Why Is Life So Full of Problems?

Għala Hija l-Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?

Malti
Għala Hija l-Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?
/assets/ct/28ada02fb0/images/syn_placeholder_sqr.png
kn34 pp. 1-4
Għala Hija l-Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?

Aħbarijiet tas-Saltna Nru. 34

Għala Hija l-Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?

Hija possibbli ġenna ħielsa mill-​inkwiet?

PROBLEMI SERJI JMORRU GĦALL-​AGĦAR​—GĦALA?

In-​nies minn dejjem kellhom problemi. Għalkemm ħafna ħasbu li t-​teknoloġija moderna setgħet issolvihom, problemi serji sejrin għall-​agħar.

Il-Kriminalità: Ftit huma dawk li jħossuhom fis-​sigurtà meta jimxu fit-​toroq jew saħansitra meta jkunu bi kwiethom fi djarhom stess. F’pajjiż Ewropew, kważi persuna minn kull tlieta sfat vittma taʼ kriminalità f’sena riċenti.

L-Ambjent: It-​tniġġis taʼ l-​arja, l-​art, u l-​ilma huwa mifrux iktar u iktar. Fi ġnus li qegħdin jiżviluppaw, kwart tan-​nies m’għandhomx aċċess għal ilma nadif.

Il-Faqar: Hemm iktar nies foqra u bil-​ġuħ minn qatt qabel. Iktar minn 90 fil-​mija tan-​nies f’xi artijiet jgħixu fil-​faqar; 30 fil-​mija tan-​nies li huma kapaċi għax-​xogħol, madwar 800 miljun, jinsabu bla xogħol jew m’għandhomx xogħol biżżejjed​—u n-​numri qegħdin jiżdiedu.

Il-Ġuħ: Saħansitra jekk int innifsek għandek biżżejjed x’tiekol, miljuni li dejjem jiżdiedu m’għandhomx. F’pajjiżi sotto-żviluppati, kull sena minn taʼ l-​inqas 13-il miljun ruħ, il-​biċċa l-​kbira minnhom tfal, imutu mill-​effetti tal-​ġuħ.

Il-Gwerra: Mijiet t’eluf ġew maqtulin fi vjolenza etnika riċenti. U fis-​seklu 20, il-​gwerer qatlu ħafna iktar minn mitt miljun ruħ.

Problemi Oħrajn: Maʼ dan t’hawn fuq, żid it-​tkissir tal-​familji li sejjer għall-​agħar, iktar ommijiet m’humiex miżżewġin, żjieda f’nies bla djar, abbuż taʼ drogi mifrux maʼ kullimkien, immoralità bla kontroll. Sewwa qal wieħed li kien membru tal-​kabinett taʼ l-​Istati Uniti: “Hemm sempliċement bosta sinjali taʼ . . . ċivilizzazzjoni li tħassret.” F’perijodu riċenti taʼ 30 sena, il-​popolazzjoni taʼ l-​Istati Uniti żdiedet b’41 fil-​mija, imma l-​kriminalità vjolenti sparat ’il fuq għal 560 fil-​mija, it-​twelid taʼ trabi lleġittmi għal 400 fil-​mija, id-​divorzji għal 300 fil-​mija, ir-​rata taʼ suwiċidji fost żgħażagħ taħt l-​għoxrin iktar minn 200 fil-​mija. Is-​sitwazzjoni hija simili fi ġnus oħrajn.

Il-​Problemi Għala Marru Għall-​Agħar?

Il-​Ħallieq tagħna jipprovdi t-​tweġiba. Il-​Kelma tiegħu ssejjaħ lil dawn iż-​żminijiet mimlijin bil-​problemi “l-​aħħar jiem,” perijodu meta “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom,” se jkunu hawn. (2 Timotew 3:1, New World Translation) L-​aħħar jiem taʼ liema ħaġa? Sewwa, il-​Bibbja titkellem dwar “tmiem id-​dinja.”​—Mattew 24:​3.

Il-problemi tal-​lum li dejjem jiżdiedu huma evidenza ċara li t-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet huwa qrib, inkluż it-​tmiem tal-​ħażen u taʼ dawk li huma responsabbli għalih. (Mattew 24:​3-14; 2 Timotju 3:​1-5; Apokalissi 12:​7-12) Dalwaqt Alla se jintervjeni u jara li l-​problemi kollha tal-​lum jiġu solvuti għalkollox.​—Ġeremija 25:​31-33; Apokalissi 19:​11-21.

IR-​RELIĠJONIJIET TAʼ DIN ID-​DINJA FALLEW

Minflok ma jgħinu biex isolvu l-​problemi tal-​lum, is-​sistemi reliġjużi taʼ din id-​dinja jżidu magħhom. Matul il-​gwerer, il-​Kattoliċi joqtlu lill-​Kattoliċi, il-​Protestanti joqtlu lill-​Protestanti​—bil-​miljuni. M’ilux fl-​Irwanda, fejn il-​biċċa l-​kbira huma Kattoliċi, in-​nies qatlu lil xulxin bil-​mijiet t’eluf! (Ara l-​istampa fuq ix-​xellug.)

