Marku 14:1-72
14 Issa kien għad baqaʼ jumejn+ għall-Qbiż+ u għall-festa+ tal-ħobż bla ħmira. U l-qassisin ewlenin u l-iskribi kienu qed jipprovaw jaraw kif b’makakkerija jaqbduh taħt idejhom u joqtluh;+
2 għax qalu kemm-il darba: “Mhux fil-festa; li ma tqumx xi rewwixta tal-poplu.”+
3 U waqt li kien Betanja għand Xmun l-imġiddem,+ x’ħin kien mal-mejda għall-ikla, ġiet mara b’vażett taʼ l-alabastru b’żejt ifuħ, nard pur, għali ħafna. Wara li fetħet il-vażett taʼ l-alabastru bdiet tferraʼ ż-żejt fuq rasu.+
4 Għal dan, kien hemm xi wħud li għadbu ferm u bdew jgħidu bejniethom: “Għala dan il-ħela taʼ żejt ifuħ?+
5 Għax dan iż-żejt ifuħ setaʼ nbiegħ iktar minn tliet mitt dinar* u ngħata lill-foqra!” U bdew igergru ħafna kontra tagħha.+
6 Imma Ġesù qalilhom: “Ħalluha. Għala qed tipprovaw taqilgħulha l-inkwiet? Hi għamlet ħaġa tajba miegħi.+
7 Għax il-foqra dejjem magħkom,+ u kulmeta tridu dejjem tistgħu tagħmlulhom il-ġid, imma jien mhux dejjem se nkun magħkom.+
8 Hi għamlet dak li setgħet; ħadet ħsieb minn qabel biex tferraʼ żejt ifuħ fuq ġismi għad-difna.+
9 Tassew ngħidilkom, Kulfejn tixxandar din l-aħbar tajba fid-dinja kollha,+ dak li għamlet din il-mara jissemma wkoll b’tifkira tagħha.”+
10 U Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-tnax, telaq għand il-qassisin ewlenin sabiex jittradih u jagħtihulhom f’idejhom.+
11 Meta semgħu dan, huma ferħu u wegħduh li jagħtuh xi flus tal-fidda.+ Għalhekk, beda jfittex il-waqt konvenjenti biex jittradih.+
12 Issa, fl-ewwel jum* tal-festa tal-ħobż bla ħmira,+ meta skond id-drawwa kienu jissagrifikaw il-vittma tal-Qbiż, id-dixxipli tiegħu+ qalulu: “Fejn tridna mmorru u nħejjulek l-ikla tal-Qbiż?”+
13 Għalhekk, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Idħlu l-belt, u jiltaqaʼ magħkom raġel iġorr ġarra tal-fuħħar bl-ilma.+ Morru warajh,
14 u, fejn jidħol, għidu lil sid id-dar, ‘Qallek l-Għalliem: “Fejn hi l-kamra tal-mistidnin fejn nistaʼ niekol l-ikla tal-Qbiż+ mad-dixxipli tiegħi?”’+
15 U jurikom kamra taʼ fuq kbira, mgħammra bil-lest; u ħejju għalina hemmhekk.”+
16 Għalhekk, id-dixxipli telqu u daħlu l-belt u sabu kollox bħalma kien qalilhom; u ħejjew għall-ikla tal-Qbiż.+
17 Fil-għaxija ġie mat-tnax.+
18 U, waqt li kienu qegħdin mal-mejda jieklu, Ġesù qal: “Tassew ngħidilkom, Wieħed minnkom, li qed jiekol+ miegħi, se jittradini.”+
19 Huma bdew jitnikktu u jgħidulu wieħed wieħed: “Mhux jien, hux?”+
20 Qalilhom: “Hu wieħed mit-tnax, li qed ibill fl-istess skutella miegħi.+
21 Veru, Bin il-bniedem jitlaq, bħalma hu miktub dwaru, imma gwaj għal dak ir-raġel li permezz tiegħu Bin il-bniedem jiġi tradut! Kien ikun aħjar għal dak ir-raġel kieku ma twilidx.”+
22 Huma u jieklu, ħa ħobża, qal talba, qasamha u tahielhom, u qal: “Ħudu, dan il-ħobż jirrappreżenta* ġismi.”+
23 U ħa kies, radd ħajr u tahulhom, u lkoll xorbu minnu.+
24 U qalilhom: “Dan jirrappreżenta d-‘demm tiegħi+ tal-patt,’+ li se jixxerred+ għal ħafna.+
25 Tassew ngħidilkom, Żgur li ma nixrobx iżjed mill-prodott tad-dielja sa dak il-jum meta nixorbu ġdid fis-saltna t’Alla.”+
