Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Isimgħu u ifhmu’

‘Isimgħu u ifhmu’

“Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmu.”—MARKU 7:14.

1, 2. Ħafna nies għala ma fehmux xi jfisser kliem Ġesù?

META xi ħadd ikellimna, nisimgħu leħnu u anke ninnotaw it-ton taʼ leħnu. Imma biex nifhmu dak li qed jgħid, irridu nifhmu xi jfisser kliemu. (1 Korintin 14:9) Ġesù tkellem maʼ eluf taʼ nies bil-lingwa tagħhom stess. Imma mhux kollha fehmu xi jfisser kliemu. Għalhekk, Ġesù qal: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmu.”—Marku 7:14.

2 Ħafna minn dawn in-nies għala ma fehmux x’ried ifisser Ġesù? Xi wħud diġà kellhom l-opinjonijiet tagħhom stess jew saħansitra kellhom skopijiet ħżiena. Ġesù qal hekk dwar dawn in-nies: “Fin fin twarrbu fil-ġenb il-kmandament t’Alla sabiex iżżommu t-tradizzjoni tagħkom.” (Marku 7:9) Ma pprovawx jifhmu xi jfisser kliem Ġesù. Ma ridux ibiddlu d-drawwiet u l-opinjonijiet tagħhom. Dawn in-nies semgħu imma ma fehmux. (Aqra Mattew 13:13-15.) Kif nistgħu nagħmlu ċert li dejjem inkunu lesti li nitgħallmu mit-tagħlim taʼ Ġesù?

KIF NISTGĦU NIBBENEFIKAW MIT-TAGĦLIM TAʼ ĠESÙ?

3. Id-dixxipli għala setgħu jifhmu dak li qal Ġesù?

3 Għandna bżonn insegwu l-eżempju tad-dixxipli taʼ Ġesù li wrew l-umiltà. Hu qalilhom: “Henjin għajnejkom għax jaraw, u widnejkom għax jisimgħu.” (Mattew 13:16) Għala setgħu jifhmu dak li qal Ġesù meta oħrajn ma setgħux? Għax ħadu tliet passi. L-ewwel, kienu jafu li l-mistoqsija oħt il-għerf, u għalhekk saqsew mistoqsijiet ħalli jsiru jafu eżatt x’ried ifisser Ġesù. (Mattew 13:36; Marku 7:17) It-tieni, kienu lesti li jaċċettaw l-affarijiet ġodda li kienu qed jitgħallmu u jżidu t-tagħlim maʼ dak li diġà kienu aċċettaw f’qalbhom. (Aqra Mattew 13:11, 12.) It-tielet, kienu lesti li jużaw dak li tgħallmu ħalli jgħinu lilhom infushom u lil ħaddieħor.—Mattew 13:51, 52.

4. Liema tliet passi huma meħtiġin jekk irridu nifhmu t-tixbihat taʼ Ġesù?

4 Bħad-dixxipli, aħna wkoll neħtieġu nieħdu tliet passi jekk irridu nifhmu t-tixbihat taʼ Ġesù. L-ewwel, għandna bżonn inwarrbu l-ħin biex nistudjaw it-tagħlim taʼ Ġesù, nimmeditaw fuqu, nagħmlu riċerka, u nsaqsu l-mistoqsijiet adattati. B’hekk, inkunu qed nieħdu l-għarfien. (Proverbji 2:4, 5) It-tieni, għandna bżonn naraw kif dan l-għarfien għandu x’jaqsam maʼ dak li diġà nafu u kif jistaʼ jkun taʼ ġid għalina b’mod persunali. B’hekk, inkunu qed niksbu l-abbiltà li nifhmu. (Proverbji 2:2, 3) It-tielet, għandna nużaw dak li tgħallimna u napplikawh f’ħajjitna. B’hekk, inkunu qed nuru l-għerf.Proverbji 2:6, 7.

L-għerf jistaʼ jsalvalna ħajjitna!

5. Agħti eżempju li juri d-differenza li hemm bejn l-għarfien, l-abbiltà li tifhem, u l-għerf.

5 X’inhi d-differenza bejn l-għarfien, l-abbiltà li tifhem, u l-għerf? Nistgħu nispjegawha b’dan il-mod: Immaġina li qiegħed wieqaf f’nofs taʼ triq u hemm karozza tal-linja riesqa lejk. L-ewwel, tara li hi tal-linja—dan hu l-għarfien. Imbagħad tirrealizza li jekk tibqaʼ fejn int, se ttajrek—din hi l-abbiltà li tifhem! Għalhekk, malajr tersaq minn nofs it-triq—dan hu l-għerf! Il-Bibbja tgħidilna biex ‘nagħtu widen għall-għerf’ għax jistaʼ jsalvalna ħajjitna!—Proverbji 2:2; 1 Timotju 4:16.

