Qed taraha l-id t’Alla f’ħajtek?

Qed taraha l-id t’Alla f’ħajtek?

“Il-qaddejja taʼ Ġeħova se jagħrfu idu.”—ISAIJA 66:14.

GĦANJIET: 65, 26

1, 2. Xi wħud x’jaħsbu dwar Alla?

ĦAFNA nies jemmnu li Alla ma jimpurtahx minn x’jagħmlu. Huma jaħsbu li Alla ma jimpurtahx verament minn dak li jiġrilhom. Pereżempju, wara maltempata qalila ħafna li qerdet parti kbira mill-Filippini f’Novembru 2013, is-sindku taʼ waħda mill-bliet kbar qal: “Alla żgur kien xi mkien ieħor.”

2 Nies oħra jaħsbu li Alla ma jistax jara dak li qed jagħmlu. (Isaija 26:10, 11; 3 Ġwanni 11) Xi wħud fi żmien l-appostlu Pawlu ħasbu bl-istess mod. Hu dwarhom qal: “M’għoġobhomx li jkollhom għarfien eżatt dwar Alla.” Huma kienu inġusti, mill-agħar, rgħiba, u ħżiena.—Rumani 1:28, 29.

3. (a) Liema mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna? (b) Fil-Bibbja, l-‘id’ taʼ Alla għal xiex spiss tirreferi?

3 Xi ngħidu għalina? Aħna nafu li Ġeħova jara kulma nagħmlu. Imma nemmnu aħna li Ġeħova hu interessat fina? Qed narawha idu tgħinna f’ħajjitna? Fil-Bibbja, ‘id’ Alla spiss tirreferi għal meta juża l-qawwa tiegħu. Hu juża din il-qawwa biex jgħin lill-qaddejja tiegħu u biex iġib fix-xejn l-għedewwa tiegħu. (Aqra Dewteronomju 26:8.) Ġesù qal li xi nies se “jaraw lil Alla.” (Mattew 5:8) Qegħdin aħna fost dawn in-nies? Kif nistgħu ‘naraw lil Alla’? Ejja nitgħallmu mill-eżempji Bibliċi taʼ dawk li raw l-id t’Alla f’ħajjithom u taʼ dawk li ma rawhiex. Se nitgħallmu wkoll kif il-fidi tgħinna naraw l-id t’Alla.

IRRIFJUTAW LI JARAW L-ID T’ALLA

4. L-għedewwa tal-Iżrael għala rrifjutaw li jaraw id Alla?

4 Fil-passat, ħafna nies kellhom l-opportunità li jaraw u jisimgħu kif Alla għen lill-Iżrael. Ġeħova uża l-mirakli biex jeħles lin-nies tiegħu mill-Eġittu u biex jegħleb ħafna slaten fl-Art Imwiegħda. (Ġożwè 9:3, 9, 10) Għalkemm ħafna slaten semgħu u raw kif Ġeħova salva lin-nies tiegħu, “bdew jinġemgħu lkoll flimkien b’fehma waħda biex jagħmlu gwerra kontra Ġożwè u Israel.” (Ġożwè 9:1, 2) Meta ġġieldu kontra l-Iżrael, dawk is-slaten kellhom opportunità biex jaraw id Alla. Minħabba l-qawwa kbira taʼ Ġeħova, “ix-xemx ma ċċaqalqitx, u l-qamar baqaʼ wieqaf, sakemm il-ġens setaʼ jegħleb lill-għedewwa tiegħu.” (Ġożwè 10:13) Imma Ġeħova ppermetta li l-qlub tal-għedewwa tal-Iżrael “isiru stinati,” ħalli b’hekk setgħu jiġġieldu kontra l-Iżraelin. (Ġożwè 11:20) L-għedewwa tal-Iżrael kienu tilfu għax irrifjutaw li jammettu li Ġeħova kien qed jiġġieled għall-poplu tiegħu.

