Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ommi u Missieri Għala Nfirdu?

Ommi u Missieri Għala Nfirdu?

KAPITLU 4

Ommi u Missieri Għala Nfirdu?

“Kont qiegħda d-​dar m’ommi dakinhar li missieri telaqna. Kelli biss sitt snin, allura ma fhimtx x’kien qed jiġri. Kont bilqiegħda mal-​art nara t-​televixin u stajt nismaʼ lil ommi tibki u tolfoq hi u titlob lil missieri bil-​ħniena biex ma jitlaqx. Hu niżel isfel b’bagalja f’idejh, niżel għarkopptejh, biesni, u qalli, ‘Il-​papà dejjem se jibqaʼ jħobbok.’ Imbagħad telaq. Laħaq għadda żmien twil qabel ma rġajt rajtu lil missieri. Minn dakinhar ’il quddiem bdejt nibżaʼ li anki ommi kienet se titlaq.”​—Elaine, 19-​il sena.

JEKK il-​ġenituri tiegħek jiddivorzjaw, għandek mnejn tħoss li ħajtek donnha nqalbet taʼ taħt fuq, u li se tibqaʼ tħossok miżerabbli għall-​kumplament taʼ ħajtek. Id-​divorzju spiss iġib miegħu għajb, rabja, ansjetà, biżaʼ t’abbandun, ħtija, dipressjoni, u telfa kbira—saħansitra xewqa li tivvendika ruħek.

Jekk il-​ġenituri tiegħek infirdu dan l-​aħħar, int għandek mnejn qed tesperjenza sentimenti bħal dawn. U bir-​raġun tħossok hekk għax il-​Ħallieq tagħna ried li l-​ulied jitrabbew minn omm kif ukoll minn missier. (Efesin 6:1-​3) Issa ġejt imċaħħad mill-​preżenza taʼ kuljum taʼ ġenitur li tħobb b’qalbek kollha. Daniel, li l-​ġenituri tiegħu nfirdu meta kellu seba’ snin, jgħid: “Jien verament kont nirrispettah lil missieri u ridt noqgħod miegħu, iżda ommi kellha l-​kustodja tagħna.”

Għala l-​Ġenituri Jinfirdu

Spiss, il-​firda tkun bħal sajjetta fil-​bnazzi għall-​ulied minħabba li l-​ġenituri jkunu ħbew il-​problemi tagħhom għalkollox. Rachel, li kellha 15-​il sena meta l-​ġenituri tagħha ddivorzjaw, tgħid: “Ħassejtni xxokkjata. Dejjem ħsibt li ommi u missieri kienu jinħabbu.” Anki meta l-​ġenituri jkollhom argumenti sħan u spissi, l-​ulied xorta jiħduha bi kbira meta jinfirdu l-​ġenituri!

F’ħafna każi, il-​ġenituri jinfirdu minħabba li xi ħadd minnhom ikun ħati taʼ kondotta laxka sesswalment. Taħt dawn iċ-​ċirkustanzi, Alla jippermetti li l-​parti innoċenti tikseb id-​divorzju u b’hekk tkun ħielsa li terġaʼ tiżżewweġ. (Mattew 19:9) F’każi oħrajn, “korla u twerżiq u tgħajjir” wasslu għall-​vjolenza u ġiegħlu lil ġenitur jibżaʼ għas-​saħħa fiżika tiegħu u taʼ wliedu.​—Efesin 4:31.

Irridu nammettu li xi koppji jinfirdu għal raġunijiet inqas validi. Minflok ma jsolvu l-​problemi li jkollhom, xi wħud b’mod egoistiku jiddivorzjaw għaliex jistqarru li huma “mdejqin” jew li “m’għadhomx jinħabbu.” Dan ma jogħġobx lil Alla, li “bagħad id-​divorzju” taʼ din ix-​xorta. (Malakija 2:16) B’mod indirett, Ġesù qal li xi familji kellhom mnejn iġarrbu diffikultajiet meta wieħed mill-​imseħbin fiż-​żwieġ isir Kristjan.​—Mattew 10:34-​36.

