Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Telqu bil-Baħar għal Ċipru”

“Telqu bil-Baħar għal Ċipru”

“Telqu bil-​Baħar għal Ċipru”

HEKK jibda r-​rakkont tal-​ktieb taʼ l-​Atti dwar l-​esperjenzi tal-​missjunarji Kristjani Pawlu, Barnaba, u Ġwanni Marku meta żaru Ċipru għall-​ħabta tas-​sena 47 E.K. (Atti 13:4) Dakinhar, l-​istess bħal-​lum, Ċipru kienet tgawdi pożizzjoni importanti ħafna fil-​lvant tal-​Mediterran.

Ir-Rumani xtaqu li jkollhom din il-​gżira, u din ġiet f’idejhom fis-​sena 58 Q.E.K. Qabel dan, Ċipru kellha storja mimlija ġrajjiet. Kienet ittieħdet mill-​Feniċi, il-​Griegi, l-​Assirjani, il-​Persjani, u l-​Eġizzjani. Fil-​Medju Evu ħaduha taħt idejhom il-​Kruċjati, il-​Franki, u l-​Venezjani, u warajhom ġew l-​Ottomani. Fl-​1914, l-​Ingliżi ħadu l-​gżira u ħakmuha sakemm ħadet l-​indipendenza fl-​1960.

It-turiżmu issa huwa wieħed mid-​dħul prinċipali taʼ flus, imma fi żmien Pawlu, Ċipru kellha abbundanza taʼ riżorsi naturali, u r-​Rumani nqdew bihom biex jimlew it-​teżori taʼ Ruma. Fil-​bidu taʼ l-​istorja tal-​gżira nstab ir-​ram, u huwa kalkulat li sa tmiem il-​perijodu Ruman kienu ġew estratti 250,000 tunnellata taʼ ram. Madankollu, din l-​industrija ħadet ħafna mill-​foresti mimlijin siġar sabiex jinħadem ir-​ram. Sal-​wasla taʼ Pawlu, ħafna mill-​foresti tal-​gżira kienu għosfru.

Ċipru Taħt ir-​Rumani

Skond l-​Encyclopædia Britannica, Ġulju Ċesari, u warajh Marku Antonju, ta Ċipru lill-​Eġittu. Madankollu, taħt Awgustu din reġgħet ġiet f’idejn Ruma u kienet immexxija—bħalma jinnota b’eżattezza Luqa, il-​kittieb taʼ l-​Atti—minn prokonslu, li kien responsabbli direttament lejn Ruma. Meta Pawlu kien qed jippriedka hemmhekk, il-​prokonslu kien Serġju Pawlu.—Atti 13:7.

Il-Pax Romana (Paċi Rumana), il-​paċi internazzjonali inforzata minn Ruma, inkuraġġiet it-​tkabbir tal-​minjieri u l-​industriji taʼ Ċipru, u dan ta spinta qawwija lill-​kummerċ. Kien hemm iktar dħul taʼ flus permezz tal-​preżenza tal-​leġjuni Rumani u tal-​ħafna pellegrini li kienu jmorru jonoraw lil Afrodite, l-​alla padruna tal-​gżira. Ir-​riżultat kien li nbnew toroq ġodda, portijiet, u bini pubbliku lussuż. Il-​Grieg inżamm bħala l-​lingwa uffiċjali, u—flimkien maʼ l-​imperatur Ruman—Afrodite, Apollo, u Żews kienu meqjumin minn ħafna nies. In-​nies kienu jgħixu fil-​lussu u jgawdu ħajja soċjali u kulturali mill-​isbaħ.

Dan kien l-​ambjent li sab Pawlu meta vvjaġġa tul Ċipru u għallem lin-​nies dwar il-​Kristu. Madankollu, il-​Kristjanità kienet ġiet introdotta f’Ċipru qabel ma Pawlu wasal hemm. Ir-​rakkont taʼ l-​Atti jgħidilna li wara l-​mewt taʼ Stiefnu, l-​ewwel martri Kristjan, xi wħud mill-​Kristjani tal-​bidu ħarbu lejn Ċipru. (Atti 11:19) Barnaba, sieħeb Pawlu, kien minn Ċipru, u ladarba kien midħla sew tal-​gżira, m’hemmx dubju li hu kien gwida eċċellenti għal Pawlu f’dan il-​vjaġġ taʼ ppridkar.—Atti 4:36; 13:2.

Ħarsa Lejn il-​Vjaġġi taʼ Pawlu f’Ċipru

M’huwiex faċli li ngħaqqdu mill-​ġdid id-​dettalji kollha tal-​vjaġġi taʼ Pawlu f’Ċipru. Madankollu, l-​arkeoloġi għandhom idea ċara mhux ħażin tas-​sistema eċċellenti tat-​toroq fi żmien ir-​Rumani. Minħabba l-​ġeografija tal-​gżira, ġeneralment anki t-​toroq prinċipali u moderni taʼ llum iridu jsegwu l-​istess rotot li x’aktarx għaddew minnhom dawn il-​missjunarji tal-​bidu.

