Kien Jaf Alla li Adam u Eva Kienu Se Jidinbu?

Kien Jaf Alla li Adam u Eva Kienu Se Jidinbu?

ĦAFNA nies sinċerament jixtiequ jkunu jafu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija. Meta jqum is-​suġġett dwar għala Alla jippermetti l-​ħażen, mill-​ewwel jissemma d-​dnub tal-​ewwel koppja umana fil-​ġnien tal-​Għeden. Il-​ħsieb li ‘Alla jaf kollox’ jistaʼ faċilment iwassal lil xi wħud biex jikkonkludu li Alla bilfors kien jaf minn qabel li Adam u Eva ma kinux se jobduh.

X’kien jimplika kieku Alla kien jaf minn qabel li din il-​koppja perfetta kienet se tidneb? Ħaġa bħal din kienet tagħti x’tifhem li Alla għandu karatteristiki negattivi. Ikun jidher li la għandu mħabba, la hu ġust, u lanqas sinċier. Xi wħud jistgħu jqisuha bħala kefrija li l-​ewwel bnedmin ġew esposti għal xi ħaġa li kienet magħrufa minn qabel li kellha tispiċċa ħażin. Jistaʼ forsi jidher li Alla kien responsabbli, jew minn tal-​inqas kompliċi, għall-​ħażen u s-​sofferenzi kollha li ġew tul l-​istorja kollha tal-​bniedem. Għal xi wħud, il-​Ħallieq tagħna saħansitra jkun jidher li ma kienx jaf x’qed jagħmel.

Taqbel din id-​deskrizzjoni negattiva maʼ dak li l-​Iskrittura tirrivela dwar Alla Ġeħova? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, ejja neżaminaw x’tgħid il-​Bibbja dwar l-​għemejjel taʼ ħolqien u dwar il-​personalità taʼ Ġeħova.

“Kien Tajjeb Ħafna”

Dwar il-​ħolqien t’Alla, inkluż dak tal-​ewwel bnedmin fuq l-​art, ir-​rakkont tal-​Ġenesi jgħid: “Alla ra kulma kien għamel, u, ara, kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Adam u Eva ġew magħmulin b’mod perfett, u l-​ambjent tal-​art kien ideali għalihom. Ma kellhom ebda difett fil-​mod kif kienu maħluqin. Peress li kienu maħluqin “tajjeb ħafna,” ċertament li setgħu juru l-​imġiba tajba li kienet mistennija minnhom. Kienu maħluqin “fix-​xbieha t’Alla.” (Ġenesi 1:27) Għalhekk, sa ċertu punt, kienu kapaċi juru l-​kwalitajiet li jogħġbu lil Alla bħalma huma l-​għerf, l-​imħabba leali, il-​ġustizzja, u t-​tjubija. Kieku wrew dawn il-​kwalitajiet, huma setgħu jiġu megħjunin biex jieħdu deċiżjonijiet li kienu se jkunu taʼ benefiċċju għalihom u li kienu se jferrħu lil Missierhom tas-​sema.

Ġeħova żejjen lil dawn il-​ħlejjaq perfetti u intelliġenti bil-​libertà tal-​għażla. Għalhekk, bl-​ebda mod ma kienu programmati minn qabel biex jogħġbu lil Alla—bħallikieku kienu xi robot. Aħseb ftit dwar dan. Kieku int x’tapprezza l-​iktar—rigal li xi ħadd jagħtik taʼ bilfors, jew rigal li jiġi mill-​qalb? It-​tweġiba hija ovvja. Bl-​istess mod, kieku Adam u Eva għażlu li jobdu lil Alla minn qalbhom, kieku l-​ubbidjenza tagħhom kienet tkun iktar apprezzata minnu. L-​abbiltà li jagħżlu tat l-​opportunità lill-​ewwel koppja umana biex jobdu lil Ġeħova sforz l-​imħabba tagħhom lejh.—Dewteronomju 30:19, 20.

Sewwa, Ġust, u Tajjeb

Il-​Bibbja tirrivelalna l-​kwalitajiet taʼ Ġeħova. Peress li hu għandu dawn il-​kwalitajiet huwa impossibbli li jkollu x’jaqsam mad-​dnub. Salm 33:5 jgħid li Ġeħova “jħobb is-​sewwa u l-​ġustizzja.” B’hekk, Ġakbu 1:13 jgħid: “Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” Minħabba li Alla hu ġust u kien jimpurtah minn Adam, Hu wissieh: “Minn kull siġra tal-​ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin ma tistax tiekol, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) L-​ewwel koppja ngħatat għażla bejn ħajja taʼ dejjem u mewt. Ma kienx ikun ipokrita Alla kieku wissiehom kontra dnub speċifiku filwaqt li kien diġà jaf ir-​riżultat ħażin? Bħala dak li “jħobb is-​sewwa u l-​ġustizzja,” Ġeħova ma kienx se joffri għażla li fir-​realtà ma kinitx teżisti.