Ikun xi jkun il-​każ, il-​fatt li l-​ġenituri tiegħek għandhom mnejn ikunu għażlu li ma jgħidulek xejn jew li jagħtuk biss tweġibiet vagi għall-​mistoqsijiet tiegħek rigward id-​divorzju, ma jkunx ifisser li ma jħobbukx. Maħkumin mill-​uġigħ emozzjonali tagħhom stess, il-​ġenituri tiegħek forsi sempliċement isibuha bi tqila biex jitkellmu dwar id-​divorzju. (Proverbji 24:10) Jistgħu wkoll iħossuhom skomdi u imbarazzati li jammettu n-​nuqqasijiet tagħhom.

Dak li Tistaʼ Tagħmel

Agħraf x’inhuma l-​beżgħat tiegħek. Peress li d-​divorzju jistaʼ jaqliblek ħajtek taʼ taħt fuq, tistaʼ ssib ruħek tinkwieta dwar affarijiet li qabel ma kontx tagħti kashom. Iżda, xorta waħda għandek mnejn tkun tistaʼ tikkontrolla l-​beżgħat tiegħek billi l-​ewwel tagħraf x’inhuma. Hawn taħt, agħmel ✔ maġenb dak li jbeżżgħek l-​iktar, jew niżżel il-​biżaʼ tiegħek stess bil-​miktub maġenb “Biżaʼ ieħor.”

□ Il-​ġenitur l-​ieħor se jabbandunani wkoll.

□ Il-​familja tiegħi mhux se jkollha biżżejjed flus biex tgħix.

□ B’xi mod, jien naħti għad-​divorzju.

□ Jekk niżżewweġ, iż-​żwieġ tiegħi jfalli wkoll.

□ Biżaʼ ieħor ․․․․․

Tkellem dwar dak li jinkwetak. Is-​Sultan Salamun qal li hemm “żmien li titkellem.” (Ekkleżjasti 3:7) Għalhekk, ipprova ara liema hu l-​aħjar ħin biex tiddiskuti mal-​ġenituri tiegħek il-​beżgħat li mmarkajt jew ktibt hawn fuq. Għidilhom kemm tħossok imdejjaq jew konfuż. Forsi huma jkunu jistgħu jispjegawlek x’inhu jiġri, u b’hekk tnaqqas l-​ansjetà tiegħek. Jekk il-​ġenituri tiegħek ma jkunux lesti jew ma jkunux jistgħu jagħtuk l-​appoġġ li jkollok bżonn f’dak il-​ħin, forsi tkun tistaʼ tiftaħ qalbek maʼ xi ħabib jew ħabiba matura. Ħu l-​inizjattiva biex tfittex persuna bħal din. Jistaʼ jkun taʼ serħan kbir li jkollok lil xi ħadd li jkun lest li jagħtik widen.​—Proverbji 17:17.

Iktar importanti minn hekk, Missierek tas-​sema dejjem lest li jagħtik widen għax hu “Semmiegħ it-​talb.” (Salm 65:2) Iftaħ qalbek miegħu ‘għax hu jimpurtah minnek.’​—1 Pietru 5:7.

Dak li M’Għandekx Tagħmel

Iżżommx f’qalbek. Daniel, li ġie kwotat iktar kmieni, jgħid: “Il-​ġenituri tiegħi kienu egoisti. Huma ma tantx ħasbu fina u ftit li xejn ikkunsidraw kif dak li għamlu huma kien se jeffettwa lilna.” Wieħed jistaʼ jifhimhom is-​sentimenti taʼ Daniel u forsi kellu raġun iħossu hekk. Iżda int kif twieġeb għal dawn il-​mistoqsijiet li ġejjin? Ikteb it-​tweġibiet tiegħek fil-​linja provduta.

Liema ħsara setaʼ jġarrab Daniel kieku baqaʼ jirrabja u jżomm f’qalbu? (Aqra Proverbji 29:22.) ․․․․․

Għalkemm ikun diffiċli, għala għandu mnejn ikun taʼ ġid għal Daniel li jipprova jaħfer lill-​ġenituri tiegħu talli kkaġunawlu dan l-​uġigħ? (Aqra Efesin 4:31, 32.) ․․․․․

Il-​verità bażika li hemm imniżżla f’​Rumani 3:23, kif tistaʼ tgħin lil Daniel ikollu ħarsa realistika lejn il-​ġenituri tiegħu? ․․․․

Evita li bl-​aġir tiegħek tagħmel ħsara lilek innifsek. “Kont imdejjaq u dipress wara d-​divorzju tal-​ġenituri tiegħi,” jiftakar Denny. “Beda jkolli l-​problemi fl-​iskola u sena minnhom m’għaddejtx mill-​eżamijiet. Imbagħad . . . sirt il-​buffu tal-​klassi u kont nispiċċa f’ħafna ġlied.”