6. Liema erbaʼ mistoqsijiet se nsaqsu hekk kif neżaminaw sebgħa mit-tixbihat taʼ Ġesù? (Ara l- kaxxa.)

6 F’dan l-artiklu u f’taʼ wara, se neżaminaw sebaʼ tixbihat li ta Ġesù. Se nsaqsu l-mistoqsijiet li ġejjin: Xi tfisser it-tixbiha? (B’hekk, se nieħdu l-għarfien.) Ġesù għala ta din it-tixbiha? (B’hekk, se niksbu l-abbiltà li nifhmu.) Kif nistgħu nużaw din l-informazzjoni biex ngħinu lilna nfusna u lil ħaddieħor? (B’hekk, se nuru l-għerf.) Fl-aħħar, it-tixbiha x’tgħallimna dwar Ġeħova u Ġesù?

IŻ-ŻERRIEGĦA TAL-MUSTARDA

7. Xi tfisser it-tixbiha taʼ Ġesù dwar iż-żerriegħa tal-mustarda?

7 Aqra Mattew 13:31, 32. Xi tfisser it-tixbiha taʼ Ġesù dwar iż-żerriegħa tal-mustarda? Iż-żerriegħa tal-mustarda tirrappreżenta kemm il-messaġġ tas-Saltna li nippritkaw u kemm il-kongregazzjoni Kristjana. Meta l-kongregazzjoni Kristjana ġiet stabbilita fis-sena 33 EK, kienet żgħira ħafna bħall-“iżgħar miż-żrieragħ kollha.” Fi żmien qasir, kibret b’rata mgħaġġla minħabba l-ippritkar. Ħafna wħud ma stennewx li ħa tikber kemm kibret u bil-ħeffa li kibret. (Kolossin 1:23) Ġesù jgħidilna li “l-għasafar tas-sema” setgħu jsibu fejn “joqogħdu qalb il-friegħi tagħha.” Dan ifisser li hekk kif kibret il-kongregazzjoni Kristjana, dawk b’attitudni xierqa sabu ikel, kenn, u protezzjoni hemmhekk f’sens spiritwali.—Qabbel Eżekjel 17:23.

It-tkabbir tal-kongregazzjoni Kristjana kien tal-għaġeb

8. Ġesù għala ta t-tixbiha dwar iż-żerriegħa tal-mustarda?

8 Ġesù għala ta din it-tixbiha? Hu uża t-tkabbir rimarkevoli taż-żerriegħa tal-mustarda biex juri kif is-Saltna t’Alla tikber, tipproteġi, u tegħleb kull ostaklu. Sa mill-1914, it-tkabbir tal-kongregazzjoni Kristjana kien tal-għaġeb. (Isaija 60:22) Dawk li huma parti minn din il-kongregazzjoni jiġu megħjunin jibqgħu qrib taʼ Ġeħova. (Proverbji 2:7; Isaija 32:1, 2) L-ebda oppożizzjoni ma tistaʼ twaqqaf lill-kongregazzjoni milli tikber.—Isaija 54:17.

9. (a) X’nistgħu nitgħallmu mit-tixbiha dwar iż-żerriegħa tal-mustarda? (b) Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova u Ġesù?

9 X’nistgħu nitgħallmu mit-tixbiha dwar iż-żerriegħa tal-mustarda? Jistaʼ jkun li ngħixu fi nħawi fejn ma tantx hemm Xhieda u ftit li xejn hemm tkabbir, jew, żieda fl-għadd taʼ Xhieda. Imma qatt m’għandna ninsew li s-Saltna tistaʼ tegħleb kwalunkwe ostaklu. Dan il-ħsieb se jagħtina s-saħħa biex nissaportu. Pereżempju, meta Ħuna Edwin Skinner wasal l-Indja fl-1926, ftit li xejn kien hemm Xhieda u x-xogħol kien “diffiċli” għax it-tkabbir kien bil-mod ħafna. Imma ma qatax qalbu u ra l-messaġġ tas-Saltna jegħleb ostakli kbar ħafna. Illum il-ġurnata, hemm iktar minn 37,000 Xhud fl-Indja, u iktar minn 108,000 ruħ attendew għat-Tifkira fl-2013. Fl-istess sena li Ħuna Skinner wasal l-Indja, ix-xogħol kien għadu jibda fiz-Zambja. Issa hemm iktar minn 170,000 Xhud, u 763,915-il ruħ attendew għat-Tifkira fl-2013. Dan ifisser li wieħed minn kull 18-il individwu fiz-Zambja attenda għat-Tifkira. Xi tkabbir tal-għaġeb!

