Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Gradwati taʼ Gilgħad Joħorġu b’Żelu Kbir għax-Xogħol tal-Ħsad!

Il-Gradwati taʼ Gilgħad Joħorġu b’Żelu Kbir għax-Xogħol tal-Ħsad!

Il-​Gradwati taʼ Gilgħad Joħorġu b’Żelu Kbir għax-​Xogħol tal-​Ħsad!

“IL-​ĦSAD huwa kbir, iżda l-​ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu.” (Mattew 9:37, 38) Dan il-​kliem kellu tifsir speċjali għall-​istudenti li ggradwaw mill-​116-il klassi taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) waqt li ppreparaw biex joħorġu għall-​inkarigi missjunarji tagħhom.

Nhar is-​Sibt, 13 taʼ Marzu, 2004, 6,684 ruħ iltaqgħu fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower f’Patterson, New York, għall-​programm tal-​gradwazzjoni. Faċilitajiet taʼ Betel oħrajn kienu kollegati bit-​televixin sabiex isegwu dan il-​programm li fih il-​membri tal-​klassi ngħataw pariri u inkuraġġiment taʼ l-​aħħar. Ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw mill-​pariri li ngħataw hekk kif naħdmu b’mod żeluż fil-​ħsad spiritwali.

Il-kliem tal-​ftuħ minn Theodore Jaracz, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna u gradwat tas-​sebaʼ klassi taʼ Gilgħad, enfasizza l-​kliem taʼ Ġesù: “Morru . . . agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.” (Mattew 28:19, 20) Kemm kien xieraq dan, ladarba l-​gradwati ntbagħtu biex jaqdu f’20 pajjiż differenti! Hu fakkar lill-​istudenti li l-​istruzzjoni mill-​Kelma t’Alla ħejjiethom bis-​sħiħ biex ikunu ħaddiema żelużi fix-​xogħol tal-​ħsad tant importanti.—Mattew 5:16.

Kif Ikunu Produttivi fix-​Xogħol tal-​Ħsad

L-​ewwel kelliemi fil-​programm kien Robert Wallen, li ilu assoċjat mill-​qrib maʼ l-​iskola taʼ Gilgħad għal snin sħaħ. Waqt li tkellem fuq it-​tema “Is-​Sbuħija tal-​Mogħdrija,” hu qal lill-​istudenti: “Il-​mogħdrija hija l-​lingwa li anki t-​torox jistgħu jisimgħu u l-​għomja jistgħu jaraw.” Ġesù kien jaf sew bit-​tbatija t’oħrajn u fittex li jnaqqsilhom minn dak il-​piż. (Mattew 9:36) L-​istudenti se jsibu ħafna opportunitajiet biex jagħmlu l-​istess—fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, fil-​kongregazzjoni, fid-​dar missjunarja, u fiż-​żwieġ tagħhom stess. Il-​kelliemi ħeġġiġhom: “Ħallu s-​sbuħija tal-​mogħdrija tidher fil-​ħajja tagħkom waqt li taqdu lill-​oħrajn. L-​aħjar imġiba tagħkom biss hija tajba biżżejjed għall-​ħajja taʼ kuljum fid-​dar missjunarja. Għalhekk, kunu determinati li tilbsu l-​mogħdrija.”—Kolossin 3:12.

Imbagħad Gerrit Lösch, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna u gradwat tal-​41 klassi taʼ Gilgħad, żviluppa s-​suġġett “Pubblikaturi tas-​Salvazzjoni.” (Isaija 52:7) Sabiex in-​nies ikunu salvati fiżikament meta tinqered is-​sistema dinjija preżenti, iridu jieħdu għarfien eżatt mill-​Kelma t’Alla, jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-​fidi tagħhom, u jitgħammdu. (Rumani 10:10; 2 Timotju 3:15; 1 Pietru 3:21) Madankollu, ir-​raġuni prinċipali għala tiġi dikjarata s-​salvazzjoni m’hijiex is-​salvazzjoni tal-​bnedmin imma biex l-​isem t’Alla jiġi mfaħħar. Għalhekk, Ħuna Lösch ħeġġeġ lill-​missjunarji prospettivi: “Ħudu l-​messaġġ tas-​Saltna sa truf l-​art, u kunu pubblikaturi żelużi tas-​salvazzjoni, kollox għat-​tifħir taʼ Jehovah.”—Rumani 10:18.

