Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sena fl-“Art Tajba”

Sena fl-“Art Tajba”

Sena fl-​“Art Tajba”

FL-​1908 saret sejba meraviljuża fil-​post fejn kien hemm il-​belt Biblika taʼ Geżer, li tinsab mal-​kosta fil-​lvant taʼ Ġerusalemm: plakka, jew tavla, żgħira tal-​ġebel, li huwa maħsub li ilha teżisti mill-​għaxar seklu Q.E.K. Fuqha, b’kitba Ebrajka tal-​qedem, instabet dik li jaħsbu li hi verżjoni simplifikata taʼ sena, jew ċiklu, taʼ l-​agrikultura, bid-​diversi attivitajiet li jkun fiha. Din it-​tavla saret magħrufa bħala l-​Kalendarju taʼ Geżer.

It-tavla fiha firma: Abija. Għalkemm mhux l-​arkeoloġi kollha jaqblu dwar dan, ħafna jikkunsidrawha bħala eżerċizzju taʼ tifel taʼ l-​iskola li kitibha bi stil poetiku. * Tixtieq tara l-​mogħdija taʼ l-​istaġuni mill-​ħarsa taʼ tifel li kien jgħix f’dak iż-​żmien? Dan għandu mnejn jgħinek tiftakar f’xi ġrajjiet Bibliċi.

Xahrejn taʼ Ġbir

Il-​kittieb taʼ dan il-​kalendarju antik beda bil-​ġbir ġenerali. Għalkemm ġie mniżżel fl-​ewwel post f’dan il-​kalendarju, tistaʼ tifhem għala l-​Iżraelin kienu jikkunsidraw il-​ġbir bħala l-​quċċata, jew it-​tmiem, tal-​parti l-​kbira tas-​sena taʼ l-​agrikultura. Ix-​xahar t’Etanim (iktar tard Tixri) jikkorrispondi maʼ Settembru/Ottubru tal-​kalendarju taʼ llum. Minħabba li l-​maġġorparti tal-​ħsad ikun tlesta, dan kien żmien taʼ ffesteġġjar partikulari li x’aktarx kien jinvolvi liċ-​ċkejken Abija. Immaġina kemm kien ikun ferħan waqt li jgħin lil missieru jagħmel l-​għarix li kien se jkun id-​dar tagħhom għal ġimgħa hekk kif bil-​ferħ irringrazzjaw lil Ġeħova għall-​frott taʼ l-​għelieqi tagħhom!​—Dewteronomju 16:​13-​15.

Għal din il-​ħabta, iż-​żebbuġ kien ikun kważi lest biex il-​familja t’Abija taħsdu billi ssawwat il-​friegħi tas-​siġar, biċċa xogħol li setgħet kienet iebsa wisq għaċ-​ċkejken Abija imma interessanti biex jaraha ssir. (Dewteronomju 24:20) Imbagħad huma kienu jiġbru ż-​żebbuġ u jiħduh fl-​eqreb magħsar biex jagħmlu ż-​żejt. Jew familja setgħet tikseb ftit żejt b’mod iktar sempliċi​—dak li jpoġġu fl-​ilma żebbuġ imsawwat jew maqsum u mbagħad jiġbru kwalunkwe żejt li jitlaʼ fil-​wiċċ. Kien x’kien il-​każ, dan il-​likwidu prezzjuż ma kienx tajjeb biss għall-​ikel. Dan kien jintuża wkoll bħala żejt għal-​lampi u biex jiġu kkurati tbenġil u feriti, it-​tip li ċ-​ċkejken Abija kien jagħmel waqt li jkun qed jilgħab.

Xahrejn taʼ Żrigħ

Jistaʼ jkun li meta kienet tibda tagħmel ix-​xita, iċ-​ċkejken Abija kien jieħu gost bl-​ilma rifreskanti li jaqaʼ fuqu. Missieru x’aktarx li kien jgħidlu kemm ix-​xita kienet importanti għall-​għelieqi. (Dewteronomju 11:14) Il-​ħamrija, imwebbsa bix-​xemx għal xhur sħaħ, kienet tirtab u ssir lesta biex tinħarat. Min kien jaħrat fl-​antik kien jidderieġi bis-​sengħa l-​moħriet taʼ l-​injam tiegħu, li forsi kien ikollu ponta tal-​metall, hekk kif bhima kienet tiġbdu warajha. Il-​mira kienet li jagħmel raddi dritti fil-​ħamrija. L-​art kienet prezzjuża, allura l-​bdiewa Iżraelin kienu saħansitra jużaw biċċiet żgħar taʼ l-​art, inkluż dawk għan-​niżla. Imma f’dawn il-​postijiet jistaʼ jkun li kellhom jużaw apparat li jintuża bl-​idejn.

