Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħoss li Alla ddiżappuntak?

Tħoss li Alla ddiżappuntak?

“GĦALA JIEN? Għaliex Alla ħallieni ngħaddi minn dan?” Dawn huma mistoqsijiet li ħawdu lil Sidnei, li għandu 24 sena u li hu mill-Brażil. Wara li kellu aċċident fuq żurżieqa tal-ilma, hu kellu juża siġġu tar-roti b’mod permanenti.

Tbatija li tiġi minħabba aċċidenti, mard, mewt taʼ xi ħadd maħbub, diżastri naturali, jew gwerer tistaʼ faċilment iġġiegħel lin-nies iħossu li Alla ddiżappuntahom. Din mhix xi ħaġa ġdida. Il-patrijarka Ġob intlaqat minn gwaj wara l-ieħor. B’mod żbaljat, ta t-tort lil Alla, u qal: “Ngħajjatlek għall-għajnuna, imma ma twiġibnix; inqum bil-wieqfa, biex tagħti kasi. Tinbidel biex issir kiefer miegħi; bil-qawwa kollha taʼ idek tattakkani.”—Ġob 30:20, 21.

Ġob ma kienx jaf is-sors tal-inkwiet tiegħu lanqas għala ġie fuqu jew għala tħalla jiġi fuqu. B’ferħ, il-Bibbja tagħtina r-raġuni għala ġrajjiet bħal dawn iseħħu kif ukoll tgħidilna kif għandna nirreaġixxu għalihom.

KELLU ALLA L-INTENZJONI LI N-NIES IBATU?

Il-Bibbja tgħidilna dwar Alla: “Perfett għemilu, għax triqatu kollha huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja; ġust u rett hu.” (Dewteronomju 32:4) Ladarba dan hu l-każ, huwa dan konsistenti jew saħansitra jistaʼ wieħed jifhem kif Alla li hu “ġust u rett” ikollu l-intenzjoni li l-bnedmin ibatu jew li jinqeda bil-gwaj biex jikkastigahom jew jippurifikahom?

Għall-kuntrarju, il-Bibbja tgħidilna: “Meta jkun għaddej minn prova, ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed jgħaddini minn prova.’ Għax Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” (Ġakbu 1:13) Fil-fatt, mill-Bibbja nitgħallmu li Alla ta bidu perfett lill-umanità. Lill-ewwel bnedmin, Adam u Eva, hu tahom dar sabiħa, il-bżonnijiet kollha tal-ħajja, u xogħol sodisfaċenti x’jagħmlu. Alla qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-art u rażżnuha.” Adam u Eva ċertament li ma kellhom ebda raġuni jħossu li Alla ddiżappuntahom.—Ġenesi 1:28.

Imma l-kundizzjonijiet tal-ħajja llum huma ’l bogħod minn perfetti. Fil-fatt, matul l-istorja, l-istat imwiegħer tal-umanità kien u għadu aħrax. Hija minnha d-deskrizzjoni: “L-ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-uġigħ flimkien.” (Rumani 8:22) X’ġara?

GĦALA TEŻISTI T-TBATIJA?

Biex nifhmu għala teżisti t-tbatija, irridu mmorru lura għaż-żmien meta bdiet. Imħajrin minn anġlu ribelluż, li iktar tard issejjaħ Satana x-Xitan, Adam u Eva ċaħdu l-livelli t’Alla taʼ x’inhu tajjeb u ħażin kif rappreżentat mill-kmand lilhom biex ma jiklux “mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.” Ix-Xitan qal lil Eva li ma kinux se jmutu jekk ma jobdux lil Alla, u b’hekk akkuża lil Alla li hu giddieb. Satana akkuża wkoll lil Alla li kien qed iżomm lura mis-sudditi tiegħu d-dritt li jiddeterminaw x’inhu tajjeb u ħażin. (Ġenesi 2:17; 3:1-6) Satana tahom x’jifhmu li l-umanità kienet se tkun aħjar mingħajr it-tmexxija t’Alla. Dan kollu qajjem kwistjoni taʼ importanza vitali—Kien Alla kapaċi jmexxi?

