Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Verament Jimpurtah Minnek

Alla Verament Jimpurtah Minnek

Alla Verament Jimpurtah Minnek

META jinqalgħalna xi ħaġa huwa naturali li nitolbu lil Alla għall-​għajnuna. Wara kollox, “kbir Sidna l-​Mulej, u taʼ qawwa kbira; bla tarf id-​dehen tiegħu.” (Salm 147:5) Hu qiegħed fl-​aqwa pożizzjoni biex jgħinna nkampaw mal-​problemi tagħna. Barra minn hekk, il-​Bibbja tistidinna ‘niftħu qalbna quddiemu.’ (Salm 62:9 [62:8, NW]) Allura, għala ħafna nies jaħsbu li Alla ma jismax it-​talb tagħhom? Ifisser dan li Alla ma jimpurtahx?

Minflok ma taqbad u tgħid li Alla għandu x’jaħti għall-​fatt li jidher li m’huwiex qed jintervieni, aħseb ftit dwar meta kont għadek tifel. Meta l-​ġenituri tiegħek ma kinux jagħtuk dak kollu li kont tkun trid mill-​ewwel, kont int takkużahom li ma jħobbukx? Ħafna tfal hekk jagħmlu. Imma meta kbirt int stajt tifhem li l-​imħabba tistaʼ tintwera b’ħafna modi u li ma tkunx qed tħobb verament ’l uliedek jekk tikkuntentahom f’kollox.

B’mod simili, jekk Jehovah ma jweġibx it-​talb kif nixtiequ aħna ma jfissirx li qed jinjorana. Il-​verità hi li Alla juri b’ħafna modi li hu jaħseb fina.

“Bih Ngħixu”

L-​ewwelnett, kien minħabba Alla li “ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.” (Atti 17:28, NW) Il-​fatt li tana l-​ħajja juri li bi mħabba hu jaħseb fina.

Iżjed minn hekk, Jehovah jagħtina dak kollu li għandna bżonn biex ngħixu. Il-​Bibbja tgħid: “Inti tnibbet il-​ħdura għall-​bhejjem, u l-​ħxejjex li bihom jinqeda l-​bniedem, biex joħroġ il-​ħobż mill-​art.” (Salm 104:14) Fil-​fatt, il-​Ħallieq tagħna jagħmel iktar milli sempliċement jipprovdilna l-​affarijiet bażiċi tal-​ħajja. Hu b’ġenerożità jagħti ‘x-​xita mis-​sema u l-​frott fi żmienu, u hekk ixebbagħna bl-​ikel u jimlielna qalbna bl-​hena.’—Atti 14:17.

Minkejja dan, xi wħud għandhom mnejn jaħsbu, ‘Jekk Alla jħobbna daqshekk, għala qed iħallina nsofru?’ Taf x’inhi t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija?

Għandna Nwaħħlu f’Alla?

Ħafna mis-​sofferenza li għaddejjin minnha n-​nies ġabuha b’idejhom. Per eżempju, il-​perikli t’attivitajiet li jinvolvu ħafna riskji huma magħrufa sew. Minkejja dan, in-​nies jibqgħu jipprattikaw l-​immoralità sesswali, jabbużaw mill-​alkoħol u drogi oħrajn, jużaw it-​tabakk, jipprattikaw sports estrem, isuqu b’veloċità kbira, eċċetra. Jekk imġiba riskjuża bħal din tirriżulta f’sofferenza, min jaħti? Alla jew l-​individwu li jkun qed jaġixxi mingħajr għaqal? Il-​Kelma ispirata t’Alla tgħid: “Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.”—Galatin 6:7.

Barra minn hekk, il-​bnedmin spiss iweġġgħu lil xulxin. Meta l-​ġnus jiddikjaraw gwerra, Alla żgur li ma jaħtix għas-​sofferenza li tirriżulta. Meta kriminal jattakka xi ċittadin ieħor, jaħti Alla għall-​ħsara jew il-​mewt li tiġi kaġunata? Dażgur li le! Meta xi dittatur jaħqar, jittortura, u joqtol lin-​nies, għandna nwaħħlu f’Alla? Dan ma jkunx raġunevoli.—Koħèlet 8:9.

Imma xi ngħidu għal dawk il-​miljuni taʼ nies li jgħixu f’faqar estrem jew dawk li huma bil-​ġuħ? Jaħti Alla għal dan? Le. Il-​pjaneta tagħna tipprovdi biżżejjed ikel biex jiekol kulħadd. (Salm 10:2, 3; 145:16) Huwa t-​tqassim ħażin tal-​ġid li jipprovdi Alla li jwassal għall-​ġuħ u l-​faqar li dejjem qed jiżdiedu. U l-​egoiżmu tan-​nies ma jħallix li dawn il-​problemi jissolvew.