Ladarba kienu jaħartu l-​ħamrija ratba, huma setgħu jiżirgħu l-​qamħ u x-​xgħir. Huwa interessanti li fuq il-​Kalendarju taʼ Geżer il-​kitba li jmiss tirreferi għal xahrejn taʼ żrigħ bħal dan. X’aktarx li min jiżraʼ kien iġorr iż-​żerriegħa f’parti minn ħwejġu u jxerridha billi jxejjer idu fl-​arja qisu qed jiknes.

Xahrejn taʼ Żrigħ Tard

L-​“art tajba” qatt ma kienet tieqaf tipproduċi l-​ikel. (Dewteronomju 3: 25) Matul Diċembru, ix-​xita kienet tilħaq il-​quċċata tagħha u l-​kampanja kienet tiħdar. Dan kien iż-​żmien taż-​żrigħ tard tal-​legumi, bħall-​piżelli u ċ-​ċiċri, kif ukoll taʼ ħaxix ieħor. (Għamos 7:​1, 2) Fuq it-​tavla, Abija lil dan iż-​żmien sejjaħlu “mergħat fir-​rebbiegħa,” jew skond traduzzjoni oħra “żrigħ tard,” żmien taʼ ikliet delizzjużi magħmulin minn ħafna ħaxix taʼ dan l-​istaġun.

Hekk kif l-​istaġun kemxejn kiesaħ jibda jisħon, is-​siġra tal-​lewż, sinjal tar-​rebbiegħa, tiffjorixxi bi fjuri bojod u roża. Dan setaʼ jibda maʼ l-​iċken ammont taʼ sħana, saħansitra kmieni f’Jannar.​—Ġeremija 1:​11, 12.

Xahar Jaqtgħu l-​Kittien

Abija issa jsemmi l-​kittien. Dan għandu mnejn ifakkrek fl-​episodju li ġara sekli qabel żmien Abija fin-​naħa tal-​lvant taʼ l-​għoljiet tal-​Lhudija. Fil-​belt taʼ Ġeriko, Raħab ħbiet żewġ spiji “qalb il-​ħatab tal-​kittien, li kellha maħżun” li kien jitpoġġa biex jinxef fuq il-​bejt. (Ġożwè 2:6) Il-​kittien kellu rwol importanti fil-​ħajja taʼ l-​Iżraelin. Biex joħorġu l-​fibra tal-​kittien, il-​materjal tal-​pjanta l-​ewwel kellu jitherra. Dan kellu jseħħ bil-​mod permezz tan-​nida jew iktar malajr billi jqiegħdu l-​kittien f’għadira jew f’nixxiegħa. Ladarba jifirdu l-​kittien, il-​fibra tiegħu kienet tintuża biex jipproduċu l-​ħarir, li mbagħad bih kienu jagħmlu qlugħ, tined, u ħwejjeġ. Il-​kittien kien jintuża wkoll biex jagħmlu l-​ftila tal-​lampi.

Xi wħud joġġezzjonaw għall-​idea li l-​kittien kien jiġi kultivat fl-​inħawi taʼ Geżer, fejn l-​ilma kien xi ftit jew wisq skars. Oħrajn jgħidu li l-​kittien jikber biss iktar tard fis-​sena. Dan hu għala xi wħud jgħidu li fil-​Kalendarju taʼ Geżer, il-​kelma “kittien” kienet sinonima maʼ ħaxix taʼ l-​għalf.

Xahar taʼ Ħsad tax-​Xgħir

Kull sena, qrib iż-​żmien taʼ l-​ekwinozju tar-​rebbiegħa, Abija kien josserva s-​sbul aħdar tax-​xgħir, il-​ħsad li jsemmi issa fuq il-​kalendarju tiegħu. Ix-​xahar li jikkorrispondi maʼ dan iż-​żmien bl-​Ebrajk jissejjaħ Abib, jiġifieri “Sbul Aħdar,” li x’aktarx jirreferi għall-​proċess meta s-​sbul ikun sar imma jkun għadu artab. Ġeħova kkmanda: “Ħares ix-​xahar taʼ Abib, u agħmel il-​festa taʼ l-​Għid f’ġieħ il-​Mulej.” (Dewteronomju 16:1) Abib (iktar tard imsejjaħ Nisan) jikkorrispondi maʼ partijiet taʼ Marzu u April taʼ llum. Iż-​żmien meta x-​xgħir kien ikun misjur jistaʼ jkun li kellu rwol f’li jiġi determinat il-​bidu taʼ dan ix-​xahar. Anki llum, il-​Lhud Karaite josservaw dan iż-​żmien meta x-​xgħir kien ikun sar biex jistabbilixxu s-​sena l-​ġdida tagħhom. Kien x’kien il-​każ, l-​ewwel frott tax-​xgħir kellu jiġi mxejjer quddiem Ġeħova fis-​16 t’Abib.​—Levitiku 23:​10, 11.