26 Fl-aħħar, wara li kantaw għanjiet taʼ tifħir,+ ħarġu lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ.+
27 U Ġesù qalilhom: “Ilkoll se titfixklu, għax hu miktub, ‘Nidrob lir-ragħaj,+ u n-nagħaġ jitferrxu.’+
28 Imma wara li niġi mqajjem immur qabilkom fil-Galilija.”+
29 Imma Pietru qallu: “Anki jekk l-oħrajn kollha jitfixklu, jien żgur ma nitfixkilx.”+
30 Għal dan, Ġesù qallu: “Tassew ngħidlek, Illum, iva, dan il-lejl, qabel ma s-serduq jidden darbtejn, int tiċħadni tliet darbiet.”+
31 Imma hu beda jinsisti u jgħid: “Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur ma niċħdekx.” U l-oħrajn ukoll, kollha bdew jgħidu l-istess ħaġa.+
32 U ġew f’post li kien jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bil-qiegħda hawnhekk sakemm nitlob.”+
33 U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni,+ u beda jħossu mifni u inkwetat għall-aħħar.+
34 U qalilhom: “Ruħi mnikkta ferm,+ għall-mewt. Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa.”+
35 U mexa ftit ’il quddiem, inxteħet fl-art, u beda jitlob li, jekk jistaʼ jkun, is-siegħa titwarrab minnu.+
36 U kompla jgħid: “Abba,* Missier,+ kollox hu possibbli għalik; warrab minni dan il-kies. Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.”+
37 U ġie u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “Xmun, mela rqadt? Ma flaħtx tibqaʼ għassa siegħa waħda?+
38 Ibqgħu għassa u itolbu,+ sabiex ma tidħlux fit-tentazzjoni. Naturalment, l-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.”+
39 U reġaʼ mar jitlob u qal l-istess kliem.+
40 U reġaʼ ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu mtaqqlin, u għalhekk ma kinux jafu x’se jwiġbuh.+
41 U ġie t-tielet darba u qalilhom: “F’mument bħal dan qed torqdu u tieħdu l-mistrieħ tagħkom! Biżżejjed! Is-siegħa waslet!+ Ara! Bin il-bniedem se jiġi tradut u jingħata f’idejn il-midinbin.+
42 Qumu, ejja mmorru.+ Ara! It-traditur tiegħi qorob.”+
43 U minnufih, waqt li kien għadu qed jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-tnax, u miegħu folla, bis-sjuf u l-bsaten, mingħand il-qassisin ewlenin u l-iskribi u x-xjuħ.+
44 Issa t-traditur tiegħu kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: “Lil dak li nbus, ikun hu; arrestawh u ħuduh mgħasses sew.”+
45 U ġie dritt fuqu u resaq lejh u qallu: “Rabbi!” u biesu+ b’tenerezza kbira.
46 Għalhekk, huma ħatfuh u arrestawh.+
47 Madankollu, wieħed minn dawk li kienu hemmhekk silet is-sejf u darab lill-ilsir tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.+
48 Imma Ġesù wieġeb u qalilhom: “Ħriġtu bis-sjuf u l-bsaten qisu kontra xi ħalliel biex tarrestawni?+
49 Kuljum kont inkun magħkom fit-tempju ngħallem,+ iżda m’arrestajtunix. Imma dan qed isir sabiex titwettaq+ l-Iskrittura.”+
50 U d-dixxipli kollha abbandunawh+ u ħarbu.+
51 Imma wieħed żagħżugħ li kien liebes libsa t’għażel fin fuq il-laħam beda miexi warajh mill-qrib; u pprovaw jaqbduh taħt idejhom,+
52 imma hu ħalla l-libsa warajh u ħarab għarwien.
