Privacy Settings

To provide you with the best possible experience, we use cookies and similar technologies. Some cookies are necessary to make our website work and cannot be refused. You can accept or decline the use of additional cookies, which we use only to improve your experience. None of this data will ever be sold or used for marketing. To learn more, read the Global Policy on Use of Cookies and Similar Technologies. You can customize your settings at any time by going to Privacy Settings.

KAPITLU 1

Morru u Agħmlu Dixxipli

Morru u Agħmlu Dixxipli

Ħarsa fuq fuq lejn il-ktieb tal-​Atti tal-Appostli u kif japplika għal żmienna

1-6. Irrakkonta waħda mill-esperjenzi tal-aħwa li ppritkaw f’ċirkustanzi differenti.

 REBECCA, Xhud taʼ Ġeħova żagħżugħa fil-Gana, kienet tqis l-iskola bħala t-territorju persunali tagħha. Hi dejjem kien ikollha letteratura bbażata fuq il-Bibbja fil-basket tal-iskola. Matul il-brejk, kienet tfittex opportunitajiet biex tagħti xhieda lill-istudenti sħabha. Rebecca bdiet studji tal-Bibbja maʼ diversi wħud mill-klassi tagħha.

2 Fuq il-gżira tal-Madagaskar, ftit lil hinn mill-kosta tal-Lvant tal-Afrika, żewġ pijunieri regolarment kienu jimxu xi 25 kilometru fis-sħana tropikali biex imorru f’villaġġ remot. Hemmhekk kienu jikkonduċu għadd taʼ studji tal-Bibbja maʼ wħud interessati.

3 Biex jilħqu lin-nies li jgħixu tul ix-xmajjar Paragwaj u Paraná, xi Xhieda fil-Paragwaj flimkien maʼ volontieri minn 15-il pajjiż ieħor ħadmu biex jibnu dgħajsa tax-xmajjar. Id-dgħajsa taʼ 45 tunnellata tistaʼ tesaʼ sa 12-il ruħ. Minn din id-dgħajsa, proklamaturi żelużi tas-Saltna xerrdu l-aħbar tajba fi nħawi li ma setgħux jintlaħqu mod ieħor.

4 Fit-Tramuntana Mbiegħda, xi Xhieda fl-Alaska ħadu vantaġġ minn opportunità unika biex jippritkaw matul l-istaġun turistiku tas-sajf. Meta t-temp ikun iktar sħun, vapuri tal-passiġġieri kienu jġibu viżitaturi taʼ ħafna nazzjonalitajiet differenti, u x-Xhieda lokali kienu lesti li jilqgħuhom fuq il-moll b’wirja li tolqot l-għajn taʼ letteratura Biblika b’varjetà kbira taʼ lingwi. F’dan l-istess reġjun, ajruplan wera li hu imprezzabbli f’li jilħaq villaġġi iżolati, u b’hekk jippermetti li l-aħbar tajba tiġi mxandra lill-komunitajiet taʼ Aleut, Athabascan, Tsimshian, u Tlingit.

5 Larry, fʼTexas, l-Istati Uniti tal-Amerika, kellu territorju speċjali—id-dar tal-anzjani li kien jgħix fiha. Għalkemm kien f’siġġu tar-roti minħabba aċċident, Larry żamm ruħu bieżel. Hu qasam m’oħrajn il-messaġġ tas-Saltna, inkluż it-tama tiegħu bbażata fuq il-Bibbja li taħt it-tmexxija tas-Saltna hu xi darba se jerġaʼ jimxi.—Is. 35:5, 6.

6 Biex jattendu assemblea fit-Tramuntana taʼ Mjanmar, grupp taʼ Xhieda għamlu vjaġġ taʼ tlett ijiem b’dgħajsa minn Mandalay. Kellhom sebaʼ mitt sena biex jippritkaw l-aħbar tajba, u għalhekk ħadu magħhom letteratura Biblika li offrew lill-passiġġieri sħabhom. Kull darba li d-dgħajsa kienet tieqaf f’belt jew raħal, il-pubblikaturi żelużi kienu jinżlu u malajr imorru jduru l-post joffru l-letteratura. Sadanittant, kienu jitilgħu passiġġieri ġodda fuq id-dgħajsa u jsiru “territorju ġdid” għal meta jirritornaw il-pubblikaturi tas-Saltna.

