Mur fil-kontenut

X’inhi l-battalja t’Armageddon?

X’inhi l-battalja t’Armageddon?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Il-​battalja t’Armageddon tirreferi għall-​gwerra finali bejn il-​gvernijiet umani u Alla. Dawn il-​gvernijiet u dawk li jappoġġawhom anki issa jiħduha kontra Alla billi jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għat-​tmexxija tiegħu. (Salm 2:2) Il-​battalja t’Armageddon se ġġib il-​ħakma umana fix-​xejn.—Danjel 2:44.

 Il-​kelma “Armageddon” tidher darba biss fil-​Bibbja, f’​Rivelazzjoni 16:16 fin-​nota taʼ taħt. B’mod profetiku, il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni juri li fil-​“post li bl-​Ebrajk jissejjaħ Ħar–Magedon,” “is-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” se jinġabru “flimkien għall-​gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.”—Rivelazzjoni 16:14.

 Min se jiġġieled f’Armageddon? Ġesù Kristu se jmexxi armata tas-​sema u flimkien se jiksbu rebħa fuq l-​għedewwa t’Alla. (Rivelazzjoni 19:11-​16, 19-​21) Dawn l-​għedewwa jinkludu lil dawk li jiħduha kontra l-​awtorità t’Alla u li juru nuqqas ta’ rispett lejh.—Eżekjel 39:7.

 Se tkun Armageddon miġġielda letteralment fil-​Lvant Nofsani? Le. Minflok ma se tkun f’post wieħed biss, il-​battalja t’Armageddon se tinkludi lid-​dinja kollha.—Ġeremija 25:32-​34; Eżekjel 39:17-​20.

 Il-​kelma Armageddon, kultant tradotta “Ħar-​Magedon” (bl-​Ebrew Ħar Megiddon), tfisser “Muntanja taʼ Megiddo.” Megiddo darba kienet belt f’Iżrael tal-​qedem. L-​istorja turina li kien hemm battalji sinifikanti miġġildin fil-​viċinanzi tagħha, u ftit minnhom insibuhom imniżżlin fil-​Bibbja. (Imħallfin 5:19, 20; 2 Slaten 9:27; 23:29) Madankollu, Armageddon ma jistax ikun li tirreferi għall-​post letterali ħdejn Megiddo tal-​qedem. Hemmhekk m’hemmx muntanja kbira, u lanqas jekk iżżid il-​Pjanura l-​Baxxa taʼ Ġeżragħel kollha li tmiss mal-​belt mhi biżżejjed biex tesaʼ lil dawk kollha li se jiġġieldu kontra Alla. Minflok, Armageddon hija sitwazzjoni mad-​dinja kollha fejn il-​qawwiet politiċi se jinġabru flimkien għall-​aħħar darba biex jiħduha kontra t-​tmexxija t’Alla.

 Kif se jkunu l-​kundizzjonijiet waqt il-​battalja t’Armageddon? Għalkemm ma nafux kif Alla se juża l-​qawwa tiegħu, hu se jkollu għad-​dispożizzjoni tiegħu armi bħal dawk li uża fil-​passat—silġ, terremoti, xita bil-​qliel, nar u kubrit, sajjetti, u mard. (Ġob 38:22, 23; Eżekjel 38:19, 22; Ħabakkuk 3:10, 11; Żakkarija 14:12) Fil-​konfużjoni, minn tal-​inqas xi wħud mill-​għedewwa t’Alla se joqtlu lil xulxin, imma fl-​aħħar mill-​aħħar se jirrealizzaw li hu Alla li qed jiġġieled kontrihom.—Eżekjel 38:21, 23; Żakkarija 14:13.

 Armageddon se ġġib id-​dinja fit-​tmiem? Mhix se ġġib il-​pjaneta tagħna fit-​tmiem, għax l-​art hija d-​dar tal-​bnedmin għal dejjem. (Salm 37:29; 96:10; Ekkleżjasti 1:4) Fil-​fatt, Armageddon se ssalva l-​umanità, u mhux teqridha, għax “folla kbira” ta’ qaddejja t’Alla se tibqaʼ ħajja.—Rivelazzjoni 7:9, 14; Salm 37:34.

 Iżda minbarra li tirreferi għall-​art, il-​kelma “dinja” fil-​Bibbja kultant tirreferi għall-​bnedmin mill-​agħar li jiħduha kontra Alla. (1 Ġwanni 2:15-​17) F’dan is-​sens, Armageddon se ġġib “tmiem id-​dinja.”—Mattew 24:3, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

 Meta se tiġi Armageddon? Meta Ġesù ddiskuta dwar it-​“tribulazzjoni kbira” li tilħaq il-​quċċata tagħha fil-​battalja t’Armageddon, hu qal: “Imma dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd, la l-​anġli tas-​smewwiet u lanqas l-​Iben, ħlief il-​Missier.” (Mattew 24:21, 36) Madankollu, il-​Bibbja turi li Armageddon se tiġi matul il-​preżenza inviżibbli ta’ Ġesù, li bdiet fl-​1914.—Mattew 24:37-​39.