Ix-xgħir kellu rwol importanti ħafna fil-​ħajja taʼ kuljum taʼ ħafna mill-​Iżraelin. Ladarba x-​xgħir kien orħos mill-​qamħ, il-​foqra b’mod partikulari spiss kienu jippreferu lilu biex jagħmlu l-​ħobż.​—Eżekjel 4:​12.

Xahar taʼ Ħsad u Kejl

Jekk taħseb dwar żmien Abija, tistaʼ timmaġina li darba kmieni fil-​għodu hu setaʼ nnota s-​sħab iswed jgħib​—daqshekk xita għal ftit taż-​żmien. Ix-​xtieli taʼ l-​art tajba issa kienu jiddependu min-​nida. (Ġenesi 27:28; Żakkarija 8:​12) Il-​bdiewa Iżraelin kienu jafu li ħafna prodotti tar-​rabaʼ li kienu jinħasdu matul l-​iktar xhur xemxin tas-​sena kienu jeħtieġu bilanċ ħafif taʼ rjieħ sa Pentekoste. Ir-​riħ kiesaħ u bix-​xita li jiġi mit-​tramuntana setaʼ kien taʼ ġid għall-​iżvilupp taċ-​ċereali, imma dan kien jagħmel il-​ħsara lis-​siġar tal-​frott jekk dawn ikunu rmew iż-​żahar. Ir-​riħ sħun u xott min-​nofsinhar kien jgħin biex iż-​żahar jinfetħu u jiddakkru.​—Proverbji 25:23; Għanja taʼ Salamun 4:​16.

Ġeħova, is-​Sid taʼ l-​elementi, kien ta bidu għal sistema ekoloġika li taħdem f’armonija sħiħa. Fi żmien Abija, Iżrael kien tassew “art tal-​qamħ, tax-​xgħir, tad-​dwieli, tat-​tin, tar-​rummien; art taż-​żebbuġ, taż-​żejt, taʼ l-​għasel.” (Dewteronomju 8:8) In-​nannu t’Abija x’aktarx li qallu dwar il-​perijodu straordinarju t’abbundanza taħt il-​ħakma tas-​Sultan għaref Salamun​—evidenza ċara tal-​barka taʼ Ġeħova.​—1 Slaten 4:​20.

Wara li semma l-​ħsad, il-​kalendarju kien fih kelma li xi wħud jiħduha bħala li tfisser “tkejjel.” Dan għandu mnejn jirreferi għall-​kejl tal-​ħsad sabiex jingħataw porzjonijiet lis-​sidien taʼ l-​għalqa u lill-​ħaddiema jew saħansitra biex bihom titħallas it-​taxxa. Madankollu, studjużi oħrajn jifhmu l-​kelma Ebrajka bħala li tfisser “iffesteġġjar” u jaħsbu li din il-​kelma talludi għall-​Festa tal-​Ġimgħat, li kienet issir għall-​ħabta tax-​xahar taʼ Sivan (Mejju/Ġunju).​—Eżodu 34:22.

Xahrejn taʼ Qtugħ tal-​Weraq

Abija mbagħad kiteb dwar xahrejn li fihom kienu jieħdu ħsieb id-​dwieli. Kien hu jagħti xi daqqa t’id biex jaqlaʼ l-​weraq abbundanti mid-​dielja sabiex ix-​xemx tilħaq l-​għeneb? (Isaija 18:5) Imbagħad kien jasal iż-​żmien biex jiġbru l-​għeneb, perijodu taʼ ferħ għal xi ħadd żagħżugħ f’dak iż-​żmien. Kemm kien tajjeb l-​ewwel għeneb misjur li kienu jaqtgħu! X’aktarx li Abija kien semaʼ dwar it-​12-il spija li ntbagħtu fl-​Art Imwiegħda minn Mosè. Huma marru fiż-​żmien taʼ l-​ewwel frott taʼ l-​għeneb misjur biex jaraw kemm kienet tajba l-​art. F’din l-​okkażjoni, għanqud wieħed taʼ l-​għeneb tant kien kbir li kien jeħtieġ żewġt irġiel biex iġorruh!​—Numri 13:​20, 23.

