IT-TORRI TAL-GĦASSA

Min Hu Alla?

Malti
Min Hu Alla?
/assets/ct/28ada02fb0/images/syn_placeholder_sqr.png
w11 4/1 pp. 16-17

Tgħallem mill-​Kelma t’Alla

Min Hu Alla?

Min Hu Alla?

Dan l-​artiklu se jqajjem mistoqsijiet li għandu mnejn ġieli staqsejt u jurik fejn tistaʼ taqra t-​tweġibiet fil-​Bibbja tiegħek. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma ħerqanin biex jiddiskutu dawn it-​tweġibiet miegħek.

1. Min hu Alla?

L-​Alla l-​veru huwa l-​Ħallieq taʼ kollox. Il-​Bibbja ssejjaħlu s-​“Sultan taʼ l-​eternità,” jiġifieri la kellu bidu u lanqas qatt mhu se jkollu tmiem. (Rivelazzjoni 15:3) Minħabba li Alla huwa s-​Sors tal-​Ħajja rridu nqimu lilu biss.—Aqra Rivelazzjoni 4:11.

2. Alla x’tip taʼ persuna hu?

Lil Alla ħadd qatt ma rah minħabba li huwa Spirtu, jiġifieri għandu ħajja iktar superjuri mill-​ħlejjaq fiżiċi li jgħixu fuq l-​art. (Ġwanni 1:18; 4:24) Il-​personalità t’Alla tidher fl-​affarijiet li hu għamel. Pereżempju, meta naħsbu dwar l-​għamla u l-​varjetà taʼ frott u fjuri, aħna naraw l-​imħabba u l-​għerf t’Alla. Il-​kobor tal-​univers jurina l-​qawwa t’Alla.—Aqra Rumani 1:20.

Mill-​Bibbja nistgħu nitgħallmu saħansitra iktar dwar il-​personalità t’Alla. Pereżempju, din tgħidilna x’jogħġob u x’ma jogħġobx lil Alla, kif jittratta lin-​nies, u kif jaġixxi f’sitwazzjonijiet differenti.—Aqra Salm 103:7-​10.

3. Alla għandu isem?

Ġesù qal: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Għalkemm Alla għandu ħafna titli, għandu isem wieħed biss. F’kull lingwa jiġi pronunzjat b’mod differenti. Normalment, bil-​Malti ngħidu “Ġeħova” jew ġieli “Jaħweh.”—Aqra Salm 83:18.

L-​isem t’Alla tneħħa minn ħafna Bibbji u floku tpoġġew it-​titli Mulej jew Alla. Imma meta nkitbet il-​Bibbja, l-​isem t’Alla kien jidher madwar 7,000 darba. Ġesù għamel l-​isem t’Alla magħruf billi użah meta spjega l-​Kelma t’Alla lin-​nies. Hu għen lin-​nies isiru jafu lil Alla.—Aqra Ġwanni 17:26.

4. Ġeħova jimpurtah minna?

Ġeħova juri interess fina billi jismaʼ t-​talb tagħna personalment. (Salm 65:2) Aħna nsofru ħafna tbatijiet. Ifisser dan li Alla ma jimpurtahx minna? Xi wħud isostnu li Alla jġegħelna nsofru biex iġarrabna, imma dan mhuwiex minnu. Il-​Bibbja tgħid: “Ma jistax ikun li l-​Alla l-​veru jaġixxi bil-​ħażen.”—Ġob 34:10; aqra Ġakbu 1:13.

Alla ta lil bniedem il-​libertà tal-​għażla. Napprezzaw aħna l-​libertà tagħna li naqdu lil Alla? (Ġożwè 24:15) Is-​sofferenzi żdiedu minħabba li ħafna nies għażlu li jagħmlu affarijiet ħżiena lil oħrajn. Ġeħova jweġġaʼ meta jara inġustizzji bħal dawn.—Aqra Ġenesi 6:5, 6.

Ġeħova dalwaqt se juża lil Ġesù biex ineħħi għalkollox is-​sofferenza u lil dawk li jikkaġunawha. Sadanittant, Ġeħova għandu raġuni valida għala qed jippermetti s-​sofferenza b’mod temporanju. ’Il quddiem se jkollna lezzjoni f’din is-​serje t’artikli li se tispjega għala Alla jippermetti s-​sofferenza.—Aqra Isaija 11:4.

5. Alla xi jridna nagħmlu?

Ġeħova ħalaqna bl-​abbiltà li nsiru nafuh u nħobbuh. Hu jridna nkunu nafu l-​verità dwaru. (1 Timotju 2:4) Jekk nistudjaw il-​Bibbja, nistgħu nsiru nafu lil Alla bħala Ħabib.—Aqra Proverbji 2:4, 5.

Ladarba Ġeħova tana l-​ħajja għandna nħobbuh iktar milli nħobbu lil ħaddieħor. Nistgħu nuru lil Alla li nħobbuh billi nkellmuh fit-​talb u billi nagħmlu dak li jitlob minna. (Proverbji 15:8) Ġeħova jitlob minna li nittrattaw lil ħaddieħor bi mħabba.—Aqra Marku 12:29, 30; 1 Ġwanni 5:3.

Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 1 taʼ dan il-​ktieb Il-​Bibbja x’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 17]

Jistaʼ jkun hemm raġuni valida għala qed titħalla s-​sofferenza b’mod temporanju?