Ġeħova hu wkoll abbundanti fi tjubitu. (Salm 31:19) Meta ddeskriva t-​tjubija t’Alla, Ġesù qal: “Min hu dak il-​bniedem fostkom li jekk ibnu jitolbu l-​ħobż jagħtih ġebla? Jew, jekk forsi jitolbu ħuta jagħtih serp? Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar Missierkom li hu fis-​smewwiet jagħti affarijiet tajbin lil dawk li jitolbuh!” (Mattew 7:9-​11) Alla jagħti “affarijiet tajbin” lill-​ħlejjaq tiegħu. Il-​mod kif ħalaq il-​bnedmin u l-​Ġenna tal-​art li ħejjielhom bħala darhom juru t-​tjubija t’Alla. Kien Sovran tajjeb bħal dan se jkun daqshekk kattiv, tant li jipprovdilhom dar sabiħa li kien jaf minn qabel li kienet se tittiħdilhom? Le. Dak li għamilna hu ġust u tajjeb u mhux ħati għar-​ribelljoni tal-​bniedem.

“Hu Biss Hu Għaref”

L-​Iskrittura tiddeskrivi wkoll lil Ġeħova bħala li “hu biss hu għaref.” (Rumani 16:27) L-​anġli t’Alla fis-​sema kienu xhieda tal-​ħafna turijiet taʼ dan l-​għerf bla tarf. Huma bdew “jgħajtu b’tifħir” meta Ġeħova ħalaq il-​ħlejjaq tal-​art. (Ġob 38:4-​7) Bla dubju, dawn il-​ħlejjaq spirti intelliġenti segwew b’interess kbir il-​ġrajjiet li seħħew fil-​ġnien tal-​Għeden. Alla, li tant hu għaref, ħalaq l-​univers tal-​għaġeb u affarijiet meraviljużi fuq l-​art quddiem għajnejn l-​ulied anġeliċi tiegħu. Allura, jagħmel sens li mbagħad joħloq żewġ ħlejjaq uniċi li kien jaf li kienu se jaqgħu fid-​dnub? Jidher ċar li mhuwiex raġunevoli li wieħed jippjana diżastru bħal dan.

Xorta waħda, xi ħadd għandu mnejn joġġezzjona, ‘Imma kif jistaʼ jkun li Alla li hu tant għaref ma kienx jaf x’se jiġri?ʼ Veru, aspett wieħed tal-​għerf tant kbir taʼ Ġeħova hu l-​abbiltà tiegħu li “mill-​bidu” jkun jaf “it-​tmiem.” (Isaija 46:9, 10) Madankollu, m’għandux għalfejn juża din l-​abbiltà, sewwasew bħalma mhux dejjem ikollu għalfejn juża bis-​sħiħ il-​qawwa immensa tiegħu. Ġeħova fl-​għerf tiegħu juża b’mod selettiv l-​abbiltà tiegħu li jkollu għarfien minn qabel. Hu juża din l-​abbiltà meta jkun hemm raġuni għal xiex jużaha u skont iċ-​ċirkustanzi.

L-​abbiltà li jżomm lura milli juża l-​għarfien minn qabel tistaʼ tiġi mxebbha maʼ aspett tat-​teknoloġija moderna. Xi ħadd li qed jara partita rekordjata jistaʼ jagħżel li l-​ewwel jara l-​aħħar minuti tagħha sabiex ikun jaf kif se tispiċċa. Imma m’għandux għalfejn jagħmel dan bilfors. Min jistaʼ jikkritikah jekk jagħżel li jara l-​partita kollha mill-​bidu? Bl-​istess mod, huwa evidenti li l-​Ħallieq m’għażilx li jara x’kien se jkun ir-​riżultat. Minflok, hu għażel li jistenna u, hekk kif seħħew il-​ġrajjiet, jara kif uliedu fuq l-​art kienu se jġibu ruħhom.

Bħalma diġà ssemma, Ġeħova fl-​għerf tiegħu ma ħalaqx lill-​ewwel bnedmin bħallikieku kienu xi robot, programmati biex dejjem jagħmlu l-​istess ħaġa. Minflok, hu bi mħabba żejjinhom bil-​libertà tal-​għażla. Kieku għażlu t-​triq it-​tajba, setgħu juru l-​imħabba, il-​gratitudni, u l-​ubbidjenza tagħhom, u b’hekk kienu jkunu iktar ferħanin huma kif ukoll iferrħu lil Missierhom tas-​sema, Ġeħova.—Proverbji 27:11; Isaija 48:18.