Xahar taʼ Frott tas-​Sajf

L-​aħħar ħaġa li kiteb Abija fuq il-​kalendarju rreferiet għall-​frott tas-​sajf. Fil-​Lvant Nofsani tal-​qedem, is-​sajf kien il-​parti mis-​sena taʼ l-​agrikultura li kienet tiffoka fuq il-​frott. Wara żmien Abija, Ġeħova uża l-​espressjoni “qoffa bil-​frott tas-​sajf” biex jagħti tixbiha tal-​fatt li kien ‘wasal it-​tmiem għall-​poplu tiegħu Iżrael,’ billi lagħab bil-​kliem Ebrajk għall-​“frott tas-​sajf” u “tmiem.” (Għamos 8:2) Dan kellu jfakkar lil Iżrael żleali li kien wasal fi tmiemu u li Ġeħova kien se jesegwixxi ġudizzju dalwaqt. It-​tin żgur li kien fost il-​frott tas-​sajf li kien qed jirreferi għalih Abija. It-​tin tas-​sajf jistaʼ jkun li kien jintgħamel f’ċapep biex jittiekel jew jintuża bħala ġbara li jagħmluha fuq il-​ġrieħi.​—2 Slaten 20:7.

Il-​Kalendarju taʼ Geżer u Int

Iċ-​ċkejken Abija x’aktarx li kellu kuntatt dirett max-​xogħol taʼ l-​agrikultura fil-​pajjiż. L-​attivitajiet tal-​biedja kienu komuni fost l-​Iżraelin taʼ dak iż-​żmien. Anki jekk m’intix f’kuntatt mill-​qrib max-​xogħol taʼ l-​agrikultura, ir-​referenzi taʼ din it-​tavla minn Geżer jistgħu jkunu t’għajnuna biex il-​qari tal-​Bibbja tiegħek ikun wieħed ħaj, għaliex tibda tifhmu aħjar u jkollu iktar tifsir għalik.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 3 M’hemmx qbil totali dwar ix-​xebh bejn il-​lista fuq il-​Kalendarju taʼ Geżer u x-​xhur li ġeneralment isegwu lil xulxin fil-​Bibbja. Iktar minn hekk, xi xogħlijiet taʼ l-​agrikultura setgħu kienu jseħħu fi żminijiet daqsxejn differenti fid-​diversi nħawi taʼ l-​Art Imwiegħda.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 11]

TRADUZZJONI POSSIBBLI TAL-​KITBA TAL-​KALENDARJU TAʼ GEŻER:

“Xhur tal-​ħsad taʼ l-​għeneb u ż-​żebbuġ; xhur taʼ żrigħ;

xhur tal-​mergħat fir-​rebbiegħa;

xahar tal-​qtugħ tal-​kittien;

xahar tal-​ħsad tax-​xgħir;

xahar tal-​ħsad u l-​kejl tal-​qamħ;

xahar taż-​żbir;

xahar tal-​frott tas-​sajf.”

[iffirmat:] Abija *

[Nota taʼ taħt]

^ par. 40 Ibbażat fuq il-​ktieb Textbook of Syrian Semitic Inscriptions, l-​1 Volum, minn John C. L. Gibson, 1971.

[Sors]

Archaeological Museum of Istanbul

[Tabella/Stampi f’paġna 9]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

NISAN (ABIB)

Marzu​—April

IJJAR (ŻIW)

April​—Mejju

SIVAN

Mejju​—Ġunju

TAMMUŻ

Ġunju​—Lulju

AB

Lulju​—Awissu

ELUL

Awissu​—Settembru

TIXRI (ETANIM)

Settembru​—Ottubru

ĦESWAN (BUL)

Ottubru​—Novembru

ĊISLEV

Novembru​—Deċembru

TEBET

Diċembru​—Jannar

XEBAT

Jannar​—Frar

ADAR

Frar​—Marzu

VEADAR

Marzu

[Sors]

: Garo Nalbandian

[Stampa f’paġna 8]

Fdalijiet f’Gezer

[Sors]

© 2003 BiblePlaces.com

[Stampi f’paġna 10]

Siġra tal-​lewż

[Stampi f’paġna 10]

Pjanta tal-​kittien

[Sors]

Dr. David Darom

[Stampi f’paġna 10]

Xgħir

[Sors]

U.S. Department of Agriculture