IL-ĦMIRA

10. Xi tfisser it-tixbiha dwar il-ħmira?

10 Aqra Mattew 13:33. Xi tfisser it-tixbiha dwar il-ħmira? Din it-tixbiha tirreferi għall-messaġġ tas-Saltna u kif dan ibiddel il-ħajjiet tan-nies. “L-għaġna kollha” tirrappreżenta l-ġnus kollha. Il-proċess tat-tħemmir jagħti stampa tal-mod kif il-messaġġ tas-Saltna qed jinfirex permezz tal-ippritkar. Fil-każ taż-żerriegħa tal-mustarda, din mill-ewwel taraha tikber; imma fil-każ tal-ħmira, il-proċess tat-tħemmir ma jagħtix fil-għajn. Irid jgħaddi ż-żmien biex tara r-riżultati tal-proċess.

11. Ġesù għala ta t-tixbiha dwar il-ħmira?

11 Ġesù għala ta din it-tixbiha? Ġesù wera li l-messaġġ tas-Saltna għandu l-qawwa biex jilħaq “l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art” u jagħmel bidla f’qalb in-nies. (Atti 1:8) Għall-ewwel, għandna mnejn ma nindunawx b’dawn il-bidliet, imma dan ma jfissirx li mhux qed isiru. Ħafna nies kullimkien qed jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna u qed iħallu dan il-messaġġ qawwi jbiddel il-personalità tagħhom.—Rumani 12:2; Efesin 4:22, 23.

12, 13. Agħti xi eżempji taʼ kif l-ippritkar kiber eżatt bħalma hu deskritt fit-tixbiha dwar il-ħmira.

12 L-effett tal-ippritkar spiss jidher snin wara li n-nies jisimgħu l-messaġġ għall-ewwel darba. Pereżempju, lura fl-1982, Franz u Margit, koppja li kienu qed jaqdu fil-Betel tal-Brażil, ippritkaw ġo raħal żgħir. Bdew diversi studji tal-Bibbja, u wieħed minnhom kien m’omm u l-erbat itfal tagħha. Il-kbir kulma kellu 12-il sena dak iż-żmien. Kien mistħi ħafna u spiss kien jipprova jistaħba qabel ma jibdew l-istudju. Minħabba bidla fl-inkarigu tagħhom, Franz u Margit ma setgħux ikomplu l-istudju. Wara 25 sena, marru biex iżuru dak ir-raħal. Immaġina kemm kienu ferħanin meta sabu kongregazzjoni taʼ 69 pubblikatur jiltaqgħu ġo Sala tas-Saltna ġdida u li 13 minn dawn il-pubblikaturi kienu pijunieri regulari! U dak it-tifel mistħi kien kiber u issa qed jaqdi bħala l-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani! Bħall-ħmira fit-tixbiha taʼ Ġesù, il-messaġġ tas-Saltna kien infirex u biddel il-ħajjiet taʼ ħafna wħud.

13 Anki f’pajjiżi fejn l-aħwa ma jistgħux jippritkaw bil-libertà, il-qawwa tal-messaġġ tas-Saltna xorta kapaċi tbiddel lin-nies. Spiss nibqgħu skantati meta nsiru nafu kemm il-messaġġ infirex f’pajjiżi bħal dawn. Pereżempju, il-messaġġ tas-Saltna wasal Kuba fl-1910, u Ħuna Russell żar din il-gżira fl-1913. Għall-ewwel ma tantx kien hemm tkabbir. Imma x’qed jiġri f’Kuba llum il-ġurnata? Hemm iktar minn 96,000 pubblikatur jippritkaw l-aħbar tajba, u fl-2013, attendew 229,726 ruħ għat-Tifkira. Dan ifisser li attenda wieħed minn kull 48 abitant. Anki f’pajjiżi fejn xogħolna mhuwiex projbit, jistaʼ jkun li l-messaġġ tas-Saltna qed jilħaq postijiet fejn ix-Xhieda lokali ma jaħsbux li tistaʼ tingħata xhieda. *Ekkleżjasti 8:7; 11:5.

Ġeħova jaf x’inhu jagħmel, u kollox miexi fi qbil mar-rieda tiegħu

14, 15. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw persunalment minn dak li nitgħallmu mit-tixbiha dwar il-ħmira? (b) Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova u Ġesù?

