Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qed Tħalli l-Ispirtu t’Alla Jmexxik?

Qed Tħalli l-Ispirtu t’Alla Jmexxik?

Qed Tħalli l-​Ispirtu t’Alla Jmexxik?

“L-​ispirtu tiegħek tajjeb; ħa jmexxini fl-​art tar-​retti.”—SALM 143:10.

1, 2. (a) Semmi xi okkażjonijiet li fihom Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis għan-​nom tal-​qaddejja tiegħu. (b) Il-​ħidma tal-​ispirtu qaddis hija limitata għal okkażjonijiet speċjali? Spjega.

 X’JIĠIK f’moħħok meta taħseb dwar il-​ħidma tal-​ispirtu qaddis? Timmaġina l-​għemejjel setgħanin taʼ Gidegħon u taʼ Sansun? (Mħ. 6:33, 34; 15:14, 15) Forsi taħseb fil-​qlubija tal-​Kristjani tal-​bidu jew fis-​serenità taʼ Stiefnu hekk kif kien quddiem is-​Sinedriju. (Atti 4:31; 6:15) Fi żmienna, xi ngħidu għall-​ferħ abbundanti li jkun hemm fil-​konvenzjonijiet internazzjonali tagħna, għall-​integrità taʼ ħutna li huma fil-​ħabs minħabba n-​newtralità tagħhom, u għat-​tkabbir rimarkevoli tax-​xogħol tal-​ippritkar? Dawn l-​eżempji kollha jagħtu prova tal-​ħidma tal-​ispirtu qaddis.

2 L-​ispirtu qaddis jaħdem biss f’okkażjonijiet speċjali jew f’ċirkustanzi straordinarji? Le. Il-​Kelma t’Alla tgħid li l-​Kristjani ‘jimxu bl-​ispirtu,’ ‘huma mmexxijin mill-​ispirtu,’ u ‘jgħixu bl-​ispirtu.’ (Gal. 5:16, 18, 25) Dawn l-​espressjonijiet jindikaw li l-​ispirtu qaddis jistaʼ jkollu influwenza kontinwa fuq ħajjitna. Fuq bażi taʼ kuljum, għandna nitolbu lil Ġeħova bil-​ħrara biex jiggwida l-​ħsibijiet, id-​diskors, u l-​azzjonijiet tagħna permezz tal-​ispirtu tiegħu. (Aqra Salm 143:10.) Hekk kif inħallu l-​ispirtu jaħdem bla tfixkil f’ħajjitna, se jipproduċi fina frott li jsaħħaħ lil oħrajn u li jġib tifħir lil Alla.

3. (a) Għala għandna bżonn nitmexxew mill-​ispirtu qaddis? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Għala hu vitali li nitmexxew mill-​ispirtu qaddis? Għax hemm forza oħra li qed tipprova tiddominana, forza li topponi l-​ħidma tal-​ispirtu qaddis. Fl-​Iskrittura, din il-​forza l-​oħra tissejjaħ “il-​laħam,” u dan jirreferi għall-​inklinazzjonijiet midinbin tal-​ġisem midneb tagħna, il-​wirt tal-​imperfezzjoni li rċivejna bħala dixxendenti t’Adam. (Aqra Galatin 5:17.) Allura, x’hemm involut f’li nħallu lilna nfusna nitmexxew mill-​ispirtu qaddis? Hemm xi passi prattiċi li nistgħu nieħdu biex niġġieldu kontra l-​ġibda tal-​laħam midneb tagħna? Ejja nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet hekk kif niddiskutu l-​aħħar sitt aspetti tal-​“frott taʼ l-​ispirtu,” jiġifieri, “is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażna.”—Gal. 5:22, 23.

Il-​Ħlewwa u s-​Sabar fit-​Tul Jippromwovu l-​Paċi fil-​Kongregazzjoni

4. Il-​ħlewwa u s-​sabar fit-​tul kif jikkontribwixxu għall-​paċi fil-​kongregazzjoni?

4 Aqra Kolossin 3:12, 13. Fil-​kongregazzjoni, il-​ħlewwa u s-​sabar fit-​tul jaħdmu id f’id biex jippromwovu l-​paċi. Dawn iż-​żewġ aspetti tal-​frott tal-​ispirtu jgħinuna biex nittrattaw lil oħrajn bil-​ħlewwa, biex nibqgħu kalmi meta niġu provokati, u biex nevitaw li nirritaljaw meta oħrajn jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li biha ma jurux qalb tajba. Jekk ikollna nuqqas taʼ qbil maʼ xi Kristjan seħibna, is-​sabar fit-​tul, jew il-​paċenzja, se jgħinna biex ma naqtgħux qalbna minn ħuna, jew oħtna, imma biex nagħmlu dak li nistgħu ħalli nirranġaw il-​problema. Hemm verament bżonn il-​ħlewwa u s-​sabar fit-​tul fil-​kongregazzjoni? Iva, għax ilkoll kemm aħna imperfetti.