Ix-Xitan qajjem jerġaʼ kwistjoni oħra. Hu akkuża lill-bnedmin li dawn jaqdu lil Alla b’motivi egoistiċi. Dwar il-leali Ġob, ix-Xitan qal lil Alla: “Ma bnejtx int innifsek ħajt madwaru dawramejt u madwar daru u madwar kulma għandu? . . . Imma issa midd idek, jekk jogħġbok, u miss kulma għandu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.” (Ġob 1:10, 11) Għalkemm kliem Satana kien dwar Ġob, dak li ried jgħid kien li l-bnedmin kollha jaqdu lil Alla għal motivi egoistiċi.

KIF ALLA JIRRANĠA L-KWISTJONIJIET

X’kien se jkun l-aħjar mod kif dawn il-kwistjonijiet importanti jiġu rranġati darba għal dejjem? Alla, li għandu għerf infinit, kellu l-aħjar soluzzjoni—waħda li ma tħalliniex diżappuntati. (Rumani 11:33) Iddeċieda li jippermetti lill-bnedmin jaħkmu lilhom infushom għal xi żmien u jħalli r-riżultati jagħtu prova liema tmexxija tkun superjuri.

Il-kundizzjonijiet miżeri fid-dinja llum huma evidenza ċara li t-tmexxija mill-bniedem falliet għall-aħħar. Mhux biss il-gvernijiet tad-dinja fallew f’li jġibu l-paċi, is-sigurtà, u l-ferħ imma talli wasslu lid-dinja f’xifer taʼ qerda wkoll. Dan isaħħaħ il-verità fundamentali tal-Bibbja: “Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Il-mod taʼ kif Alla jmexxi biss jistaʼ jiggarantixxi paċi dejjiema, ferħ, u prosperità lill-bnedmin, għax dan hu l-iskop t’Alla.—Isaija 45:18.

Mela, Alla kif se jġib il-kundizzjoni tal-bniedem fi qbil mal-iskop tiegħu? Ftakar li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Iva, fiż-żmien xieraq, permezz tas-Saltna tiegħu, Alla se jneħħi dak kollu li jikkaġuna t-tbatija. (Danjel 2:44) Il-faqar, il-mard, u l-mewt se jkunu affarijiet tal-passat. Rigward il-foqra, il-Bibbja tindika li Alla “se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna.” (Salm 72:12-14) U dwar il-morda, il-Bibbja twiegħed: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Saħansitra dwar dawk li qegħdin fil-memorja t’Alla, Ġesù qal: “Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) X’wegħdi li jinkuraġġuk!

Fidi mibnija fuq il-wegħdi t’Alla tgħinna negħlbu kwalunkwe sentiment li Alla ddiżappuntana

NEGĦLBU D-DIŻAPPUNT

Xi 17-il sena wara l-aċċident tiegħu, Sidnei, li ssemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu, qal: “Qatt m’għedt li l-aċċident li kelli kien it-tort t’Alla Ġeħova, imma jkolli nammetti li għall-ewwel ħassejtni diżappuntat bih. Ikun hemm ġranet meta tassew inħossni mdejjaq, u nibki meta naħseb fuq id-diżabilità fiżika tiegħi. Madankollu, permezz tal-Bibbja wasalt biex nifhem li l-aċċident ma kienx xi kastig minn Alla. Bħalma tgħid il-Bibbja, ‘iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.’ It-talb lil Ġeħova kif ukoll il-qari taʼ skritturi speċifiċi saħħewni iktar spiritwalment u għenuni nibqaʼ pożittiv.”—Ekkleżjasti 9:11; Salm 145:18; 2 Korintin 4:8, 9, 16.

Li nżommu f’moħħna r-raġunijiet għala Alla ppermetta t-tbatija u kif l-effetti tagħha dalwaqt jitreġġgħu lura jgħinna negħlbu kwalunkwe sentiment li jistaʼ jkollna li Alla ddiżappuntana. Aħna assigurati li Alla “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” Ħadd minn dawk li jpoġġu l-fidi fih u f’Ibnu ma jkun diżappuntat.—Ebrej 11:6; Rumani 10:11.