7. Il-qaddejja taʼ Ġeħova b’liema modi jagħtu xhieda dwar is-Saltna t’Alla, u x’inhi l-mira tagħhom?

7 Bħalma rajna minn dawn il-ftit eżempji tal-aħwa, qaddejja żelużi taʼ Ġeħova madwar id-dinja qegħdin ‘jagħtu xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla.’ (Atti 28:23) Huma jmorru minn dar għal dar, javviċinaw lin-nies fit-triq, jiktbu l-ittri, u jitkellmu magħhom bit-telefown. Jekk ikunu qegħdin f’tal-linja, jimxu f’xi ġonna, jew jieħdu l-brejk fil-post tax-xogħol sekulari tagħhom, huma b’ħeġġa jfittxu kull opportunità biex jagħtu xhieda dwar is-Saltna t’Alla. Il-metodi speċifiċi għandhom mnejn ivarjaw, imma l-mira hija l-istess—li jippritkaw l-aħbar tajba kull fejn jinstabu n-nies.—Mt. 10:11.

8, 9. (a) It-tkabbir tax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna għala huwa miraklu? (b) Liema mistoqsija interessanti tqum, u x’għandna bżonn nagħmlu biex insibu t-tweġiba?

8 Għażiż qarrej, qiegħed int fost il-ħafna proklamaturi tas-Saltna li bħalissa huma attivi f’iktar minn 235 pajjiż? Jekk inhu hekk, int għandek sehem f’dan it-tkabbir eċċitanti tax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna! Dak li twettaq fl-għalqa madwar id-dinja huwa miraklu. Minkejja ostakli u sfidi diffiċli—saħansitra projbizzjonijiet minn gvernijiet u persekuzzjoni diretta—ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla lin-nies tal-ġnus kollha.

9 Mistoqsija interessanti li għandna nikkunsidraw hi, Għala ebda ostaklu, lanqas saħansitra l-oppożizzjoni satanika, ma kien kapaċi jwaqqaf ix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna milli jimxi ’l quddiem? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, għandna bżonn inħarsu lura lejn l-ewwel seklu wara Kristu (WK). Wara kollox, aħna x-Xhieda taʼ Ġeħova tal-lum qed inkomplu x-xogħol li beda lura dak iż-żmien.

Inkarigu Estensiv

10. Ġesù għal xiex iddedika ruħu, u x’kien jaf dwar dan ix-xogħol?

10 Ġesù Kristu, Dak li stabbilixxa l-kongregazzjoni Kristjana, iddedika ħajtu għall-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Hu darba spjega: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla fi bliet oħra wkoll, għax għalhekk intbgħatt.” (Lq. 4:43) Ġesù kien jaf li hu kien qed jagħti bidu għal xogħol li ma setax jispiċċah waħdu. Ftit qabel mewtu, hu bassar li l-messaġġ tas-Saltna kien se jiġi pritkat “lill-popli kollha.” (Mk. 13:10) Imma kif kien se jsir dan, u minn min?

Ġesù qed ikellem folla kbira taʼ dixxipli tiegħu.

“Morru u għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli.”​—Mattew 28:19

11. Ġesù liema inkarigu importanti ta lid-dixxipli tiegħu, u liema appoġġ kienu se jingħataw biex iwettquh?

11 Wara l-mewt u l-irxoxt tiegħu, Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu u tahom dan l-inkarigu importanti: “Għalhekk, morru u għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis. U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom. Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.” (Mt. 28:19, 20) Il-kliem “jien se nibqaʼ magħkom” indika li d-dixxipli kien se jkollhom l-appoġġ tiegħu fix-xogħol tal-ippritkar u taʼ li jagħmlu dixxipli. Kien se jkollhom bżonn dan l-appoġġ, għax Ġesù kien bassar li ‘l-popli kollha se jobogħduhom.’ (Mt. 24:9) Id-dixxipli kien se jkollhom ukoll għajnuna minn sors ieħor. Eżatt qabel ma telaʼ fis-sema, Ġesù qalilhom li l-ispirtu qaddis kien se jagħtihom il-qawwa biex ikunu xhieda tiegħu “fl-art kollha.”—Atti 1:8.

12. Liema mistoqsijiet importanti jqumu, u għala hu vitali li nkunu nafu t-tweġibiet?

12 Issa jqumu xi mistoqsijiet importanti: L-appostli taʼ Ġesù u d-dixxipli l-oħrajn tal-ewwel seklu, ħadu l-inkarigu tagħhom bis-serjetà? Dan il-grupp relattivament żgħir taʼ rġiel u nisa Kristjani, taw xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla minkejja persekuzzjoni ħarxa? Kellhom verament l-appoġġ t’Alla Ġeħova, taʼ Ġesù Kristu, tal-anġli, u tal-ispirtu qaddis fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli? Dawn il-mistoqsijiet u oħrajn relatati magħhom jitwieġbu fil-ktieb Bibliku tal-​Atti. Huwa vitali li nkunu nafu t-tweġibiet. Għala? Għax Ġesù wiegħed li x-xogħol li inkarigahom bih kien se jkompli “sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.” Għalhekk, dan l-inkarigu japplika għall-Kristjani veri kollha, inkluż aħna li qed ngħixu fiż-żmien tal-aħħar. B’hekk, għandna interess kbir fir-rakkont storiku li hemm fil-ktieb tal-​Atti.