“Kemm Tibbrillaw?” kienet il-​mistoqsija li qajjem Lawrence Bowen, wieħed mill-​għalliema taʼ Gilgħad. Hu rrefera għall-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’​Mattew 6:22 (NW) u inkuraġġixxa lill-​istudenti li kienu se jiggradwaw biex iżommu għajnejhom “sempliċi” sabiex ‘jirriflettu d-​dawl spiritwali li jigglorifika lil Jehovah u jibbenefika lill-​bnedmin sħabhom.’ Mill-​bidu tal-​ministeru tiegħu, Ġesù ħalla eżempju perfett f’dan ir-​rigward billi baqaʼ ffokat fuq li jagħmel ir-​rieda t’Alla. Ġesù ssaporta l-​provi minn Satana fid-​deżert billi mmedita fuq l-​affarijiet meraviljużi li kien għallmu Missieru fis-​sema. (Mattew 3:16; 4:1-11) Ġesù straħ kompletament fuq Jehovah sabiex iwettaq l-​inkarigu li Alla kien tah biex jagħmel. Bl-​istess mod, sabiex jilqgħu l-​isfidi li hemm quddiemhom, il-​missjunarji għandhom ikomplu bid-​drawwiet tajbin taʼ studju tal-​Bibbja u jistrieħu kompletament fuq Jehovah.

Mark Noumair, għalliem ieħor taʼ Gilgħad u gradwat mis-​77 klassi taʼ Gilgħad, ikkonkluda din is-​serje taʼ taħditiet, billi tkellem dwar it-​tema “Hawn Aħna f’Idek.” (Ġożwè 9:25) Hu inkuraġġixxa lill-​istudenti biex jimitaw l-​attitudni tal-​Gibgħonin tal-​qedem. Għalkemm Gibgħon kienet ‘belt kbira u niesha kienu nies qalbiena,’ il-​Gibgħonin ma talbux prominenza jew stennew li l-​affarijiet isiru kif kien jaqbel lilhom. (Ġożwè 10:2) Huma minn jeddhom kienu jaqdu bħala wħud li “jaqtgħu l-​ħatab u jġorru l-​ilma” taħt il-​kmand tal-​Leviti biex jappoġġaw il-​qima taʼ Jehovah. (Ġożwè 9:27) Fil-​fatt, il-​membri tal-​klassi li ggradwaw qalu lil Ġożwè Akbar, Ġesù Kristu, “Hawn aħna f’idek.” Issa, hekk kif jibdew l-​inkarigi tagħhom f’pajjiżi barranin, huma jridu jaċċettaw kwalunkwe xogħol li jagħtihom Ġożwè Akbar.

Esperjenzi u Intervisti

“Fissru Ċar l-​Iskrittura” kienet it-​tema tad-​diskussjoni li wieħed mill-​għalliema, Wallace Liverance, gradwat tal-​61 klassi taʼ Gilgħad, kellu maʼ grupp taʼ studenti. Huma rrakkontaw u rreċtaw esperjenzi li kienu gawdew fil-​ministeru taʼ l-​għalqa fil-​perijodu li damet sejra l-​iskola. Deher ċar li l-​istudju intensiv tagħhom taʼ l-​Iskrittura matul il-​ħames xhur taʼ taħriġ kien laħqilhom qalbhom u mmotivahom biex jaqsmu m’oħrajn dak li kienu tgħallmu. (Luqa 24:32) Matul il-​kors taʼ ħames xhur, wieħed mill-​istudenti rnexxielu jaqsam maʼ ħuh dak li kien qed jitgħallem. Dan inkuraġġixxa lil ħuh biex ifittex il-​kongregazzjoni tal-​lokal u jibda jistudja l-​Bibbja. Issa ħuh ikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed.

Wara dawn l-​esperjenzi, Richard Ashe u John Gibbard intervistaw diversi wħud li ilhom snin sħaħ jaqdu lil Jehovah lealment, inkluż xi indokraturi li jivvjaġġaw li kienu qed jieħdu taħriġ speċjali fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower. Huma kienu gradwati mill-​klassijiet taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad tal-​passat. Wieħed minnhom ftakar dak li kien qal Ħuna Knorr matul il-​kors: “F’Gilgħad se tagħmlu ħafna studju. Imma jekk tispiċċaw biex tikber raskom, aħna nkunu fallejna. Aħna rridu li tispiċċaw b’qalb kbira.” L-​aħwa li jivvjaġġaw taw il-​parir lill-​membri tal-​klassi preżenti biex ikunu konċernati dwar in-​nies, biex jaġixxu m’oħrajn bħalma kien jagħmel Kristu, u biex jaċċettaw bl-​umiltà kwalunkwe inkarigu li jingħataw. Jekk japplikaw dawn il-​pariri, mingħajr dubju dawn il-​missjunarji ġodda se jiġu megħjunin sabiex ikunu produttivi fl-​inkarigi tagħhom.