5. X’ġara bejn Pawlu u Barnaba, u dan x’jenfasizza?

5 Ikkunsidra dak li ġara bejn Pawlu u Barnaba. Kienu ħadmu spalla maʼ spalla għal snin sħaħ għall-​avanz tal-​aħbar tajba. It-​tnejn li huma kellhom kwalitajiet taʼ min ifaħħarhom. Però, darba minnhom, “kellhom xi jgħidu sew, u b’hekk infirdu minn xulxin.” (Atti 15:36-​39) Din il-​ġrajja tenfasizza li anki fost il-​qaddejja devoti t’Alla, minn żmien għal żmien se jkun hemm nuqqas taʼ qbil. Jekk xi Kristjan ikollu nuqqas taʼ qbil maʼ sieħeb fit-​twemmin, x’jistaʼ jagħmel biex iwaqqaf is-​sitwazzjoni milli tikber u ssir argument sħun li jistaʼ jwassal għal firda dejjiema?

6, 7. (a) Liema pariri Skritturali nistgħu nsegwu qabel ma diskussjoni maʼ sieħeb fit-​twemmin issir taħraq? (b) X’inhuma l-​benefiċċji taʼ li wieħed “ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla”?

6 Bħalma hu indikat fil-​frażi “kellhom xi jgħidu sew,” in-​nuqqas taʼ qbil bejn Pawlu u Barnaba seħħ għal għarrieda u kien intens. Jekk Kristjan jinduna li se jibda jirrabja meta jkun qed jiddiskuti kwistjoni maʼ sieħeb fit-​twemmin, ikun għaqli jekk jobdi l-​parir li nsibu f’Ġakbu 1:19, 20: “Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla; għax il-​korla tal-​bniedem ma twettaqx dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.” Skont iċ-​ċirkustanzi, hu għandu mnejn jipprova jbiddel is-​suġġett, jipposponi d-​diskussjoni, jew jiskuża ruħu u jitlaq qabel ma l-​konversazzjoni ssir taħraq.—Prov. 12:16; 17:14; 29:11.

7 X’inhuma l-​benefiċċji taʼ li wieħed isegwi dan il-​parir? Jekk jieħu l-​ħin biex jikkalma, jitlob dwar il-​kwistjoni, u jikkunsidra kif iwieġeb bl-​aħjar mod, Kristjan iħalli lilu nnifsu jitmexxa mill-​ispirtu t’Alla. (Prov. 15:1, 28) Billi jkun influwenzat mill-​ispirtu, hu jistaʼ juri l-​ħlewwa u s-​sabar fit-​tul. B’hekk ikun armat biex jagħti widen għall-​parir li nsibu f’​Efesin 4:26, 29: “Jekk tinkorlaw, tidinbux . . . Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra, imma għidu dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.” Tabilħaqq, meta nilbsu l-​ħlewwa u s-​sabar fit-​tul, aħna nikkontribwixxu għall-​paċi u l-​unità tal-​kongregazzjoni.

Saħħaħ lil Familtek bil-​Qalb Tajba u t-​Tjubija

8, 9. X’inhuma l-​qalb tajba u t-​tjubija, u x’effett għandhom fuq l-​atmosfera fid-​dar?

8 Aqra Efesin 4:31, 32; 5:8, 9. Bħal żiffa ħelwa u xarba kiesħa f’ġurnata sħuna, il-​qalb tajba u t-​tjubija huma rifreskanti. Fiċ-​ċirku tal-​familja jikkontribwixxu għal atmosfera pjaċevoli. Il-​qalb tajba hi kwalità li tiġbdek u li tiġi minn interess ġenwin f’oħrajn, interess li jintwera f’atti t’għajnuna u fi kliem ħelu. It-​tjubija, bħall-​qalb tajba, hi kwalità pożittiva li tintwera f’azzjonijiet li huma taʼ benefiċċju għal oħrajn. Hi karatterizzata minn spirtu taʼ ġenerożità. (Atti 9:36, 39; 16:14, 15) Imma t-​tjubija tinvolvi xi ħaġa iktar.