Ħarsa Fuq Fuq Lejn il-Ktieb tal-​Atti

13, 14. (a) Min kiteb il-ktieb tal-​Atti, u l-kittieb kif kiseb l-informazzjoni tiegħu? (b) Fil-ktieb tal-​Atti xi nsibu?

13 Min kiteb il-ktieb tal-​Atti? Il-ktieb stess qatt ma jsemmi min kitbu, imma mill-kliem tal-ftuħ jidher ċar li l-kittieb tal-​Atti kiteb ukoll l-Evanġelju taʼ Luqa. (Lq. 1:1-4; Atti 1:1, 2) B’hekk, minn żminijiet bikrin, Luqa, “tabib maħbub” u storjografu diliġenti, kien kunsidrat bħala l-kittieb tal-​Atti. (Kol. 4:14) Il-ktieb ikopri perijodu taʼ madwar 28 sena, mit-tlugħ taʼ Ġesù fis-sema fis-sena 33 WK sat-tmiem tal-priġunerija tal-appostlu Pawlu f’Ruma madwar is-sena 61 WK. Il-fatt li Luqa jinkludi lilu nnifsu f’siltiet tar-rakkont jissuġġerixxi li hu kien preżenti f’ħafna mill-ġrajjiet li jiddeskrivi. (Atti 16:8-10; 20:5; 27:1) Bħala riċerkatur li kien jidħol fid-dettall, Luqa x’aktarx li kiseb informazzjoni direttament mingħand Pawlu, Barnaba, Filippu, u oħrajn imsemmijin fir-rakkont.

14 Fil-ktieb tal-​Atti xi nsibu? Iktar qabel, fl-Evanġelju tiegħu, Luqa kiteb dwar l-affarijiet li qal u għamel Ġesù. Madankollu, fil-ktieb tal-​Atti, Luqa jirrapporta dwar dak li qalu u għamlu s-segwaċi taʼ Ġesù. Għalhekk, il-ktieb tal-​Atti hu dwar nies li wettqu xogħol straordinarju, għalkemm ħafna minnhom kienu meqjusin minn oħrajn bħala wħud “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Fil-qosor, ir-rakkont ispirat jgħidilna kif ġiet stabbilita l-kongregazzjoni Kristjana u kif kibret. Atti juri kif ippritkaw il-Kristjani tal-ewwel seklu—il-metodi u l-attitudni tagħhom. (Atti 4:31; 5:42) Jenfasizza l-irwol tal-ispirtu qaddis fit-tixrid tal-aħbar tajba. (Atti 8:29, 39, 40; 13:1-3; 16:6; 18:24, 25) Atti jiġbed l-attenzjoni lejn it-tema tal-Bibbja, li tinvolvi li jiġi mqaddes isem Alla permezz tas-Saltna mmexxija minn Kristu, u juri kif il-messaġġ tas-Saltna nxtered b’mod trijonfanti minkejja oppożizzjoni ħarxa.—Atti 8:12; 19:8; 28:30, 31.

15. B’liema modi se nibbenefikaw waqt li neżaminaw il-ktieb tal-​Atti?

15 Tabilħaqq, li neżaminaw il-ktieb Bibliku tal-​Atti huwa eċċitanti u jsaħħilna l-fidi! Jekk nirriflettu fuq l-eżempju qalbieni u żeluż tas-segwaċi taʼ Kristu tal-bidu, qalbna se titqanqal. Se niġu motivati nimitaw il-fidi taʼ ħutna tal-ewwel seklu. B’hekk, se nkunu armati aħjar ħalli nwettqu l-inkarigu tagħna biex ‘immorru u ngħallmu n-nies . . . biex isiru dixxipli.’ Il-pubblikazzjoni li qed taqra bħalissa hija disinjata biex tgħinek tagħmel studju diliġenti tal-ktieb tal-​Atti.