Għandna nfittxu għall-id t’Alla f’ħajjitna

5. Is-sultan mill-agħar Aħab x’ma riedx jemmen?

5 Iktar tard, is-sultan mill-agħar Aħab kellu l-opportunità li jara id Alla diversi drabi. Elija qallu: “La jkun hawn nida u lanqas xita, ħlief bl-ordni taʼ kelmti!” (1 Slaten 17:1) Dan kien possibbli biss minħabba l-id t’Alla, imma Aħab ma riedx jemmen dan. Iktar tard, Elija talab lil Ġeħova, u Alla wieġbu billi bagħatlu n-nar mis-sema. Aħab ra dan b’għajnejh stess. Imbagħad, Elija qal lil Aħab li Ġeħova kien se jġib fi tmiem in-nixfa u jibgħat xita qalila. (1 Slaten 18:22-45) Aħab ra dawn il-mirakli kollha imma xorta ma riedx jemmen li kien ra l-qawwa taʼ Ġeħova. X’nitgħallmu minn dawn l-eżempji? Għandna nfittxu għall-id t’Alla f’ħajjitna.

HUMA RAW L-ID TAʼ ĠEĦOVA

6, 7. X’għarfu l-Gibegħonin u Raħab?

6 Il-Gibegħonin kienu differenti ħafna mill-ġnus taʼ madwarhom. Huma raw id Alla. Minflok ma qagħdu jiġġieldu kontra l-Iżraelin, il-Gibegħonin riedu jagħmlu paċi magħhom. Għala? Huma qalu li r-raġuni tagħhom kienet għax semgħu b’Ġeħova u b’dak kollu li kien għamel. (Ġożwè 9:3, 9, 10) B’għaqal huma għarfu li l-għajnuna tal-Iżrael kienet ġejja mill-Alla l-veru.

7 Raħab ukoll rat id Ġeħova. Hi ma kinitx Iżraelija, imma kienet semgħet dwar kif Ġeħova ħeles lill-poplu tiegħu mill-Eġittu. Meta żewġ spiji Iżraelin marru għandha, qaltilhom: “Jien tassew naf li Ġeħova se jagħtikom l-art.” Raħab kienet temmen li Ġeħova setaʼ jeħles lilha u l-familja tagħha. Hi wriet li kellha fidi f’Ġeħova minkejja li kienet taf li din il-waqfa kienet se tipperikolalha ħajjitha.—Ġożwè 2:9-13; 4:23, 24.

8. Xi Iżraelin kif għarfu l-id t’Alla?

8 Għall-kuntrarju tas-sultan mill-agħar Aħab, xi Iżraelin li kienu raw in-nar nieżel mis-sema fi qbil mat-talba t’Elija għarfu li kien Alla li għamel dan. Huma għajtu: “Ġeħova hu l-Alla l-veru!” (1 Slaten 18:39) Għalihom, kien ċar li kienu raw il-qawwa t’Alla.

9. Kif nistgħu naraw lil Ġeħova u idu llum il-ġurnata?

9 Aħna kkunsidrajna eżempji tajbin u ħżiena li jgħinuna nifhmu xi jfisser li ‘naraw lil Alla’ jew li naraw l-id t’Alla. Hekk kif insiru nafu lil Ġeħova u l-kwalitajiet tiegħu, aħna naraw idu, jiġifieri l-għajnuna tiegħu, permezz tal-‘għajnejn taʼ qalbna.’ (Efesin 1:18) Dan jimmotivana biex inkunu rridu nimitaw in-nies leali tal-passat u tal-preżent li raw kif Ġeħova għen lill-poplu tiegħu. Madankollu, għandna evidenza li Alla qed jgħin lill-poplu tiegħu llum il-ġurnata?

EVIDENZA TAL-ID T’ALLA LLUM

10. Liema evidenza għandna li Ġeħova qed jgħin lin-nies illum il-ġurnata? (Ara l-ewwel stampa.)

10 Illum għandna ħafna evidenza li Ġeħova qed ikompli jgħin lin-nies. Spiss nisimgħu b’esperjenzi taʼ wħud li talbu għall-għajnuna t’Alla f’ħajjithom u t-talb tagħhom twieġeb. (Salm 53:2) Pereżempju, waqt li Allan kien qed jipprietka fi gżira żgħira fil-Filippini, hu ltaqaʼ maʼ mara li bdiet tibki. Hu jgħid, “Proprju dakinhar filgħodu, hi talbet lil Ġeħova biex ix-Xhieda jsibuha.” Meta kienet żagħżugħa, hi studjat il-Bibbja max-Xhieda, imma meta żżewġet u marret tgħix fuq din il-gżira, ma komplietx tistudja. Alla tant wiġbilha t-talba malajr li dan messilha qalbha. F’inqas minn sena, iddedikat ħajjitha lil Ġeħova.

