1 Samwel 23:1-29
23 Maż-żmien, lil David tawh l-aħbar u qalulu: “Ara! Il-Filistin qed jiggwerraw kontra Kejla,+ u qed iħarbtu l-qigħan tad-dris.”+
2 U David staqsa+ lil Ġeħova u qallu: “Immur jien, u noqtolhom lil dawn il-Filistin?” U Ġeħova qal lil David: “Mur, u oqtol il-Filistin u salva lil Kejla.”
3 Għal dan, l-irġiel taʼ David qalulu: “Ara! Aħna qegħdin hawnhekk f’Ġuda+ u qed nibżgħu, aħseb u ara jekk immorru Kejla kontra t-truppi tal-Filistin lesti għall-battalja!”+
4 Għalhekk, David reġaʼ staqsa lil Ġeħova.+ Ġeħova issa wieġbu u qallu: “Qum, inżel Kejla, għaliex qed nagħtik il-Filistin f’idejk.”+
5 Għaldaqstant, David mar maʼ l-irġiel tiegħu Kejla u ġġieled kontra l-Filistin u ħadilhom il-bhejjem tagħhom u ħabat għalihom u l-qatla kienet kbira; u David sar is-salvatur taʼ l-abitanti taʼ Kejla.+
6 Issa ġara li meta Abjatar,+ bin Aħimelek, ħarab għand David f’Kejla, niżel b’efod+ f’idu.
7 U lil Sawl waslitlu l-aħbar: “David ġie Kejla.”+ U Sawl beda jgħid: “Alla rħieh* f’idi,+ għax ngħalaq billi daħal f’belt bil-bibien u bl-istaneg.”
8 Għalhekk, Sawl sejjaħ lin-nies kollha għall-gwerra, biex jinżlu Kejla, sabiex jassedjaw lil David u l-irġiel tiegħu.
9 U David sar jaf li Sawl kien qed ifassal il-ħsara+ kontrih. Għalhekk, qal lil Abjatar, il-qassis: “Ġib l-efod qrib.”+
10 U David issokta jgħid: “O Ġeħova, l-Alla taʼ Israel,+ il-qaddej tiegħek semaʼ fiċ-ċert li Sawl qed jipprova jiġi Kejla biex jeqred il-belt minħabba fija.+
11 Tgħid sidien l-art taʼ Kejla se jagħtuni f’idu? Se jinżel Sawl bħalma semaʼ l-qaddej tiegħek? O Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, għid lill-qaddej tiegħek, jekk jogħġbok.” U Ġeħova qallu: “Iva, jinżel.”+
12 U David issokta jgħidlu: “Tgħid sidien l-art taʼ Kejla se jagħtu lili u lill-irġiel tiegħi f’id Sawl?” U Ġeħova qallu: “Iva, jagħtukom.”+
13 Minnufih David qam maʼ l-irġiel tiegħu, xi sitt mitt raġel,+ u ħarġu minn Kejla u baqgħu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn kulfejn setgħu. U lil Sawl waslitlu l-aħbar li David kien ħarab minn Kejla, u għalhekk ma ħariġx għal warajh.
14 U David beda jgħammar fix-xagħri f’postijiet diffiċli biex jintlaħqu, u baqaʼ jgħammar fir-reġjun muntanjuż fix-xagħri taʼ Żif.+ U Sawl baqaʼ jfittxu dejjem,+ u Alla ma tahx f’idu.+
15 U David baqaʼ beżgħan minħabba li Sawl kien ħareġ biex jipprova jiħodlu ħajtu waqt li David kien fix-xagħri taʼ Żif f’Ħores.*+
16 Ġonatan, bin Sawl, issa qam u mar għand David f’Ħores, sabiex isaħħaħlu+ l-fiduċja tiegħu f’Alla.+
17 U ssokta jgħidlu: “Tibżax;+ għax id Sawl, missieri, ma ssibekx, u int tkun sultan+ fuq Israel, u jien inkun it-tieni warajk; u Sawl, missieri, ukoll jafu dan.”+
18 Imbagħad it-tnejn li huma għamlu patt+ quddiem Ġeħova; u David baqaʼ jgħammar f’Ħores, u Ġonatan mar lejn daru.
19 Iktar tard l-irġiel taʼ Żif+ telgħu għand Sawl f’Gibegħa+ u qalulu: “M’huwiex David qed jinħeba+ qribna fil-postijiet diffiċli biex jintlaħqu f’Ħores,+ fuq l-għolja taʼ Ħakila,+ li qiegħda n-naħa tal-lemin tal-Ġesimon?*+
20 U issa, O sultan, inżel, inżel, bħalma ruħek hi mxennqa+ li tagħmel, u xogħolna jkun li nagħtuh f’id is-sultan.”+
21 Għal dan, Sawl qalilhom: “Imberkin intom minn Ġeħova,+ għax għadirtuni.
22 Morru, jekk jogħġobkom, ippersistu ftit iktar u tkixxfu u araw il-post tiegħu fejn imidd siequ—kulmin rah hemmhekk—għax qaluli li hu tassew makakk.+
23 U araw u tkixxfu dwar il-moħbiet kollha fejn jistaħba; u erġgħu lura għandi bl-evidenza, u jien immur magħkom; u jrid iseħħ li, jekk ikun fil-pajjiż, jien infittxu bir-reqqa fost l-eluf kollha+ taʼ Ġuda.”
24 Għalhekk, qamu u marru Żif+ qabel Sawl, waqt li David u l-irġiel tiegħu kienu fix-xagħri taʼ Magħon+ fl-Għaraba+ lejn in-nofsinhar tal-Ġesimon.
25 Iktar tard Sawl ġie bl-irġiel tiegħu biex ifittxuh.+ Meta qalulu lil David, dan minnufih niżel lejn il-blat għoli+ u baqaʼ jgħammar fix-xagħri taʼ Magħon. Meta Sawl semaʼ b’dan, mar jiġri+ wara David fix-xagħri taʼ Magħon.
26 Eventwalment Sawl ġie fuq din in-naħa tal-muntanja, u David u l-irġiel tiegħu kienu fuq in-naħa l-oħra tal-muntanja. Għalhekk, David beda jgħaġġel biex jitlaq+ minħabba Sawl; sadanittant Sawl u l-irġiel tiegħu kienu qed idawru lil David u l-irġiel tiegħu biex jaqbduhom.+
27 Imma ġie messaġġier għand Sawl u qallu: “Għaġġel u mur, għax il-Filistin attakkaw il-pajjiż!”
28 B’hekk, Sawl ma baqax jiġri wara David+ u mar jiltaqaʼ mal-Filistin. Huwa għalhekk li dak il-post semmewh il-Blata tal-Firdiet.*
29 Imbagħad David telaʼ minn hemmhekk u beda jgħammar fil-postijiet diffiċli biex jintlaħqu f’Għajn-gedi.+
Noti taʼ taħt
^ Letteralment, “biegħu.”
^ Ifisser “Post bil-Boskijiet.”
^ Jew, “tad-deżert.”
^ Jew, “dak il-post semmewh Sela-ħammalekot,” li jirreferi għall-postijiet lixxi, jew li jiżolqu.