14 Kif nistgħu nibbenefikaw minn dak li għallimna Ġesù fit-tixbiha dwar il-ħmira? Meta nimmeditaw dwar xi tfisser it-tixbiha taʼ Ġesù, nindunaw li m’għandniex għalfejn noqogħdu ninkwetaw dwar kif il-messaġġ tas-Saltna se jilħaq lill-miljuni taʼ nies li għadhom ma semgħux bih. Ġeħova jaf x’inhu jagħmel, u kollox miexi fi qbil mar-rieda tiegħu. Imma xi ngħidu għalina? X’nistgħu nagħmlu aħna? Il-Kelma t’Alla tagħtina t-tweġiba: “Iżraʼ ż-żerriegħa tiegħek fil-għodu u tħallix idek tistrieħ sa fil-għaxija; għax ma tafx fejn se tirnexxi, jekk hux hawnhekk jew hemmhekk, jew jekk hux it-tnejn se jkunu tajbin indaqs.” (Ekkleżjasti 11:6) Ovvjament, qatt m’għandna ninsew nitolbu lil Ġeħova biex ibierek l-ippritkar, speċjalment f’pajjiżi fejn xogħolna hu ristrett.—Efesin 6:18-20.

15 Minbarra dan, m’għandniex nistmerru “l-jum t’affarijiet żgħar.” (Żakkarija 4:10) Dan ifisser li m’għandniex naqtgħu qalbna meta ma narawx ir-riżultati tal-ippritkar tagħna mill-ewwel. Eventwalment, ir-riżultati jistgħu jkunu ħafna akbar u iktar tal-għaġeb milli qatt stajna nimmaġinaw!—Salm 40:5; Żakkarija 4:7.

IL-MERKANT LI JIVVJAĠĠA U T-TEŻOR MOĦBI

16. Xi jfissru t-tixbihat dwar il-merkant li jivvjaġġa u t-teżor moħbi?

16 Aqra Mattew 13:44-46. Xi jfissru t-tixbihat dwar il-merkant li jivvjaġġa u t-teżor moħbi? Fi żmien Ġesù, xi merkanti kienu jivvjaġġaw ’il bogħod ħafna biex ifittxu għall-isbaħ perli u jixtruhom. Il-“perla waħda taʼ valur kbir” fit-tixbiha taʼ Ġesù tirrappreżenta l-verità prezzjuża tas-Saltna. Il-merkant jirrappreżenta dawk in-nies li għandhom attitudni xierqa u li jfittxu kullimkien biex isibu din il-verità. Il-merkant kien lest biex “minnufih” ibigħ kulma kellu ħalli jkun jistaʼ jixtri din il-perla prezzjuża. Ġesù ta tixbiha wkoll dwar raġel li kien qed jaħdem f’għalqa u sab teżor “moħbi.” Kuntrarju għall-merkant, dan ir-raġel ma kienx qed ifittex għal teżor. Imma ladarba sab teżor u nduna bil-valur tiegħu, hu wkoll kien lest li jbigħ “kulma għandu” ħalli jkun jistaʼ jakkwistah.

17. Ġesù għala ta t-tixbihat dwar il-merkant li jivvjaġġa u t-teżor moħbi?

17 Ġesù għala ta dawn iż-żewġ tixbihat? Hu wera li tistaʼ ssib il-verità b’modi differenti. Xi nies ifittxu għall-verità u jagħmlu sagrifiċċji biex isibuha. Oħrajn isibu l-verità avolja ma jkunux qed ifittxu għaliha, bħal meta xi ħadd jippritkalhom. Kull wieħed minn dawn iż-żewġt irġiel fiż-żewġ tixbihat għaraf il-valur taʼ dak li sab u kien lest li jagħmel sagrifiċċji kbar biex jakkwistah.

Kun lest li tagħmel minn kollox biex iżżomm il-verità fl-ewwel post f’ħajtek

18. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn iż-żewġ tixbihat? (b) Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova u Ġesù?

18 Kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn iż-żewġ tixbihat? (Mattew 6:19-21) Saqsi lilek innifsek: ‘Għandi jien l-istess attitudni lejn il-verità bħalma kellhom dawn l-irġiel? Inqis il-verità bħala teżor? Lest jien li nagħmel sagrifiċċji biex nakkwistaha, jew inħalli affarijiet oħra jaljenawni, bħal pereżempju l-ansjetajiet tal-ħajja taʼ kuljum?’ (Mattew 6:22-24, 33; Luqa 5:27, 28; Filippin 3:8) Jekk tassew inħobbu l-verità, se nkunu lesti li nagħmlu minn kollox biex inżommuha fl-ewwel post f’ħajjitna.

19. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

19 Jalla nuru li smajna u tassew fhimna t-tifsir taʼ dawn it-tixbihat. Tinsiex li mhux biżżejjed li nkunu nafu xi jfissru. Irridu napplikaw dak li nitgħallmu minnhom. Fl-artiklu li jmiss, se nikkunsidraw tliet tixbihat oħra u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom.

^ par. 13 Tistaʼ taqra esperjenzi simili mill-Arġentina (2001 Yearbook, paġna 186); il-Ġermanja tal-Lvant (1999 Yearbook, paġna 83); il-Papwa Ginea Ġdida (2005 Yearbook, paġna 63); u l-Gżira Robinson Crusoe (It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Ġunju 2000, paġna 9).