieba tiegħu. Dan tistaʼ tarah mir-​riżultati tal-​ministeru Kristjan tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Meta Żimbabwe kiseb l-​indipendenza fl-​1980, madwar 10,000 Xhud kienu jaqdu f’476 kongregazzjoni. Issa, xi 27 sena wara, l-​għadd taʼ Xhieda attivi huwa tliet darbiet iżjed u l-​għadd tal-​kongregazzjonijiet kważi rdoppja.

Ftit biss minn dawn il-​kongregazzjonijiet kellhom il-​post tagħhom fejn jiltaqgħu għall-​qima. F’Jannar taʼ l-​2001, mit-​800 kongregazzjoni li hemm Żimbabwe, 98 biss kellhom dar taʼ qima​—Sala tas-​Saltna​—fejn jiltaqgħu. Ħafna mill-​kongregazzjonijiet kienu jagħmlu l-​laqgħat tagħhom taħt is-​siġar jew f’għerejjex sempliċi li kienu magħmulin mill-​pilastri, b’ħitan miksijin bit-​tajn u b’soqfa mgħottijin bil-​ħaxix.

B’riżultat tad-​donazzjonijiet ġenerużi u x-​xogħol volontarju ħabrieki mill-​fratellanza Kristjana tagħhom madwar id-​dinja, ix-​Xhieda f’Żimbabwe bdew programm li jagħmilha possibbli għal iktar kongregazzjonijiet li jiksbu Swali tas-​Saltna sempliċi imma dinjitużi. Ħafna Xhieda minn pajjiżi oħrajn li għandhom snajjaʼ fil-​bini għamlu arranġamenti biex ikunu jistgħu jmorru Żimbabwe u jaħdmu flimkien mal-​volontieri lokali. Wieħed mix-​Xhieda lokali kiteb: “Aħna nirringrazzjaw sinċerament lill-​aħwa rġiel u nisa kollha mill-​ħafna pajjiżi differenti li ġew Żimbabwe biex jgħinu fil-​bini tas-​Swali tas-​Saltna sbieħ. U nirringrazzjaw lill-​kumplament taʼ l-​aħwa kollha tal-​kontribuzzjonijiet tagħkom għall-​fond għas-​Swali tas-​Saltna li permezz tiegħu jsir dan ix-​xogħol.”

Fin-naħa tal-​lvant tal-​pajjiż, l-​aħwa damu 50 sena jiltaqgħu taħt siġra kbira tal-​baobab. Meta lill-​anzjani Kristjani ntqalilhom li kienet se tinbena dar taʼ veru għall-​qima, minn taʼ l-​inqas wieħed minnhom ma setax iżomm lura d-​dmugħ. F’kongregazzjoni fil-​qrib, wieħed anzjan li kellu 91 sena qal: “Ilni żmien twil nitlob lil Ġeħova bil-​ħrara biex isseħħ xi ħaġa bħal din!”

Saru ħafna kummenti dwar kemm ix-​xogħol taʼ dan il-​bini mill-​isbaħ qed jitlesta malajr. Wieħed li ra x-​xogħol qal: “Intom in-​nies qegħdin tibnu bi nhar, imma bilfors li Alla qed jibni bil-​lejl!” L-​unità u l-​ferħ tal-​ħaddiema jiġi notat ukoll. Sa llum, iktar minn 350 Sala tas-​Saltna tlestew fil-​pajjiż. Dan jagħmilha possibbli biex 534 kongregazzjoni jiltaqgħu fi Swali tas-​Saltna mibnijin fis-​sod bil-​briks.

F’Żimbabwe qed ikompli jsir bini spiritwali u vitali. Hekk kif naħsbu dwar dak li twettaq s’issa, aħna nitqanqlu biex nirringrazzjaw lil Ġeħova, il-​wieħed li jagħti barkiet bħal dawn. Iva, “jekk il-​Mulej ma jibnix id-​dar, għalxejn jitħabtu l-​bennejja.”—Salm 127:1.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 16 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Mappep f’paġna 9]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

ŻIMBABWE

ĦARARE

Masvingo

Great Zimbabwe

[Stampa f’paġna 9]

Il-​fdalijiet tat-​torri

[Stampa f’paġna 12]

Sala tas-​Saltna ġdida, Kongregazzjoni taʼ Concession

[Stampa f’paġna 12]

Membri tal-​Kongregazzjoni taʼ Lyndale barra s-​Sala tas-​Saltna ġdida tagħhom

[Sorsi tal-Istampa f’paġna 9]

Fdalijiet bit-​taraġ: ©Chris van der Merwe/AAI Fotostock/age fotostock; ritratt tat-​torri: ©Ingrid van den Berg/AAI Fotostock/age fotostock