X’taħseb li Denny kien qed jipprova jwettaq billi sar il-​buffu tal-​klassi? ․․․․․

Għala għandu mnejn beda jispiċċa f’ħafna ġlied? ․․․․․

Jekk ħassejt li tixtieq tikkastiga lil ommok u lil missierek bl-​aġir ħażin tiegħek, il-​prinċipju f’​Galatin 6:7 kif jistaʼ jgħinek iżżomm ħarsa xierqa? ․․․․․

X’Għandek Tistenna fil-​Futur

L-​uġigħ letterali, bħalma hu l-​uġigħ tal-​ksur fl-​għadam, jistaʼ jieħu ġimgħat jew saħansitra xhur biex jgħaddilek kompletament. B’mod simili, l-​uġigħ emozzjonali jieħu ż-​żmien biex jgħaddi. Xi esperti jħossu li l-​agħar effetti tad-​divorzju jgħaddu fi żmien tliet snin. Dan jistaʼ jidher bħala żmien twil, iżda ftakar li jridu jseħħu ħafna affarijiet qabel ma terġaʼ tiġi għan-​normal.

Biex insemmu biss ħaġa waħda, jeħtieġ li r-​rutina fid-​dar—li tkun tħarbtet bid-​divorzju—terġaʼ tiġi stabbilita. Ukoll, irid jgħaddi ż-​żmien qabel ma l-​ġenituri tiegħek ikunu jistgħu jirkupraw emozzjonalment. Huwa biss wara dan li fl-​aħħar ikunu jistgħu jagħtuk l-​appoġġ li int tkun teħtieġ. Madankollu, hekk kif ħajtek terġaʼ tiġi xi ftit għan-​normal, terġaʼ tibda tieħu r-​ruħ.

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLU 25 TAʼ VOLUME 2

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Tħossok ansjuż għax xi ħadd mill-​ġenituri tiegħek reġaʼ żżewweġ? Kif tistaʼ tkampa?

SKRITTURA PRINĊIPALI

Hemm żmien li tfejjaq l-​uġigħ. ​—Ekkleżjasti 3:1, 3.

SUĠĠERIMENT

Jekk il-​ġenituri tiegħek iddivorzjaw, xi ħadd minnhom jew x’aktarx it-​tnejn li huma għamlu xi żbalji. Ipprova agħraf x’inhuma dawn l-​iżbalji sabiex tkun tistaʼ tevita li tirripetihom jekk tagħżel li tiżżewweġ fil-​futur.​—Proverbji 27:12.

KONT TAF . . . ?

Int jistaʼ jkollok żwieġ hieni avolja ż-​żwieġ tal-​ġenituri tiegħek mhuwiex.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Nistaʼ nesprimi l-​beżgħat tiegħi maʼ (ikteb l-​isem taʼ persuna matura maʼ min tixtieq titkellem) ․․․․․

Jekk inħoss li nixtieq nikkastiga lil ommi u lil missieri bl-​aġir ħażin tiegħi, nistaʼ rrażżan din ix-​xewqa billi nagħmel dan li ġej: ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Il-​ġenituri tiegħek għala għandhom mnejn joqogħdu lura milli jkellmuk dwar id-​divorzju tagħhom?

● Għala hu importanti tiftakar li d-​divorzju huwa argument bejn il-​ġenituri tiegħek—u mhux argument miegħek?

[Kumment f’paġna 32]

“Wara li telqitna ommi, ħassejtni dipressa u kont nibki kuljum. Iżda kont nitlob spiss, inżomm ruħi okkupata billi ngħin lil oħrajn, u nżomm qrib taʼ ħbieb maturi. Inħoss li Alla Ġeħova għenni nkampa permezz taʼ dawn il-​modi kollha.”​—Natalie

[Stampa f’paġna 33]

Il-​proċess biex tirkupra mid-​divorzju tal-​ġenituri tiegħek jistaʼ jitqabbel mal-​proċess biex tirkupra minn ksur fi driegħek—huwa taʼ wġigħ, iżda fl-​aħħar tfiq