Oħorġu b’Żelu għax-​Xogħol tal-​Ħsad!

L-​udjenza kellha l-​opportunità tismaʼ lil Stephen Lett, membru ieħor tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Dan ta t-​taħdita prinċipali tal-​programm, bit-​titlu “Oħorġu b’Żelu għax-​Xogħol tal-​Ħsad!” (Mattew 9:38) Fi ħsad letterali, iż-​żmien biex taħsad għalqa huwa limitat. Hemm bżonn li dawk li jagħmlu x-​xogħol tal-​ħsad jaħdmu iebes. Kemm hu iktar importanti dan matul it-​tmiem taʼ din is-​sistema dinjija! Fil-​ħsad spiritwali kbir, hemm il-​ħajjiet fin-​nofs. (Mattew 13:39) Ħuna Lett inkuraġġixxa lill-​gradwati biex ma ‘jitnikkrux f’xogħolhom’ imma biex ikunu “mħeġġin bl-​ispirtu” u ‘jitjassru għal Jehovah’ f’dan il-​ħsad li qatt m’hu se jerġaʼ jsir. (Rumani 12:11, NW) Il-​kelliemi kkwota l-​kliem taʼ Ġesù: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-​għelieqi bjadu għall-​ħsad!” (Ġwanni 4:35) Hu mbagħad ħeġġeġ lill-​gradwati biex juru ż-​żelu tagħhom għax-​xogħol tal-​ħsad billi jagħmlu sforz sinċier biex jilħqu lin-​nies meta u fejn jistgħu jinstabu u billi jieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex jagħtu xiehda informali. Jekk jaħtfu kull opportunità biex jagħtu xiehda jkunu iktar effettivi. Jehovah hu Alla żeluż, u hu jistenna li lkoll kemm aħna nimitawh u naħdmu iebes fil-​ħsad spiritwali.—2 Slaten 19:31; Ġwanni 5:17.

Biex jikkonkludi l-​programm, Ħuna Jaracz, li kien iċ-​chairman, qara tislijiet minn diversi uffiċċji tal-​fergħat u ppreżenta lill-​istudenti bid-​diplomi tagħhom. Wieħed mill-​gradwati qara ittra mingħand il-​membri tal-​klassi, li fiha esprimew l-​apprezzament profond tagħhom għat-​taħriġ li ħadu. B’mod ċar, il-​programm tal-​gradwazzjoni tal-​116-il klassi qanqal lil dawk kollha fl-​attendenza biex ikunu iktar determinati biex joħorġu b’żelu kbir għax-​xogħol tal-​ħsad.

[Kaxxa f’paġna 25]

STATISTIĊI TAL-​KLASSI

Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 6

Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 20

Numru taʼ studenti: 46

Età medja: 34.2

Medja taʼ snin fil-​verità: 17.2

Medja taʼ snin fil-​ministeru full-time: 13.9

[Stampa f’paġna 26]

Il-​116-il Klassi li Ggradwat mill-​Iskola taʼ Gilgħad

Fil-​lista t’hawn taħt, ir-​ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-​ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-​xellug għal-​lemin.

(1) Ceansu, R.; Sparks, T.; Piña, C.; Turner, P.; Cheney, L. (2) Suardy, M.; Sjöqvist, Å.; Amadori, L.; Smith, N.; Jordan, A.; Boissonneault, L. (3) Matlock, J.; Ruiz, C.; Dular, L.; Vigneron, M.; Henry, K. (4) Sjöqvist, H.; Laux, J.; Ruzzo, J.; Gustafsson, K.; Boissonneault, R.; Jordan, M. (5) Henry, D.; Turner, D.; Kirwin, S.; Florit, K.; Ceansu, S. (6) Amadori, S.; Cheney, J.; Ross, R.; Nelson, J.; Ruiz, J.; Vigneron, M. (7) Florit, J.; Matlock, D.; Ross, B.; Laux, C.; Ruzzo, T.; Dular, D.; Kirwin, N. (8) Gustafsson, A.; Nelson, D.; Suardy, W.; Piña, M.; Smith, C.; Sparks, T.