Qed tfittex għal modi kif tistaʼ tara l-id taʼ Ġeħova f’ħajtek? (Ara paragrafi 11-13)

11, 12. (a) Ġeħova kif qed jgħin lill-qaddejja tiegħu? (b) Spjega kif Ġeħova għen lil oħt.

11 Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova raw l-id tiegħu li kienet t’għajnuna meta waqfu minn vizzji bħat-tipjip, li jabbużaw mid-drogi, jew li jaraw il-pornografija. Xi wħud qalu li pprovaw jieqfu waħedhom qabel ma saru qaddejja taʼ Ġeħova imma ma setgħux. Però, meta talbu lil Ġeħova għall-għajnuna, hu tahom “il-qawwa iktar min-normal,” u b’hekk fl-aħħar setgħu jwaqqfu l-vizzji tagħhom.—2 Korintin 4:7; Salm 37:23, 24.

Ġeħova jgħin lill-qaddejja tiegħu biex jissaportu diffikultajiet personali

12 Apparti minn hekk, Ġeħova jgħin lill-qaddejja tiegħu biex jissaportu diffikultajiet personali. Hekk ġralha Amy. Hi kienet assenjata biex tgħin fil-bini taʼ Sala tas-Saltna u dar tal-missjunarji fi gżira żgħira fl-Oċean Paċifiku. Il-kultura kienet differenti, spiss ma kienx ikollhom dawl jew ilma, it-toroq kienu jkunu mgħarrqa, kienet qed timmissja l-familja tagħha, u kienet qed tgħix f’kamra taʼ lukanda żgħira. Darba minnhom, hi għajtet maʼ oħt li kienet qed taħdem magħha. Hi tgħidx kemm iddispjaċieha dwar dak li kienet għamlet. Meta reġgħet marret lura fil-kamra mudlama tagħha, hi talbet lil Ġeħova biex jgħinha. Imbagħad, meta reġaʼ ġie d-dawl, qrat artiklu mit-Torri tal-Għassa dwar gradwazzjoni minn Gilegħad. L-artiklu kien fuq l-istess diffikultajiet li kienet qed tissaporti. Hi tgħid: “Ħassejt li Ġeħova kien qed ikellimni dak il-lejl. Dan tani l-motivazzjoni biex inkompli fl-inkarigu tiegħi.”—Salm 44:25, 26; Isaija 41:10, 13.

13. X’evidenza għandna li Ġeħova għen lin-nies tiegħu biex jiddefendu d-dritt tagħhom tal-ippritkar?

13 Barra minn hekk, Ġeħova għen lin-nies tiegħu biex jiddefendu u jistabbilixxu b’mod legali l-aħbar tajba. (Filippin 1:7) Pereżempju, meta xi gvernijiet ipprovaw iwaqqfu l-ippritkar, aħna ddefendejna lilna nfusna fil-qorti. Irbaħna minn tal-inqas 268 każ fi qrati superjuri madwar id-dinja, u 24 minnhom intrebħu fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mis-sena 2000 ’l hawn. Huwa ċar li ħadd ma jistaʼ jwaqqaf l-id t’Alla!—Isaija 54:17; aqra Isaija 59:1.

14. Liema evidenza oħra għandna li Alla hu man-nies tiegħu?

14 L-ippritkar tal-aħbar tajba li jsir madwar id-dinja kollha jagħti iktar evidenza li għandna l-għajnuna t’Alla. (Mattew 24:14; Atti 1:8) U l-għaqda fost il-qaddejja taʼ Ġeħova minn kull nazzjon tistaʼ tkun possibbli biss bl-għajnuna taʼ Ġeħova. Din l-għaqda hi unika! Anki n-nies li ma jqimux lil Ġeħova jammettu: “Alla tassew qiegħed fostkom.” (1 Korintin 14:25) Għandna ħafna evidenza li Alla hu man-nies tiegħu. (Aqra Isaija 66:14.) Xi ngħidu għalik personalment? Qed taraha l-id taʼ Ġeħova f’ħajtek?

QED TARAHA L-ID TAʼ ĠEĦOVA F’ĦAJTEK?

