Ġenesi 12:1-20
12 U Ġeħova qal lil Abram: “Itlaq minn artek, minn ħdejn qrabatek, u minn dar missierek, u mur fl-art li se nurik.
2 Jien nagħmlek poplu kbir, u nbierkek, u nagħmel ismek kbir, u int tkun barka għal oħrajn.
3 Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek, u l-familji kollha tal-art żgur li se jitbierku* permezz tiegħek.”
4 Għalhekk, Abram telaq bħalma kien qallu Ġeħova, u Lot mar miegħu. Abram kellu 75 sena meta telaq minn Ħaran.
5 Abram ħa lil martu Saraj, lil Lot bin ħuh, il-ġid kollu li kellhom, u l-qaddejja* li kienu kisbu f’Ħaran, u telqu lejn l-art taʼ Kangħan. Meta waslu fl-art taʼ Kangħan,
6 Abram qasam il-pajjiż kollu u wasal sal-post imsemmi Sikem, ħdejn is-siġar il-kbar taʼ More. F’dak iż-żmien, kien hemm il-Kangħanin fil-pajjiż.
7 Imbagħad Ġeħova deher lil Abram u qallu: “Din l-art se nagħtiha lid-dixxendenti tiegħek.”* Allura hemmhekk bena artal lil Ġeħova, li kien deherlu.
8 Iktar tard, telaq minn hemmhekk biex imur fir-reġjun muntanjuż lejn il-Lvant taʼ Betel u rama t-tinda tiegħu bejn Betel fil-Punent u Għaj fil-Lvant. Hemmhekk bena artal lil Ġeħova u beda jqim lil Ġeħova u juża ismu.
9 Wara, Abram żarma l-kampijiet u telaq lejn in-Negeb, u kkampja f’post wara l-ieħor fi triqtu.
10 U waqaʼ l-ġuħ fil-pajjiż, u Abram niżel l-Eġittu biex joqgħod hemmhekk għal xi żmien,* għaliex kien hemm ġuħ kbir fil-pajjiż.
11 Hekk kif kien se jidħol l-Eġittu, hu qal lil martu Saraj: “Jekk jogħġbok ismagħni! Jien naf kemm int mara sabiħa.
12 U meta jarawk l-Eġizzjani, żgur li se jgħidu, ‘Din martu.’ Imbagħad lili joqtluni imma lilek iħalluk ħajja.
13 Jekk jogħġbok għid li int oħti, sabiex ma jiġrili xejn minħabba fik, u nibqaʼ ħaj.”
14 U malli Abram daħal l-Eġittu, l-Eġizzjani nnotaw li l-mara kienet sabiħa ħafna.
15 U anki l-uffiċjali tal-Fargħun rawha, u bdew ifaħħruha quddiem il-Fargħun, u b’hekk ħaduha fil-palazz tal-Fargħun.
16 Lil Abram ittrattah tajjeb minħabba fiha, u kiseb nagħaġ, baqar, ħmir, qaddejja rġiel u nisa, u iġmla.
17 Imbagħad Ġeħova bagħat kastigi ħorox fuq il-Fargħun u n-nies taʼ daru minħabba Saraj, mart Abram.
18 Minħabba f’hekk, il-Fargħun għajjat lil Abram u qallu: “X’għamiltli? Għala m’għedtlix li kienet martek?
19 Għala għedtli li hi oħtok? Jien għal naqra ma ħadthiex b’marti. Hawn hi martek. Ħudha u itlaq!”
20 B’hekk, il-Fargħun ta kmand lill-irġiel tiegħu u dawn wasslu lil Abram, lil martu, u kulma kellu barra l-pajjiż.
Noti taʼ taħt
^ Jew “se jiksbu barka għalihom infushom.”
^ Jew “l-erwieħ.”
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “biex joqgħod hemmhekk bħala barrani.”