Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huwa Alla Responsabbli għall-Problemi Tagħna?

Huwa Alla Responsabbli għall-Problemi Tagħna?

Huwa Alla Responsabbli għall-​Problemi Tagħna?

META t-​tifla taʼ Marion ġarrbet ħsara kbira fil-​moħħ, Marion għamlet dak li ħafna minna konna nagħmlu kieku konna fis-​sitwazzjoni tagħha. * Talbet lil Alla għall-​għajnuna. “Ma stajtx naħseb f’okkażjoni oħra li fiha ħassejtni daqshekk mifxula u waħdi,” tgħid Marion. Iktar tard, il-​kundizzjoni tat-​tifla tagħha qalbet għall-​agħar, u Marion bdiet tiddubita jekk Alla kienx verament jimpurtah. Hi bdiet tistaqsi: “Għala qed jiġri dan?” Ma setgħetx tifhem kif Alla taʼ mħabba u li jimpurtah setaʼ jabbandunaha.

L-​esperjenza taʼ Marion m’hijiex l-​unika waħda. Ħafna nies madwar id-​dinja ħassewhom abbandunati minn Alla meta kellhom bżonnu l-​iktar. “Għadni nissielet mal-​mistoqsijiet dwar għala Alla jippermetti affarijiet ħżiena,” tgħid Lisa wara li nqatel in-​neputi tagħha. “Il-​fidi tiegħi f’Alla ma tlifthiex għalkollox imma m’għadhiex bħalma kienet.” B’mod simili, wara li esperjenzat traġedja li involviet lit-​tifel żgħir tagħha, waħda mara qalet: “Alla ma tani l-​ebda faraġ għal dak li kien ġara. Ma wrieni l-​ebda sinjal u l-​ebda mogħdrija.” Kompliet tgħid: “Jien qatt ma se naħfirlu lil Alla.”

Oħrajn jiżviluppaw sentimenti taʼ rabja għal Alla meta jħarsu lejn id-​dinja taʼ madwarhom. Huma jaraw soċjetajiet magħkusin bil-​faqar u l-​ġuħ, refuġjati tal-​gwerra ddisprati, numru bla għadd taʼ tfal li sfaw orfni minħabba l-​AIDS, u miljuni taʼ nies mifnijin minħabba mard ieħor. Meta jseħħu traġedji bħal dawn jew oħrajn simili, ħafna jwaħħlu f’Alla għax iħossu li m’huwiex qed jintervieni.

Biss, il-​verità hi li Alla m’għandux x’jaħti għall-​problemi li qed jifnu lill-​umanità. Fil-​fatt, hemm raġunijiet validi għala għandna nemmnu li Alla dalwaqt se jneħħi l-​ħsara li ġiet fuq il-​familja umana. Nistidnuk taqra l-​artiklu li jmiss sabiex tara li Alla verament jimpurtah minna.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 2 L-ismijiet ġew mibdulin.