Il-​Kaġun Bażiku

Però, taʼ min hu t-​tort meta xi ħadd jimrad jew imut minħabba x-​xjuħija? Għandek għalfejn tissorprendi ruħek meta ssir taf li Alla ma jaħtix lanqas għal dan? Alla ma ħalaqx lill-​bniedem biex jixjieħ u jmut.

Meta Jehovah poġġa lill-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, fil-​Ġnien taʼ l-​Għeden, hu tahom il-​prospett li jgħixu għal dejjem f’Ġenna taʼ l-​art. Iżda, jidher ċar li ried li l-​art tkun mimlija bi bnedmin li japprezzaw il-​wirt tagħhom. Għalhekk, hu għamel il-​ħajja futura tagħhom tiddependi minn kundizzjoni waħda. Adam u Eva kienu se jgħixu fil-​Ġenna taʼ l-​art kemm-il darba huma jibqgħu sottomessi lejn il-​Ħallieq mimli mħabba tagħhom.—Ġenesi 2:17; 3:2, 3, 17-23.

B’sogħba, Adam u Eva rribellaw. Eva għażlet li tismaʼ minn Satana x-​Xitan. Hu gidbilha u bażikament qalilha li Alla kien qed iċaħħadha minn xi ħaġa tajba. Għalhekk, hi bdiet tgħix ħajja indipendenti u pprovat ‘tkun bħal Alla, tagħraf il-​ġid u d-​deni.’ Adam ngħaqad magħha fir-​ribelljoni.—Ġenesi 3:5, 6, Saydon.

Meta dinbu b’dan il-​mod, Adam u Eva ma baqgħux denji li jgħixu għal dejjem. Huma ġarrbu r-​riżultati diżastrużi tad-​dnub. Is-​saħħa u l-​vitalità tagħhom bdiet tmajna bil-​mod il-​mod, sakemm eventwalment mietu. (Ġenesi 5:5) Madankollu, ir-​ribelljoni tagħhom kellha konsegwenzi ferm iktar serji. Aħna għadna nbatu mill-​effetti tad-​dnub taʼ Adam u Eva. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Għalhekk, bħalma kien permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] li fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u hekk il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha, għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Iva, minħabba r-​ribelljoni taʼ Adam u Eva, id-​dnub u l-​mewt infirxu għal fuq ir-​razza umana kollha bħal marda qattiela.

L-​Iktar Evidenza Konvinċenti li Alla Jimpurtah Minna

Ifisser dan li l-​ħolqien uman kollu t’Alla kien irvinat għal dejjem? Le, u hawn niġu għall-​iktar evidenza konvinċenti li Alla jimpurtah minna. B’sagrifiċċju kbir għalih, Alla pprovda mezz biex jifdi lill-​umanità mid-​dnub u l-​mewt. Il-​prezz tal-​fidwa kien il-​ħajja perfetta taʼ Ġesù, li ngħatat mill-​qalb għalina. (Rumani 3:24) Għalhekk, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Għax Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Bħala riżultat taʼ dan l-​att mill-​aqwa taʼ mħabba, aħna issa reġaʼ għandna l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. Pawlu kiteb lir-​Rumani: “Mela kif bil-​ħtija taʼ wieħed waħdu waslet il-​kundanna fuq il-​bnedmin kollha, hekk ukoll bl-​opra tal-​ġustizzja taʼ wieħed waslet lill-​bnedmin kollha l-​ġustifikazzjoni tal-​ħajja.”—Rumani 5:18.

Nistgħu nkunu żguri li fiż-​żmien xieraq t’Alla, mhux se jkun hemm iktar sofferenza jew mewt fuq il-​pjaneta Art. Minflok, il-​kundizzjonijiet li hemm imbassrin fil-​ktieb t’Apokalissi se jkunu jiddominaw ix-​xena: “U smajt leħen qawwi ġej mit-​tron jgħid: ‘Din hi l-​għamara taʼ Alla mal-​bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.’” (Apokalissi 21:3, 4) Għandek mnejn tgħid, ‘Jien żgur mhux se nkun ħaj f’dak iż-​żmien.’ Iżda, il-​fatt hu li għandu mnejn tibqaʼ ħaj. U anki jekk tmut, Alla jistaʼ jqajmek mill-​mewt. (Ġwanni 5:28, 29) Alla dan għandu f’moħħu għalina, u dan se jiġri. Kemm tkun ’il bogħod mill-​verità meta tgħid li Alla ma jimpurtahx mill-​bnedmin!