9 It-​tjubija hi eċċellenza morali. Ma tinvolvix biss dak li nagħmlu imma, iktar importanti, dak li aħna. Ġib quddiem għajnejk mara li qed tipprepara l-​frott għall-​familja tagħha; hi teżamina kull biċċa hekk kif tqattagħha biex tkun ċerta li hi ħelwa u misjura kollha kemm hi, mingħajr ma hi mħassra minn ġewwa jew minn barra. B’mod simili, it-​tjubija li jipproduċi l-​ispirtu qaddis teffettwa l-​ħajja taʼ Kristjan kollha kemm hi.

10. X’jistaʼ jsir biex il-​membri tal-​familja jiġu megħjunin jikkultivaw il-​frott tal-​ispirtu?

10 F’dar Kristjana, x’jistaʼ jgħin lill-​membri tal-​familja jittrattaw lil xulxin b’qalb tajba u bi tjubija? L-​għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla għandu rwol importanti. (Kol. 3:9, 10) Xi kapijiet tal-​familji jinkludu studju dwar il-​frott tal-​ispirtu bħala parti mil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tagħhom taʼ kull ġimgħa. Studju dwar il-​frott tal-​ispirtu mhuwiex diffiċli biex tagħmluh. Billi tużaw l-​għodod tar-​riċerka disponibbli bil-​lingwa tagħkom, agħżlu materjal fuq kull aspett tal-​frott tal-​ispirtu. Forsi tistgħu tikkunsidraw ftit paragrafi kull ġimgħa, billi tqattgħu diversi ġimgħat fuq kull aspett. Hekk kif tistudjaw il-​materjal, aqraw u ddiskutu l-​iskritturi ċitati. Fittxu modi kif tapplikaw dak li titgħallmu, u itolbu lil Ġeħova biex ibierek l-​isforzi tagħkom. (1 Tim. 4:15; 1 Ġw. 5:14, 15) Jistaʼ studju bħal dan verament jagħmel differenza fil-​mod kif il-​membri tal-​familja jittrattaw lil xulxin?

11, 12. Żewġ koppji Kristjani kif ibbenefikaw billi studjaw dwar il-​qalb tajba?

11 Koppja żagħżugħa, bix-​xewqa li jagħmlu ż-​żwieġ tagħhom wieħed taʼ suċċess, iddeċidew li jagħmlu studju bid-​dettall dwar il-​frott tal-​ispirtu. Kif ibbenefikaw? Il-​mara tikkummenta: “Il-​fatt li tgħallimna li l-​qalb tajba tinkludi kemm il-​fedeltà kif ukoll il-​lealtà għamel differenza kbira fil-​mod kif nittrattaw lil xulxin sal-​ġurnata tal-​lum. L-​istudju għallimna biex inċedu kif ukoll biex naħfru. U għenna nitgħallmu ngħidu ‘grazzi’ u ‘jiddispjaċini’ meta jkun xieraq.”

12 Koppja Kristjana oħra, li kienu qed iġarrbu xi problemi fiż-​żwieġ, indunaw li fir-​relazzjoni tagħhom kienet nieqsa l-​qalb tajba. Huma ddeċidew li jistudjaw is-​suġġett tal-​qalb tajba flimkien. B’liema riżultat? Ir-​raġel jiftakar: “L-​istudju tagħna dwar il-​qalb tajba għenna naraw il-​bżonn li nagħtu lil xulxin il-​benefiċċju tad-​dubju minflok ma nakkużaw lil xulxin b’motivi ħżiena, li nfittxu t-​tajjeb f’xulxin. Bdejna nieħdu iktar interess fil-​bżonnijiet taʼ xulxin. Li nuri l-​qalb tajba inkluda li nistieden lil marti tesprimi bil-​libertà dak li kellha f’moħħha mingħajr ma nieħu għalija għal dak li tgħid. Dan kien ifisser li kelli nwarrab il-​kburija tiegħi. Hekk kif bdejna nuru l-​qalb tajba fiż-​żwieġ tagħna, bil-​mod il-​mod sirna inqas difensivi. Kien verament taʼ serħan.” Il-​familja tiegħek tibbenefika kieku minn studju dwar il-​frott tal-​ispirtu?