15. Kultant, għala għandu mnejn ma narawx l-id taʼ Ġeħova f’ħajjitna?

15 Kultant, għandu mnejn ma narawx l-id t’Alla f’ħajjitna. Għala? Meta jkollna ħafna problemi, forsi ninsew li Ġeħova diġà għenna ħafna drabi. Hekk ġralu Elija. Kien kuraġġuż, imma meta r-Reġina Ġeżabel riedet toqtlu, kien imbeżżaʼ. Għal mument, hu nesa kif Ġeħova kien diġà għenu qabel. Il-Bibbja tgħid li Elija ried imut. (1 Slaten 19:1-4) Fejn setaʼ jsib l-għajnuna u l-kuraġġ? Kellu bżonn jittama f’Ġeħova!—1 Slaten 19:14-18.

16. Kif nistgħu naraw lil Alla meta jkollna l-problemi?

16 Ġob tant kien iffokat fuq il-problemi tiegħu li ma rax is-sitwazzjoni mill-ħarsa taʼ Ġeħova. (Ġob 42:3-6) Kultant, aħna wkoll għandu mnejn insibuha diffiċli biex naraw lil Alla minħabba l-problemi tagħna. X’jistaʼ jgħinna naraw dak li Alla jagħmel għalina? Għandna nimmeditaw fuq dak li tgħid il-Bibbja dwar il-problemi tagħna. Imbagħad, Ġeħova se jkun iktar reali għalina, u aħna wkoll inkunu nistgħu ngħidu: “B’widnejja smajt dwarek, imma issa narak b’għajnejja.”

Ġeħova qed juża lilek biex tgħin lil oħrajn jarawh? (Ara paragrafi 17, 18)

17, 18. (a) Kif tistaʼ tara l-id taʼ Ġeħova f’ħajtek? (b) Semmi esperjenza sabiħa li turi kif Alla qed ikun t’għajnuna llum.

17 Kif tistaʼ tara l-id taʼ Ġeħova f’ħajtek? Ejjew nikkunsidraw ħames eżempji. L-ewwel, għandu mnejn tħoss li Ġeħova għenek issib il-verità. It-tieni, għandu mnejn tiftakrek sejjer għal-laqgħa, tismaʼ taħdita, u tgħid, “Hekk kelli bżonn nismaʼ!” It-tielet, forsi rajt kif Ġeħova wieġeb waħda mit-talbiet tiegħek. Ir-rabaʼ, forsi ridt tagħmel iktar għal Ġeħova u rajt kif għenek tilħaq dik il-mira. Il-ħames, forsi tlaqt ix-xogħol għax beda jieħu mill-ħin tiegħek taʼ servizz lil Ġeħova u mbagħad rajt lil Alla jwettaq il-wegħda tiegħu: “Żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5) Meta jkollna relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova, ma jkunx diffiċli biex naraw l-id tiegħu f’ħajjitna.

18 Sarah, oħt mill-Kenja, tgħid: “Tlabt dwar studenta li ħassejtha li ma kinitx qed tapprezza l-istudju tal-Bibbja tagħha. Tlabt lil Ġeħova dwar jekk għandix inwaqqaf l-istudju. Eżatt wara li għedt ‘Ammen,’ daqqli t-telefown. Kienet l-istudenta tal-Bibbja li ċemplet biex issaqsi jekk tistax tattendi l-laqgħa miegħi! Bqajt imbellha!” Jekk infittxu għal dak li Alla qed jagħmel għalina, inkunu qed naraw l-id tiegħu li tkun qed tgħinna. Rhonna, oħt li tgħix l-Asja, tgħid li jieħu ż-żmien biex naraw kif Ġeħova jgħinna f’ħajjitna. Hi żżid tgħid, “Ladarba tagħmel hekk, huwa tal-għaġeb li tiskopri kemm għandu interess fina!”

19. X’għandna nagħmlu iktar biex naraw ’l Alla?

19 Ġesù qal li dawk li “jaraw lil Alla” għandu jkollhom “qalbhom safja.” (Mattew 5:8) Dan xi jfisser? Għandna nżommu ħsibijietna safjin u nieqfu nagħmlu kwalunkwe ħaġa li hi ħażina. (Aqra t-2 Korintin 4:2.) F’dan l-artiklu, aħna tgħallimna li biex naraw ’l Alla, għandna nibqgħu nsaħħu r-relazzjoni li għandna miegħu. Fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu kif il-fidi tistaʼ tgħinna naraw iktar b’mod ċar l-id taʼ Ġeħova f’ħajjitna.