Pawlu, Barnaba, u Ġwanni Marku baħħru minn Selewkja għall-​port taʼ Salamina. Għala marru Salamina, meta Pafos kienet il-​belt kapitali u l-​port prinċipali? Raġuni waħda kienet li Salamina kienet tinsab fuq il-​kosta tal-​lvant, 200 kilometru biss ’il bogħod minn Selewkja fil-​parti prinċipali tal-​kontinent. Għalkemm ir-​Rumani kienu għamlu lil Pafos bħala l-​belt kapitali minflok Salamina, Salamina baqgħet iċ-​ċentru kulturali, edukattiv, u kummerċjali tal-​gżira. F’Salamina kien hemm komunità Lhudija mdaqqsa, u l-​missjunarji bdew “ixandru l-​kelma taʼ Alla fis-​sinagogi tal-​Lhud.”—Atti 13:5.

Illum, kulma baqaʼ f’Salamina huwa bini mġarraf. Madankollu, is-​sejbiet arkeoloġiċi li saru juru l-​glorja u l-​ġid li l-​belt kienet tgawdi xi darba. Is-​suq, iċ-​ċentru tal-​ħajja politika u reliġjuża, huwa magħruf bħala x’aktarx l-​akbar post t’assemblea Ruman li qatt instab fir-​reġjun tal-​Mediterran. Dan il-​bini jmur lura għal żmien Awgustu Ċesari u fil-​fdalijiet instabu artijiet miksija b’mużajk elaborat ħafna, ġinnasji, sistema impressjonanti taʼ banjijiet, stadju u anfiteatru, oqbra mill-​isbaħ, u teatru kbir li kien jesaʼ 15,000 ruħ! Ftit ’il bogħod hemm il-​fdalijiet tat-​tempju maestuż taʼ Żews.

Madankollu, Żews ma setax iwaqqaf il-​belt milli tiġġarraf bit-​terremoti. Terremot qawwi li ġara fis-​sena 15 Q.E.K. qered kważi lil Salamina kollha, għalkemm maż-​żmien Awgustu bnieha mill-​ġdid. Fis-​sena 77 E.K. reġgħet inqerdet b’terremot u nbniet mill-​ġdid. Fir-​rabaʼ seklu, Salamina nqerdet b’għadd taʼ terremoti wara xulxin, u qatt iktar ma reġgħet kisbet il-​glorja li kellha qabel. Sa żmien il-​Medju Evu, il-​port kien imtelaʼ bil-​ħama u ġie abbandunat.

M’hemm xejn x’jindika kif in-​nies taʼ Salamina rreaġixxew għall-​ippridkar taʼ Pawlu. Imma Pawlu kellu jippriedka f’komunitajiet oħra wkoll. X’ħin telqu minn Salamina, il-​missjunarji kellhom għażla taʼ tliet rotot prinċipali: waħda lejn il-​kosta tat-​tramuntana, billi jaqsmu l-​muntanji Kyrenia; oħra lejn il-​punent tul il-​pjanura taʼ Mesaoria li tgħaddi miċ-​ċentru tal-​gżira; u rotta oħra tul il-​kosta tan-​nofsinhar.

Skond it-​tradizzjoni Pawlu ħa t-​tielet rotta. Din tgħaddi minn art agrikola fertili karatterizzata minn ħamrija ħamra. Madwar 50 kilometru lejn il-​lbiċ, ir-​rotta toqrob lejn il-​belt taʼ Larnaca qabel ma tidħol fil-​qalba lejn it-​tramuntana.

“Qasmu l-​Gżira Kollha”

It-​triq ewlenija malajr wasslet għall-​belt antika taʼ Ledra. Illum, fuq din il-​belt hemm mibnija Nicosia, il-​belt kapitali moderna. Ma baqaʼ l-​ebda evidenza tal-​belt antika. Imma ġewwa l-​ħitan Venezjani tas-​seklu 16 li jdawru l-​qalba taʼ Nicosia hemm triq dejqa u storbjuża bl-​isem taʼ Triq Ledra. Jekk Pawlu marx Ledra jew le, ma nafux. Il-​Bibbja tgħidilna biss li huma “qasmu l-​gżira kollha.” (Atti 13:6, korsiv tagħna.) Il-​ktieb The Wycliffe Historical Geography of Bible Lands jgħid li “dan x’aktarx li jfisser vjaġġ tistaʼ tgħid komplet fost il-​komunitajiet Lhud f’Ċipru.”

M’hemmx dubju li Pawlu kien interessat li jilħaq kemm jistaʼ jkun nies f’Ċipru. B’hekk, jistaʼ jkun li minn Ledra hu ġibed lejn in-​nofsinhar għal Amathus u Kourion—żewġt ibliet kbar mimlijin nies minn partijiet differenti tad-​dinja.

