Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nitkellem mal-Ġenituri Tiegħi?

Kif Nistaʼ Nitkellem mal-Ġenituri Tiegħi?

KAPITLU 1

Kif Nistaʼ Nitkellem mal-Ġenituri Tiegħi?

“Ipprovajt kemm stajt biex ngħid lill-​ġenituri tiegħi kif kont qed inħossni, iżda ma rnexxilix nesprimi ruħi kif xtaqt—u huma qatgħuli diskorsi. Għamilt sforz kbir biex irrabbi l-​kuraġġ ħalli nesprimi ruħi, u ħassejt li fallejt għalkollox!”​—Rosa.

META kont iżgħar, x’aktarx li kont tfittex il-​pariri tal-​ġenituri tiegħek minn jeddek. Kont tgħidilhom bi kwalunkwe aħbar, sew jekk kbira u sew jekk żgħira. Kont tħossok liberu li tesprimi l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tiegħek, u kellek fiduċja fil-​pariri tagħhom.

Iżda issa forsi tħoss li l-​ġenituri tiegħek m’għadhomx jifhmuk. “Darba minnhom waqt l-​ikla taʼ filgħaxija bdejt nibki u niftaħ qalbi,” tgħid tfajla jisimha Edie. “Il-​ġenituri tiegħi kienu qed jagħtu widen, imma donnhom ma kinux qed jifhmu.” X’kien ir-​riżultat? “Spiċċajt mort f’kamarti u komplejt nibki!”

Mill-​banda l-​oħra, kultant forsi tippreferi ma tiftaħx qalbek mal-​ġenituri tiegħek. “Jien inkellem lill-​ġenituri tiegħi dwar ħafna affarijiet,” jgħid żagħżugħ jismu Christopher. “Iżda nieħu pjaċir li kultant ma jkunux jafu kulma nkun qed naħseb.”

Huwa ħażin li żżomm xi ħsibijiet għalik innifsek? Mhux bilfors—sakemm ma tkunx qed tqarraq. (Proverbji 3:32) Madankollu, sew jekk il-​ġenituri tiegħek donnhom ma jifhmukx u sew jekk int qed iżżomm lura, ħaġa waħda hi ċerta: Int għandek bżonn titkellem mal-​ġenituri tiegħek—u huma għandhom bżonn jisimgħu lilek tesprimi dak li tkun qed tħoss u taħseb.

Twaqqafx il-​Komunikazzjoni!

Sa ċertu punt, il-​komunikazzjoni mal-​ġenituri tiegħek hi bħal meta ssuq karozza. Jekk tiltaqaʼ maʼ xi ostaklu fit-​triq, ma taqtax qalbek; sempliċement taqbad rotta oħra. Ikkunsidra żewġ eżempji.

L-​1 OSTAKLU Għandek bżonn titkellem, iżda l-​ġenituri tiegħek donnhom mhumiex jagħtuk widen. “Insibha diffiċli biex nikkomunika maʼ missieri,” tgħid tfajla jisimha Leah. “Kultant, wara li nkun ilni xi ftit inkellmu, jgħidli: ‘Xiex? Kont qed tkellimni?’”

MISTOQSIJA: Xi ngħidu li kieku Leah tassew għandha bżonn tiddiskuti problema? Għandha minn tal-​inqas tliet għażliet.

Għażla A

Tgħolli leħinha maʼ missierha. Leah tgħajjat: “Agħti kasi! Din importanti!”

Għażla B

Ma tkellimx lil missierha. Leah sempliċement taqtaʼ qalbha tipprova titkellem dwar il-​problema li għandha.

Għażla Ċ

Tistenna l-​ħin opportun u terġaʼ tqajjem is-​suġġett. Leah tistenna ħin ieħor biex titkellem wiċċ imb wiċċ maʼ missierha jew tiktiblu ittra dwar il-​problema li għandha.

Int liema għażla taħseb li għandha tagħmel Leah? ․․․․․

Ejja neżaminaw kull waħda minn dawn l-​għażliet biex naraw għal xiex tistaʼ twassal.

Missier Leah jinsab aljenat—u għalhekk mhuwiex konxju tal-​fatt li hi tħossha frustrata. Għalhekk, jekk Leah tagħżel Għażla A, missierha għandu mnejn ma jifhimx għala hi qed tgħolli leħinha miegħu. X’aktarx, permezz taʼ din l-​għażla, Leah ma tagħmilhiex faċli għal missierha biex jagħti widen għal dak li għandha xi tgħid, u ma tkunx qed turih rispett u unur. (Efesin 6:2) Mela din is-​sitwazzjoni mhux se jkollha r-​riżultat mixtieq.