53 Imbagħad ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir; u l-qassisin ewlenin u x-xjuħ u l-iskribi nġabru kollha flimkien.+
54 Imma Pietru mexa warajh mill-bogħod+ sal-bitħa tal-qassis il-kbir; u qagħad bil-qiegħda mal-qaddejja tad-dar għas-sħana quddiem nar qawwi.
55 Sadanittant, il-qassisin ewlenin u s-Sinedriju kollu kienu qed ifittxu xiehda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt,+ imma ma bdew isibu xejn.+
56 Ħafna, tabilħaqq, kienu qed jixhdu falz kontrih,+ imma x-xiehda tagħhom ma kinitx taqbel.+
57 Ukoll, bdew iqumu xi wħud jixhdu falz kontrih u jgħidu:
58 “Smajnieh jgħid, ‘Se nġarraf dan it-tempju li kien magħmul bl-idejn u fi tlett ijiem nibni ieħor mhux magħmul bl-idejn.’”+
59 Imma lanqas f’dan ma kienet taqbel ix-xiehda tagħhom.
60 Fl-aħħar, il-qassis il-kbir qam f’nofshom u staqsa lil Ġesù: “Ma twieġeb xejn? X’qed jixhdu dawn kontrik?”+
61 Iżda hu baqaʼ sieket u ma wieġeb xejn.+ Għal darb’oħra l-qassis il-kbir beda jistaqsih u jgħidlu: “Int il-Kristu Bin l-Imbierek?”+
62 Imbagħad Ġesù qal: “Jien hu; u intom se taraw lil Bin il-bniedem+ bil-qiegħda fuq il-lemin+ tal-qawwa u ġej mas-sħab tas-sema.”+
63 Għal dan, il-qassis il-kbir ċarrat ħwejġu+ u qal: “X’għandna bżonnhom iktar ix-xhieda?+
64 Smajtuha d-dagħwa.+ X’jidhrilkom?” Huma lkoll ikkundannawh li ħaqqu l-mewt.
65 Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu+ u jgħattulu wiċċu kollu u jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: “Ipprofetizza!” U, wara li tawh bil-ħarta, il-qaddejja tal-qorti ħaduh.+
66 Issa, waqt li Pietru kien isfel fil-bitħa, ġiet waħda mill-qaddejja tal-qassis il-kbir,+
67 u, x’ħin rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, ħarset fiss lejh u qaltlu: “Int ukoll kont man-Nazzarenu, dan Ġesù.”+
68 Imma hu ċaħad u qal: “La nafu u lanqas naf x’int tgħid,” u ħareġ barra ħdejn il-kanċell.+
69 Malli lemħitu, il-qaddejja reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemmhekk: “Dan wieħed minnhom.”+
70 U reġaʼ ċaħad. Għal darb’oħra, wara ftit, dawk li kienu hemmhekk bdew jgħidu lil Pietru: “Żgur li int wieħed minnhom, għax, fil-fatt, int Galilew.”+
71 Imma hu beda jisħet u jaħlef:+ “Ma nafux lil dan ir-raġel li qed issemmu.”+
72 U minnufih is-serduq idden it-tieni darba;+ u Pietru ftakar f’dak li kien qallu Ġesù: “Qabel ma s-serduq jidden darbtejn, int tiċħadni tliet darbiet.”+ U nfaqaʼ jibki.+
Noti taʼ taħt
^ Kelma bl-Aramajk li tfisser “il-missier,” jew, “O Missier.” Din il-kelma tintuża mit-tfal biex jindirizzaw lil missirijiethom b’mod intimu imma b’rispett.