Eżerċita l-​Fidi Meta Tkun Waħdek

13. Kontra liema periklu għall-​ispiritwalità tagħna għandna ngħassu?

13 Il-​Kristjani għandhom bżonn iħallu l-​ispirtu t’Alla jmexxihom kemm fil-​pubbliku u kemm fil-​privat. Illum, id-​dinja taʼ Satana hi miżgħuda bi stampi baxxi u divertiment degradanti. Dan hu taʼ periklu għall-​ispiritwalità tagħna. Kristjan x’għandu jagħmel? Il-​Kelma t’Alla tagħtina dan il-​parir: “Warrbu l-​ħmieġ kollu u dik il-​ħaġa żejda—il-​ħażen—u aċċettaw bil-​ħlewwa li fikom titħawwel il-​kelma li tistaʼ ssalvalkom ruħkom.” (Ġak. 1:21) Ejja nikkunsidraw kif il-​fidi, aspett ieħor tal-​frott tal-​ispirtu, tistaʼ tgħinna nibqgħu nodfa quddiem Ġeħova.

14. Nuqqas taʼ fidi kif jistaʼ jwassal għal kondotta ħażina?

14 Bażikament, il-​fidi tfisser li Alla Ġeħova hu reali għalina. Jekk Alla mhuwiex reali għalina, ikun faċli li naqgħu f’kondotta ħażina. Ikkunsidra dak li ġara fost il-​poplu t’Alla fi żmien il-​qedem. Ġeħova rrivela lill-​profeta Eżekjel li fil-​privat kienu qed iseħħu affarijiet taʼ min jistmerrhom, billi qal: “Rajt, O bin il-​bniedem, x’qed jagħmlu x-​xjuħ taʼ dar Israel fid-​dlam, kull wieħed fil-​kmamar taʼ ġewwa fejn għandu l-​figuri skolpiti tiegħu? Għax qed jgħidu, ‘Ġeħova mhux qed jarana. Ġeħova ħalla l-​pajjiż.’” (Eżek. 8:12) Innotajt xi kkontribwixxa għall-​problema? M’emmnux li Ġeħova kien konxju taʼ dak li kienu qed jagħmlu. Ġeħova ma kienx reali għalihom.

15. Fidi soda f’Ġeħova kif tipproteġina?

15 B’kuntrast, ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ġużeppi. Għalkemm kien ’il bogħod minn familtu u niesu, Ġużeppi rrifjuta li jikkommetti adulterju mal-​mara taʼ Potifar. Għala? Hu qal: “Kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” (Ġen. 39:7-​9) Iva, Ġeħova kien reali għalih. Jekk Alla hu reali għalina, m’aħniex se naraw divertiment mhux nadif jew nagħmlu xi ħaġa oħra meta nkunu waħedna li nafu li ma togħġobx lil Alla. Id-​determinazzjoni tagħna se tkun bħal dik tas-​salmista li kanta: “Ġewwa dari se nimxi bl-​integrità taʼ qalbi. M’iniex se nqiegħed quddiem għajnejja xi ħaġa li m’hi tajba għal xejn.”—Salm 101:2, 3.

Għasses lil Qalbek Billi Teżerċita r-​Rażan

16, 17. (a) Bħalma hu deskritt fil-​ktieb tal-​Proverbji, “żagħżugħ b’qalb belha” kif jaqaʼ fin-​nassa tad-​dnub? (b) Bħalma jidher f’paġna 26, kif tistaʼ tiġri xi ħaġa simili llum, hi x’inhi l-​età taʼ dak li jkun?

16 Ir-​rażan, l-​aħħar aspett tal-​frott tal-​ispirtu, jgħinna ngħidu le għal affarijiet li Alla jikkundanna. Jistaʼ jgħinna ngħassu lil qalbna. (Prov. 4:23) Ikkunsidra x-​xena li nsibu fi Proverbji 7:6-​23, li tiddeskrivi kif “żagħżugħ b’qalb belha” jaqaʼ għaż-​żegħil taʼ prostituta. Hu jidħol f’nassa wara li jkun “għaddej fit-​triq minn ħdejn il-​kantuniera tagħha.” Forsi ssogra jmur fl-​inħawi tagħha għax kien kurjuż. F’kemm ilna ngħidu, hu ma jindunax li qed jitmexxa fi triq taʼ bluha li tinvolvi lil “ħajtu.”