Kien Ġesù se jmur għall-​gwerra b’xi azzarin jew sejf u joqtol lid-​dixxipli tiegħu minħabba li n-​nazzjonalità tagħhom kienet differenti minn tiegħu? Dażgur li le! “Min iħobb ’l Alla,” tgħid il-​Bibbja, għandu “jħobb ukoll lil ħuh.” (1 Ġwann 4:​20, 21) Ir-​reliġjonijiet taʼ din id-​dinja naqsu li jagħmlu dak. “Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-​għemil tagħhom jiċħduh.”​—Titu 1:16.

Iktar minn hekk, billi ma jżommux tassew mal-​livelli taʼ moralità tal-​Bibbja, ir-​reliġjonijiet tad-​dinja jikkontribwixxu għall-​kollass morali li jaħsdek mad-​dinja kollha.

Ġesù qal li tistaʼ tagħraf ir-​reliġjon falza mir-​reliġjon vera ‘mill-​frott tagħha’​—minn dak li jagħmlu l-​membri tagħha. Qal ukoll: “Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-​nar.” (Mattew 7:​15-20) Il-​Kelma t’Alla tħeġġiġna biex naħarbu mir-​reliġjon li tagħti frott ħażin u b’hekk tiffaċċja l-​qerda.​—Apokalissi 18:4.

Il-​Vera Reliġjon Ma Fallietx

Il-​vera reliġjon “frott tajjeb tagħmel,” speċjalment l-​imħabba. (Mattew 7:17; Ġwann 13:​34, 35) Liema fratellanza internazzjonali unita taʼ Kristjani tipprattika mħabba bħal din? Min huma dawk li jirrifjutaw li joqtlu lil dawk tar-​reliġjon tagħhom stess jew lil xi ħaddieħor?​—1 Ġwann 3:​10-12.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom ir-​reputazzjoni li jagħtu dak il-​“frott tajjeb.” Mal-​globu kollu, f’iktar minn 230 art, “huma jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet.” (Isaija 2:4) L-​imħabba tagħhom għan-​nies hija murija wkoll mill-​ubbidjenza tagħhom lejn il-​kmand taʼ Kristu biex jippridkaw il-​“bxara t-​tajba” tas-​Saltna t’Alla madwar id-​dinja kollha. (Mattew 24:14) Huma jipprattikaw u jiddefendu wkoll il-​morali għoljin mgħallmin fil-​Bibbja.​—1 Korintin 6:​9-11.

Il-vera reliġjon ma fallietx. Din tidderieġi lin-​nies lejn l-​uniku Wieħed li kapaċi jsolvi l-​problemi taʼ l-​umanità. Dalwaqt dak il-​Wieħed se jġib dinja kompletament ġdida. Min hu dak il-​Wieħed? (Jekk jogħġbok ara l-​paġna taʼ wara.)

ĠENNA ĦIELSA MILL-​INKWIET HIJA ĦAĠA ĊERTA

Li kieku kont tistaʼ, ma kontx int issolvi l-​problemi kollha li jifilġu lill-​umanità? Dażgur li hekk kont tagħmel! Għandna aħna naħsbu li l-​Ħallieq tagħna kollu mħabba, u li hu biss għandu l-​qawwa u l-​għerf biex isolvi l-​problemi taʼ l-​umanità, se jagħmel inqas minn hekk?

Il-Bibbja tirrivela li Alla se jintervjeni fl-​affarijiet tal-​bnedmin permezz tal-​gvern tas-​sema tiegħu f’idejn Ġesù Kristu. Dan se ‘jfarrak’ lill-​gvernijiet korrotti fuq l-​art. (Danjel 2:44; Mattew 6:​9, 10) U għala? Billi jindirizza lil Alla, is-​salmista jwieġeb: “Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-​Għoli fuq l-​art kollha.”​—Salm 83:18.

Meta tintemm din id-​dinja, se jkun hemm min jibqaʼ ħaj? “[I]d-dinja . . . tgħaddi,” tgħid il-​Bibbja, “iżda min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” ( 1 Ġwann 2:17) Dawk li jibqgħu ħajjin fejn se jgħixu għal dejjem? “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem,” twieġeb il-​Bibbja.​—Salm 37:​9-11, 29; Proverbji 2:​21, 22.

Fid-dinja l-​ġdida t’Alla, “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” (Apokalissi 21:4) Qatt iktar kriminalità, faqar, ġuħ, mard, niket, jew mewt! Iva, saħansitra dawk mejtin se jgħixu mill-​ġdid! Se jkun hemm ‘qawmien minn bejn l-​imwiet.’ (Atti 24:15) U l-​art infisha se tiġi mibdula f’ġenna litterali.​—Isaija 35:​1, 2; Luqa 23:43.

Xi rridu nagħmlu biex ingawdu l-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida t’Alla? Ġesù qal: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem: li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Miljuni taʼ nies taʼ qalb onesta mad-​dinja kollha qegħdin jieħdu dak l-​għarfien. Dan jagħmilhom kapaċi jkampaw maʼ ħafna mill-​problemi persunali tagħhom issa, imma iktar importanti, jagħtihom fiduċja sħiħa li l-​problemi li huma m’għandhomx il-​ħila jsolvu se jiġu rrimedjati bis-​sħiħ fid-​dinja l-​ġdida t’Alla.

[Tagħrif f’paġna 2]

Ritratt tal-​WHO minn P. Almasy

[Tagħrif f’paġna 3]

Jerden Bouman/Sipa Press