Filwaqt li Għażla B tistaʼ tkun l-​iktar waħda faċli, mhijiex l-​iktar waħda għaqlija. Għala? Għax “il-​pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali.” (Proverbji 15:22) Sabiex jirnexxilha tkampa mal-​problemi tagħha, Leah għandha bżonn titkellem maʼ missierha—u sabiex hu jkun t’għajnuna jeħtieġ li jkun jaf x’inhu jiġri f’ħajjitha. Jekk tieqaf il-​komunikazzjoni ma jsir xejn minn dan.

Madankollu, b’Għażla Ċ, Leah ma tħallix l-​ostaklu jwaqqaf l-​isforzi tagħha biex tikkomunika maʼ missierha. Minflok, hi tipprova tiddiskuti s-​suġġett darb’oħra. U jekk tagħżel li tikteb ittra lil missierha, Leah għandha mnejn tħossha aħjar minnufih. Jekk tikteb l-​ittra tkun tistaʼ tiġi megħjuna wkoll tesprimi ruħha eżatt kif tixtieq. Meta jaqra l-​ittra, missier Leah isir jaf x’kienet qed tipprova tgħidlu, u dan jistaʼ jgħinu jifhem il-​problema tagħha aħjar. B’hekk, Għażla Ċ tkun taʼ benefiċċju kemm għal Leah u kemm għal missierha.

Liema għażliet oħrajn jistaʼ jkollha Leah? Ara jekk tistax taħseb f’xi waħda u iktibha hawn taħt. Imbagħad ikteb għal xiex x’aktarx li twassal din l-​għażla.

․․․․․

IT-​2 OSTAKLU Il-​ġenituri tiegħek iridu jitkellmu miegħek, iżda int ma tridx. “M’hemm xejn agħar milli tiġi bombardjata bil-​mistoqsijiet eżatt wara ġurnata iebsa l-​iskola,” tgħid tfajla jisimha Sarah. “Kulma nkun nixtieq hu li ninsa l-​iskola, iżda l-​ġenituri tiegħi mill-​ewwel jibdew jistaqsuni: ‘Kif kienet il-​ġurnata tiegħek? Kellek xi problemi?’” Bla dubju, il-​ġenituri taʼ Sarah jagħmlu mistoqsijiet bħal dawn b’intenzjoni tajba. Iżda hi xorta waħda tgerger u tgħid: “Insibha diffiċli biex nitkellem dwar l-​iskola meta nkun għajjiena u stressata.”

MISTOQSIJA: X’tistaʼ tagħmel Sarah f’din is-​sitwazzjoni? Bħal fl-​eżempju taʼ qabel, hi għandha minn tal-​inqas tliet għażliet.

Għażla A

Tirrifjuta li titkellem. Sarah tgħid: “Jimporta tħalluni waħdi? Bħalissa m’għandix aptit nitkellem!”

Għażla B

Taqbad u titkellem. Avolja tħossha stressata, Sarah twieġeb kontra qalbha l-​mistoqsijiet tal-​ġenituri tagħha.

Għażla Ċ

Tipposponi d-​diskussjoni dwar l-​iskola imma tkompli titkellem dwar suġġett ieħor. Sarah tissuġġerixxi li jitkellmu dwar l-​iskola f’ħin ieħor —f’ħin li taf li se tkun f’burdata aħjar. Imbagħad, b’interess ġenwin hi tgħid: “Xi tgħiduli dwar il-​ġurnata tagħkom? Kollox mar tajjeb?”

Int liema għażla taħseb li għandha tagħmel Sarah? ․․․․․

Għal darb’oħra, ejja neżaminaw kull waħda minn dawn l-​għażliet biex naraw għal xiex tistaʼ twassal.

Sarah tħossha stressata u donnha ma tantx għandha aptit titkellem. Jekk tagħżel Għażla A, hi xorta se tħossha stressata iżda se tħossha wkoll ħatja talli tkun ħatfet lill-​ġenituri tagħha.​—Proverbji 29:11.

Sadanittant, il-​ġenituri taʼ Sarah ma jifhmux għaliex qed tirrabja jew għaliex wara r-​rabja taqaʼ fil-​muta. Għandhom mnejn jissuspettaw li Sarah qed taħbi xi ħaġa. Forsi jipprovaw jagħmlu saħansitra iktar sforz biex iġegħluha tiftaħ qalbha, u dan bla dubju jġegħelha tħossha iktar frustrata. Fl-​aħħar mill-​aħħar, din l-​għażla ma jkollhiex ir-​riżultat mixtieq.