Għodda għall-Istudju tal-Bibbja Biex Tgħinna

16. X’inhuma t-tliet objettivi taʼ din il-pubblikazzjoni?

16 X’inhu l-iskop ġenerali taʼ din il-pubblikazzjoni? It-tliet objettivi taʼ dan il-ktieb huma (1) biex isaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Ġeħova qed jappoġġa x-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli, (2) biex iqanqal iż-żelu tagħna għall-ministeru billi neżaminaw l-eżempju tas-segwaċi taʼ Kristu tal-ewwel seklu, u (3) biex ikabbar ir-rispett tagħna għall-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u għal dawk li qed jieħdu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar u f’li jindokraw lill-kongregazzjonijiet.

17, 18. Din il-pubblikazzjoni kif inhi mqassma, u liema aspetti se jkunu t’għajnuna fl-istudju persunali tal-Bibbja?

17 Din il-pubblikazzjoni kif inhi mqassma? Se tinnota li hi mqassma fi tmien taqsimiet u kull waħda tkopri parti mill-ktieb tal-​Atti. Il-mira tal-kapitli li jmiss mhijiex li tipprovdi diskussjoni vers vers tal-​Atti. Minflok, hi li tislet lezzjonijiet mill-ġrajjiet li hemm imniżżlin f’dan il-ktieb Bibliku u li tgħinna naraw kif nistgħu napplikaw personalment il-punti li nitgħallmu. Fil-bidu taʼ kull kapitlu hemm frażi li tispjega l-punt prinċipali taʼ dak il-kapitlu u Skrittura ċitata li tindika s-silta mill-ktieb tal-​Atti li se tiġi diskussa.

18 Hemm aspetti oħrajn taʼ din il-pubblikazzjoni li se jkunu t’għajnuna fl-istudju persunali tal-Bibbja. Stampi mill-isbaħ li juru ġrajjiet eċċitanti tal-ktieb tal-​Atti se jgħinuk iġġib quddiem għajnejk x’kien qed jiġri hekk kif tirrifletti fuq ir-rakkont Bibliku. F’ħafna kapitli hemm kaxxi li fihom materjal addizzjonali li hu t’għajnuna. Ċerti kaxxi fihom informazzjoni dwar karattru Bibliku li l-fidi tiegħu hi taʼ min jimitaha. Kaxxi oħrajn jagħtu iktar dettalji dwar postijiet, ġrajjiet, drawwiet, jew karattri oħrajn li huma msemmijin fl-​Atti.

Ħu jagħti territorju lill-koppja biex jippritkaw.

Aħdem it-territorju assenjat lilek b’sens t’urġenza

19. Minn żmien għal żmien liema eżami tagħna nfusna għandna nagħmlu?

19 Din il-pubblikazzjoni tistaʼ tgħinek tagħmel eżami onest tiegħek innifsek. Ilek kemm ilek taqdi bħala pubblikatur tas-Saltna, huwa tajjeb li minn żmien għal żmien tieqaf u tanalizza l-prijoritajiet tiegħek fil-ħajja u l-ħarsa tiegħek lejn il-ministeru Kristjan. (2 Kor. 13:5) Staqsi lilek innifsek: ‘Qed inżomm sens t’urġenza fil-ministeru tiegħi? (1 Kor. 7:29-31) Qed nipprietka l-aħbar tajba b’konvinzjoni u żelu? (1 Tess. 1:5, 6) Qed nieħu sehem kemm jistaʼ jkun fix-xogħol tal-ippritkar u taʼ li nagħmel dixxipli?’—Kol. 3:23.

20, 21. L-inkarigu tagħna għala hu daqstant urġenti, u x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?

20 Ejja dejjem niftakru li aħna ġejna inkarigati biex nagħmlu xogħol importanti—li nippritkaw u nagħmlu dixxipli. Maʼ kull ġurnata li tgħaddi, l-inkarigu tagħna jsir iktar urġenti. It-tmiem taʼ din is-sistema qed jersaq b’pass mgħaġġel. Qatt qabel ma kien hawn daqstant ħajjiet fil-periklu. Ma nafux kemm iktar uħud b’attitudni xierqa għad iridu jwieġbu għall-messaġġ tagħna. (Atti 13:48) Imma hija r-responsabbiltà tagħna li ngħinu lil uħud bħal dawn qabel ma jkun tard wisq.—1 Tim. 4:16.

21 Għalhekk, huwa vitali li nimitaw l-eżempju taʼ predikaturi żelużi tas-Saltna tal-ewwel seklu. Jalla l-istudju diliġenti tiegħek taʼ din il-pubblikazzjoni jqanqlek tipprietka dejjem b’iktar żelu u qlubija. U jalla d-determinazzjoni tiegħek tiġi msaħħa biex tkompli ‘tagħti xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla.’—Atti 28:23.