L-​Iskrittura turi li ħafna drabi Alla ma użax l-​abbiltà tiegħu li jkollu għarfien minn qabel. Pereżempju, meta l-​bniedem leali Abraham wasal sal-​punt li kważi offra lil Ibnu bħala sagrifiċċju, Ġeħova setaʼ jgħid: “Issa naf li int tibżaʼ minn Alla billi ma ċaħħadtnix minn ibnek, l-​uniku wieħed li għandek.” (Ġenesi 22:12) Mill-​banda l-​oħra, hemm ukoll drabi meta l-​kondotta ħażina taʼ ċerti individwi ġiegħlet lil Alla “jħossu mweġġaʼ.” Kien hu se jħossu mweġġaʼ kieku kien jaf minn ħafna qabel x’kienu se jagħmlu?—Salm 78:40, 41; 1 Slaten 11:9, 10.

B’hekk, huwa raġunevoli li nikkonkludu li l-​Alla li hu tant għaref ma użax l-​abbiltà tiegħu tal-​għarfien minn qabel biex isir jaf bil-​quddiem li l-​ewwel ġenituri tagħna kienu se jidinbu. Hu ma kienx daqstant insensibbli li joħloq lill-​bnedmin sempliċement biex jgħaddu minn ċerti ġrajjiet strambi li hu kien jaf li se jiġru minħabba li kellu għarfien minn qabel.

“Alla Hu Mħabba”

Satana, l-​avversarju t’Alla, beda r-​ribelljoni fl-​Għeden. Din ġabet konsegwenzi koroh, inkluż id-​dnub u l-​mewt. B’hekk, Satana kien “qattiel.” Hu wera li kien ukoll “giddieb u missier il-​gidba.” (Ġwanni 8:44) Peress li hu nnifsu għandu motivi ħżiena, hu jagħmel ħiltu kollha biex jattribwixxi motivi ħżiena lill-​Ħallieq tagħna kollu mħabba. Hu jixtieq jitfaʼ l-​ħtija tad-​dnub tal-​bniedem fuq Ġeħova.

Il-​kwalità tal-​imħabba hija l-​aqwa raġuni għala Ġeħova għażel li ma jkunx jaf bil-​quddiem li Adam u Eva kienu se jidinbu. L-​imħabba hija l-​kwalità prinċipali t’Alla. L-​1 Ġwanni 4:8 jgħid: “Alla hu mħabba.” L-​imħabba hi pożittiva, mhux negattiva. Din tfittex it-​tajjeb f’oħrajn. Peress li Alla Ġeħova hu motivat mill-​imħabba, hu ried l-​aħjar għall-​ewwel koppja umana.

Għalkemm ulied Alla fuq l-​art setgħu jiddeċiedu li jagħmlu għażla mhux għaqlija, Alla tagħna kollu mħabba ma kellux it-​tendenza li jkun pessimist jew li jissuspetta fil-​ħlejjaq perfetti tiegħu. Hu tahom kulma kellhom bżonn biex jgħixu u qalilhom dak kollu li kellhom bżonn ikunu jafu. Mela kien xieraq li Alla kellu jistenna ubbidjenza bi mħabba minnhom u mhux ribelljoni. Hu kien jaf li Adam u Eva kellhom l-​abbiltà li juru l-​lealtà. Iktar tard dan intwera saħansitra minn bnedmin imperfetti, bħal Abraham, Ġob, Danjel, u ħafna oħrajn.

Ġesù qal: “Għal Alla kollox hu possibbli.” (Mattew 19:26) Dan il-​ħsieb hu taʼ faraġ. L-​imħabba taʼ Ġeħova, flimkien mal-​attributi dominanti l-​oħrajn tiegħu taʼ ġustizzja, għerf, u qawwa, tiggarantixxi li meta jkun il-​waqt hu jistaʼ jneħħi l-​effetti kollha tad-​dnub u l-​mewt. U hekk se jagħmel.—Rivelazzjoni 21:3-​5.

Jidher ċar li Ġeħova ma kienx jaf minn qabel li l-​ewwel koppja kienu se jidinbu. Filwaqt li hu kien imweġġaʼ minħabba d-​diżubbidjenza tal-​bniedem u s-​sofferenza li ġiet minħabba f’hekk, Alla kien jaf li din is-​sitwazzjoni temporanja ma kinitx se żżomm lura t-​twettiq tal-​iskop etern tiegħu għall-​art u għall-​bnedmin li kienu jgħixu fuqha. Għala ma ssirx taf iktar dwar dan l-​iskop u kif int tistaʼ tibbenefika mit-​twettiq glorjuż tiegħu? a

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar l-​iskop t’Alla għall-​art, aqra kapitlu 3 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 14]

Ġeħova ma ħalaqx lill-​ewwel bnedmin bħallikieku kienu xi robot programmati biex dejjem jagħmlu l-​istess ħaġa

[Kumment f’paġna 15]

Alla kien jaf li Adam u Eva kellhom l-​abbiltà li juru l-​lealtà