Kourion kienet tinsab ’il fuq ħafna mill-​baħar fuq irdumijiet weqfin li jwasslu dritt għall-​bajjiet taʼ taħthom. Din il-​belt Greko-Rumana mill-​isbaħ intlaqtet mill-​istess terremot li qered lil Salamina fis-​sena 77 E.K. Hemmhekk hemm fdalijiet taʼ tempju dedikat lil Apollo li jmur lura għas-​sena 100 E.K. L-​istadju kien jesaʼ 6,000 spettatur. Wieħed jistaʼ jinnota x’ħajja lussuża kellhom in-​nies taʼ Kourion mill-​mużajk sabiħ li jżejjen l-​artijiet taʼ saħansitra vilel privati.

Lejn Pafos

Minn Kourion ir-​rotta pittoreska tkompli tielgħa lejn il-​punent minn reġjun li jipproduċi l-​inbid, u bil-​mod il-​mod tkompli togħla ’l fuq mil-​livell tal-​baħar sakemm, ħabta u sabta, it-​triq tibda sserrep ’l isfel qalb l-​irdumijiet sakemm tasal sal-​bajjiet biċ-​ċagħaq. Skond il-​mitoloġija Griega, dan huwa l-​post eżatt fejn il-​baħar wiled lill-​alla mara Afrodite.

Afrodite kienet l-​iktar waħda popolari mill-​allat Griegi f’Ċipru u kienet meqjuma b’ħerqa kbira sat-​tieni seklu E.K. Iċ-​ċentru tal-​qima lil Afrodite kien f’Pafos. Kull rebbiegħa kienet tinżamm festa kbira b’unur tagħha. Għall-​festi f’Pafos kienu jiġu pellegrini mill-​Asja Minuri, l-​Eġittu, il-​Greċja, u saħansitra mill-​Persja li kien post imbiegħed. Meta Ċipru kienet f’idejn il-​Ptolomej, iċ-​Ċiprijotti saru midħla tal-​qima lill-​Fargħunijiet.

Pafos kienet il-​belt kapitali taʼ Ċipru u ssede tal-​prokonslu, u kellha l-​privileġġ li tagħmel il-​flus tar-​ram. Din ukoll inqerdet fit-​terremot tas-​sena 15 Q.E.K., u bħal fil-​każ taʼ Salamina, Awgustu pprovda l-​fondi biex terġaʼ tinbena l-​belt. It-​tħaffir li sar f’Pafos juri l-​ħajja lussuża li kellhom is-​sinjuri t’hemmhekk fl-​ewwel seklu—toroq tal-​belt wesgħin, vilel privati mżejnin mill-​isbaħ, skejjel tal-​mużika, ġinnasji, u anfiteatru.

Din kienet Pafos li żaru Pawlu, Barnaba, u Ġwanni Marku, u kien hawnhekk li l-​prokonslu Serġju Pawlu—“raġel mogħni bid-​dehen”—“ried jismaʼ mingħandhom il-​kelma taʼ Alla” minkejja l-​oppożizzjoni ħarxa tas-​saħħâr Elima. Il-​prokonslu “baqaʼ mistagħġeb bit-​tagħlim tal-​Mulej.”—Atti 13:6-12.

Wara li lestew b’suċċess l-​ippridkar tagħhom f’Ċipru, il-​missjunarji komplew xogħolhom fl-​Asja Minuri. Dan l-​ewwel vjaġġ missjunarju li għamel Pawlu kien ġrajja importanti fit-​tixrid tal-​Kristjanità vera. Il-​ktieb St. Paul’s Journeys in the Greek Orient isejjaħlu ‘l-​bidu veru tal-​missjoni Kristjana u tal-​karriera missjunarja taʼ Pawlu.’ Dan ikompli jgħid: “Peress li tinsab fejn jiltaqgħu r-​rotot bil-​baħar lejn is-​Sirja, l-​Asja Minuri, u l-​Greċja, Ċipru kienet tidher bħala l-​ewwel waqfa loġika fi vjaġġ missjunarju.” Imma dan ix-​xogħol kien għadu fil-​bidu tiegħu. Għoxrin seklu wara, ix-​xogħol missjunarju Kristjan għadu għaddej, u jistaʼ tabilħaqq jingħad li l-​aħbar tajba tas-​Saltna taʼ Jehovah laħqet letteralment “sa truf l-​art.”—Atti 1:8.

[Mappep f’paġna 20]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

ĊIPRU

NICOSIA (Ledra)

Salamina

Pafos

Kourion

Amathus

Larnaca

IL-​MUNTANJI KYRENIA

IL-​PJANURA TAʼ MESAORIA

IL-​MUNTANJI TROODOS

[Stampa f’paġna 21]

Mimli bl-​ispirtu qaddis, Pawlu għama lis-​saħħâr Elima waqt li kien f’Pafos