Marku 3:1-35

3  Għal darb’oħra daħal f’sinagoga, u kien hemm raġel b’idu niexfa.+  Għalhekk, kienu għassa tiegħu biex jaraw jekk kienx se jfejjaq lir-​raġel f’jum is-​Sabat, sabiex ikunu jistgħu jakkużawh.+  U qal lir-​raġel li kellu idu niexfa: “Qum u ejja fin-​nofs.”  Imbagħad qalilhom: “F’jum is-​Sabat, x’tistaʼ tagħmel skond il-​liġi, għemil tajjeb jew għemil ħażin, issalva ruħ jew toqtolha?”+ Imma huma baqgħu siekta.  U wara li b’ħarstu wriehom li ma ħax pjaċir, peress li kien imnikket għall-​aħħar minħabba l-​ebusija taʼ qlubhom,+ qal lir-​raġel: “Oħroġ idek.” U dan ħariġha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha.+  U l-​Fariżej ħarġu ’l barra u minnufih bdew jiftiehmu mal-​partitarji t’Erodi+ kontra tiegħu, sabiex jeqirduh.+  Imma Ġesù telaq mad-​dixxipli tiegħu lejn in-​naħa tal-​baħar; u kotra kbira mill-​Galilija u mil-​Lhudija marret warajh.+  U saħansitra minn Ġerusalemm u mill-​Idumija u min-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan u minn madwar Tir+ u Sidon ġiet ħdejh kotra kbira, meta semgħet b’dak kollu li kien qed jagħmel.  U qal lid-​dixxipli tiegħu biex ikollu dgħajsa żgħira l-​ħin kollu għad-​dispożizzjoni tiegħu sabiex il-​folla ma trossux. 10  Għax fejjaq lil ħafna, u minħabba f’hekk dawk kollha li kellhom mard serju kienu qed irossu fuqu biex imissuh.+ 11  Saħansitra l-​ispirti mhux nodfa,+ kulmeta kienu jarawh, kienu jinxteħtu fl-​art quddiemu u jgħajtu u jgħidu: “Int l-​Iben t’Alla.”+ 12  Imma ħafna drabi kien jordnalhom bis-​sħiħ biex ma jurux min kien.+ 13  U telaʼ fuq muntanja u sejjaħ ħdejh lil min ried,+ u huma marru ħdejh.+ 14  U fforma grupp taʼ tnax, li semmiehom ukoll “appostli,” sabiex jibqgħu miegħu u jibgħathom jippridkaw+ 15  u jkollhom l-​awtorità li jkeċċu d-​demonji.+ 16  U l-​grupp tat-​tnax li fforma kienu Xmun, li semmieh ukoll Pietru,+ 17  u Ġakbu bin Żebedew u Ġwanni ħu Ġakbu+ (lil dawn semmiehom ukoll Boanerġes, li jfisser Ulied ir-​Ragħad), 18  u Indrì u Filippu u Bartilmew u Mattew u Tumas u Ġakbu bin Alfew u Taddew u Xmun il-​Kanani* 19  u Ġuda l-​Iskarjota, li iktar tard ittradieh.+ U daħal ġo dar. 20  Għal darb’oħra nġabret il-​folla, tant li lanqas biss setgħu jieklu.+ 21  Imma meta qrabatu+ semgħu b’dan, ħarġu biex jaqbduh, għax bdew jgħidu: “Tilef moħħu.”+ 22  Ukoll, l-​iskribi li niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Għandu lil Begħelżebub, u hu jkeċċi d-​demonji permezz tal-​ħakkiem tad-​demonji.”+ 23  Għalhekk, wara li sejħilhom lejh, beda jgħidilhom permezz taʼ tixbihat: “Kif jistaʼ Satana jkeċċi lil Satana? 24  Jekk saltna tinqasam kontra tagħha stess, dik is-​saltna ma tistax tibqaʼ wieqfa;+ 25  u jekk dar tinqasam kontra tagħha stess, dik id-​dar ma tkunx tistaʼ tibqaʼ wieqfa.+ 26  Ukoll, jekk Satana qam kontra tiegħu nnifsu u nqasam, ma jistax jibqaʼ wieqaf, imma se jintemm.+ 27  Fil-fatt, jekk xi ħadd jidħol fid-​dar taʼ raġel b’saħħtu ma jkunx jistaʼ jisraqlu+ ġidu jekk l-​ewwel ma jorbotx lir-​raġel, u mbagħad ikun jistaʼ jisraq minn daru.+ 28  Tassew ngħidilkom li kollox jinħafer lil ulied il-​bnedmin, ikunu xi jkunu d-​dnubiet u d-​dagħa li jidgħu.+ 29  Madankollu, kulmin jidgħi kontra l-​ispirtu qaddis qatt ma jinħafirlu, imma jkun ħati taʼ dnub għal dejjem.”+ 30  Dan qalu għax kienu qed jgħidu: “Għandu spirtu mhux nadif.”+ 31  Issa ġew ommu u ħutu,+ u, waqt li kienu bil-​wieqfa barra, bagħtu jsejħulu.+ 32  Kien hemm folla bil-​qiegħda madwaru, u għalhekk qalulu: “Ara! Hemm ommok u ħutek barra u qed ifittxuk.”+ 33  Imma wieġeb u qalilhom: “Min huma ommi u ħuti?”+ 34  U ħares lejn dawk li kienu bil-​qiegħda madwaru dawra tond u qal: “Ara, ommi u ħuti!+ 35  Kulmin jagħmel ir-​rieda t’Alla, dan hu ħija u oħti u ommi.”+

Noti taʼ taħt

Jiġifieri, “iż-​Żeluż.”