‘Ersaq Lejn Alla’

Huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li Alla ta bidu għal soluzzjoni dejjiema u permanenti għall-​problema tas-​sofferenza tal-​bniedem. Imma xi ngħidu għall-​ġurnata taʼ llum? X’nistgħu nagħmlu jekk imutilna xi ħadd jew jekk xi ħadd minn uliedna jimrad? Veru, għadu m’huwiex iż-​żmien li Alla jneħħi l-​mard u l-​mewt. Il-​Bibbja tindika li hemm bżonn nistennew ftit ieħor sabiex dan iseħħ. Imma Alla ma ħalliniex mingħajr għajnuna. Id-​dixxiplu Ġakbu qal: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Iva, il-​Ħallieq tagħna jistidinna biex ikollna relazzjoni persunali mill-​qrib miegħu, u dawk li għandhom relazzjoni bħal din miegħu qatt ma jonqsu milli jħossu l-​appoġġ tiegħu, anki fl-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli.

Imma kif nistgħu nersqu qrib Alla? Madwar tliet millennji ilu s-​Sultan David staqsa mistoqsija simili billi qal: “Mulej, . . . min joqgħod fuq l-​għolja mqaddsa tiegħek?” (Salm 15:1) David wieġeb il-​mistoqsija tiegħu stess meta kompla jgħid: “Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-​tajjeb, min jgħid is-​sewwa f’qalbu; min ma jqassasx bi lsienu, ma jagħmilx deni lil ġâru, u ma jgħajjarx lil għajru.” (Salm 15:2, 3) Fi kliem ieħor, Jehovah jilqaʼ lil dawk li jagħżlu l-​mod taʼ ħajja li ċaħdu Adam u Eva. Hu jersaq qrib dawk li jagħmlu r-​rieda tiegħu.—Dewteronomju 6:24, 25; 1 Ġwanni 5:3.

Kif nistgħu nagħmlu r-​rieda t’Alla? Irridu nitgħallmu x’inhu “tajjeb u [x’]jogħġob lil Alla s-​Salvatur tagħna,” imbagħad nagħżlu li naġixxu fi qbil maʼ dan. (1 Timotju 2:3) Dan jinvolvi li nieħdu l-​għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. (Ġwanni 17:3; 2 Timotju 3:16, 17) Hemm bżonn taʼ iktar minn sempliċement qari fuq fuq tal-​Bibbja. Irridu nimitaw il-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu li kienu jgħixu f’Berija u li kienu semgħu l-​ippridkar taʼ Pawlu. Dwarhom naqraw dan: “Huma laqgħu l-​kelma bil-​ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-​Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.”—Atti 17:11.

L-istess illum, studju bir-​reqqa tal-​Bibbja jsaħħaħ il-​fidi tagħna f’Alla u jgħinna nibnu relazzjoni mill-​qrib miegħu. (Lhud 11:6) Jgħinna nifhmu eżattament kif Jehovah jittratta maʼ l-​umanità—mhux biss għall-​benefiċċji li jispiċċaw f’qasir żmien imma speċjalment għall-​ġid dejjiemi taʼ dawk kollha li lesti jobduh.

Ikkunsidra dak li qalu xi Kristjani li għandhom relazzjoni mill-​qrib m’Alla. “Kemm inħobbu lil Jehovah, u kemm għandi għalxiex nirringrazzjah,” tgħid Danielle li għandha 16-il sena. “Hu tani ġenituri li jħobbuni u li għandhom imħabba ġenwina għalih, kif ukoll għallmuni skond il-​Kelma tiegħu.” Kristjan fl-​Urugwaj jikteb: “Qalbi tfur bl-​apprezzament u tqanqalni biex nirringrazzja lil Jehovah għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa u l-​ħbiberija tiegħu.” Alla jilqaʼ saħansitra liċ-​ċkejknin. Gabriela, li għandha sebaʼ snin, tgħid: “Inħobb lil Alla iktar minn kwalunkwe ħaġ’oħra fid-​dinja! Għandi l-​Bibbja tiegħi persunali. L-​għaxqa tiegħi hi li nitgħallem dwar Alla u Ibnu.”

Illum, miljuni madwar id-​dinja b’qalbhom kollha jaqblu mas-​salmista li qal: “Tajjeb għalija li nkun qrib Alla.” (Salm 73:28, Karm Żammit) Huma ġew megħjunin ikampaw mal-​problemi li jiffaċċjaw issa, u għandhom it-​tama ċerta li se jgħixu għall-​dejjem f’Ġenna fuq l-​art. (1 Timotju 4:8) Għala ma tagħmilhiex il-​mira tiegħek li ‘tersaq qrib lejn Alla’? Tabilħaqq, aħna żgurati: “Hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Iva, Alla verament jimpurtah minnek!

[Stampi f’paġna 5]

It-​tħassib taʼ Jehovah għalina jidher f’ħafna modi

[Stampa f’paġna 7]

Saħansitra anki t-​tfal żgħar jistgħu jersqu qrib lejn Alla

[Stampi f’paġna 7]

Illum Jehovah jgħinna nissaportu. Fiż-​żmien xieraq, hu se jneħħi l-​mard u l-​mewt