17 Iż-​żagħżugħ kif setaʼ evita dan l-​iżball diżastruż? Kieku ta kas din it-​twissija: “Tiżvijax għal ġo mogħdijietha.” (Prov. 7:25) F’dan hemm lezzjoni għalina: Jekk irridu li l-​ispirtu t’Alla jmexxina, irridu nevitaw li npoġġu lilna nfusna f’ċirkustanzi taʼ tentazzjoni. Mod wieħed kif individwu jistaʼ jaqbad it-​triq taʼ bluha taż-​“żagħżugħ b’qalb belha” hu billi joqgħod iqalleb bla skop fit-​televixin jew ifittex fuq l-​Internet. Kemm jekk apposta u kemm jekk le, jistaʼ jagħti l-​każ li jara stampi li jqanqlu sesswalment. Jistaʼ bil-​mod il-​mod jiżviluppa d-​drawwa mhix nadifa li jara l-​pornografija, b’konsegwenzi devastanti għall-​kuxjenza tiegħu u għar-​relazzjoni tiegħu m’Alla. Jistaʼ jkun hemm ħajtu stess involuta.—Aqra Rumani 8:5-​8.

18. Kristjan liema passi jistaʼ jieħu biex jgħasses lil qalbu, u dawn kif jinvolvu li neżerċitaw ir-​rażan?

18 Naturalment, nistgħu u għandna neżerċitaw ir-​rażan billi nieħdu azzjoni immedjata jekk niġu wiċċ imb wiċċ maʼ stampa provokanti. Imma kemm ikun aħjar jekk nevitaw is-​sitwazzjoni mill-​bidu! (Prov. 22:3) Li nieħdu prekawzjonijiet xierqa u nżommu magħhom jinvolvi li neżerċitaw ir-​rażan. Pereżempju, jistaʼ jservi bħala protezzjoni jekk inżommu l-​kompjuter f’post fejn kulħadd jistaʼ jarah. Xi wħud isibu li aħjar jużaw il-​kompjuter jew jaraw it-​televixin biss meta jkun hemm oħrajn preżenti. Oħrajn iddeċidew li ma jkollhomx aċċess għall-​Internet. (Aqra Mattew 5:27-​30.) Jalla nieħdu kwalunkwe pass neċessarju biex nipproteġu lilna nfusna u lil familja tagħna sabiex inkunu nistgħu nqimu lil Ġeħova “minn qalb nadifa u minn kuxjenza tajba u minn fidi mingħajr ipokrisija.”—1 Tim. 1:5.

19. X’inhuma l-​benefiċċji taʼ li nħallu l-​ispirtu qaddis imexxina?

19 Il-​frott li l-​ħidma tal-​ispirtu qaddis tipproduċi jġib ħafna benefiċċji. Il-​ħlewwa u s-​sabar fit-​tul jikkontribwixxu għall-​paċi fil-​kongregazzjoni. Il-​qalb tajba u t-​tjubija jippromwovu l-​hena fil-​familja. Il-​fidi u r-​rażan jgħinuna nibqgħu qrib lejn Ġeħova u nodfa quddiemu. Iżjed minn hekk, Galatin 6:8 jassigurana: “Min jiżraʼ għall-​ispirtu jaħsad il-​ħajja taʼ dejjem mill-​ispirtu.” Iva, fuq il-​bażi tal-​fidwa taʼ Kristu, Ġeħova se juża l-​ispirtu qaddis biex jagħti ħajja bla tmiem lil dawk li jħallu lilhom infushom jitmexxew mill-​ispirtu.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​ħlewwa u s-​sabar fit-​tul kif jippromwovu l-​paċi fil-​kongregazzjoni?

• X’jistaʼ jgħin lill-​Kristjani juru l-​qalb tajba u t-​tjubija fid-​dar?

• Il-​fidi u r-​rażan kif jgħinu lil Kristjan jgħasses lil qalbu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 24]

Kif tistaʼ twaqqaf diskussjoni milli ssir taħraq?

[Stampa f’paġna 25]

Studju dwar il-​frott tal-​ispirtu jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal familtek

[Stampa f’paġna 26]

Liema perikli nevitaw billi neżerċitaw il-​fidi u r-​rażan?