Għażla B hi bla dubju aħjar minn għażla A għax għall-​inqas Sarah u l-​ġenituri tagħha qegħdin jikkomunikaw. Iżda peress li l-​konversazzjoni mhijiex ġejja mill-​qalb, la Sarah u lanqas il-​ġenituri tagħha m’huma se jiksbu dak li jixtiequ, jiġifieri diskussjoni rilassata u bil-​miftuħ.

Madankollu, b’Għażla Ċ Sarah se tħossha aħjar għax id-​diskussjoni dwar l-​iskola tkun ġiet posposta. Il-​ġenituri tagħha se japprezzaw l-​isforz tagħha biex tagħmel konversazzjoni, u għalhekk anki huma se jkunu ferħanin. Din l-​għażla x’aktarx għandha l-​iktar possibbiltà li tirnexxi għax iż-​żewġ naħat ikunu qed japplikaw il-​prinċipju li jinsab f’​Filippin 2:4, li jgħid: “Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.”

Tkellem Ċar u Tond

Ftakar li l-​kliem li tgħid u l-​messaġġ li jifhmu l-​ġenituri tiegħek mhux dejjem ikunu jaqblu. Pereżempju, il-​ġenituri tiegħek jistaqsuk għala tidher li għandek burdata ħażina. Int tgħid: “Ma rridx nitkellem dwarha.” Iżda l-​ġenituri tiegħek jaħsbu li trid tgħid: “Ma nafdakomx biżżejjed biex niftaħ qalbi magħkom. Issa nitkellem maʼ sħabi dwar il-​problema u mhux magħkom.” Ipprova dan l-​eżerċizzju billi tikteb it-​tweġibiet tiegħek. Immaġina li qed tiffaċċja problema diffiċli u xi ħadd mill-​ġenituri tiegħek joffri li jgħinek.

Jekk int tgħid: “Tinkwetawx. Nistaʼ nsolviha waħdi.”

Il-​ġenituri tiegħek forsi jaħsbu li int trid tgħid: ․․․․․

Tweġiba aħjar mingħandek forsi tistaʼ tkun: ․․․․․

X’inhi l-​iktar ħaġa importanti li għandek tiftakar? Agħżel kliemek bir-​reqqa. Tkellem b’rispett. (Kolossin 4:6) Ħares lejn il-​ġenituri tiegħek bħala ħbieb u mhux bħala għedewwa. U ejja ngħiduha kif inhi: Int għandek bżonn kemm jistaʼ jkun ħbieb sabiex tkampa mal-​isfidi li jkollok tiffaċċja.

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Xi ngħidu jekk il-​problema ma tkunx il-​komunikazzjoni mal-​ġenituri tiegħek iżda tkun li targumentaw kull darba li titkellmu?

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Nitkellem minn qalbi u bis-​sinċerità.” —Ġob 33:3, The Holy Bible in the Language of Today, taʼ William Beck.

SUĠĠERIMENT

Jekk issibha diffiċli biex sempliċement tpoġġi bilqiegħda u titkellem mal-​ġenitur(i) dwar xi problema, iddiskuti l-​kwistjoni waqt li tkunu qegħdin flimkien timxu, tixtru, jew fil-​karozza.

KONT TAF . . . ?

Sewwasew bħalma int għandek mnejn issibha diffiċli titkellem mal-​ġenituri tiegħek dwar suġġetti serji, hekk ukoll huma forsi jħossuhom skomdi u mhux kapaċi meta jipprovaw ikellmuk proprju dwar dawn is-​suġġetti.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Meta nerġaʼ nħoss li m’għandix aptit nitkellem mal-​ġenituri tiegħi, jien se ․․․․․

Jekk xi ħadd mill-​ġenituri tiegħi jisforzani biex nitkellem dwar suġġett li ma nixtieqx niddiskuti, jien se ngħid ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Il-​ħin li nagħżlu biex nitkellmu, kif jistaʼ jeffettwa l-​komunikazzjoni?—Proverbji 25:11.

● Għala huwa sforz siewi li titkellem mal-​ġenituri tiegħek?—Ġob 12:12.

[Kumment f’paġna 10]

“Il-​komunikazzjoni mal-​ġenituri tiegħek mhijiex dejjem faċli, iżda meta tiftaħ qalbek u titkellem magħhom tħossok qisek neħħejt balla minn fuq l-​istonku.”​—Devenye

[Stampa f’paġna 8]

Sewwasew bħalma ostaklu fit-​triq m’għandux għalfejn iwaqqfek għalkollox, hekk ukoll int tistaʼ ssib mod kif tegħleb din l-​isfida u tikkomunika mal-​ġenituri tiegħek!