1 Samwel 20:1-42

20  U David ħarab+ minn Najot f’Rama. Madankollu, ġie u qal quddiem Ġonatan: “X’għamilt jien?+ X’inhu l-​iżball tiegħi, u xi dnub għamilt quddiem missierek, biex qed jipprova jiħodli ħajti?” 2  Għal dan, hu wieġbu: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi!+ Int ma tmutx. Ara! Missieri ma jagħmilx ħaġa kbira jew ħaġa żgħira mingħajr ma jgħidli biha;*+ u għala għandu missieri jaħbi din il-​ħaġa minni?+ Dan mhux se jiġri.” 3  Imma David ħalef+ ukoll u qal: “Missierek żgur li jaf li jien sibt il-​ħniena f’għajnejk,+ u għalhekk jgħid, ‘Tħallix lil Ġonatan ikun jaf b’dan li ma jmurx iħossu mweġġaʼ.’ Imma, fil-​fatt, daqskemm Ġeħova+ hu ħaj u daqskemm ruħek hi ħajja,+ pass biss hemm bejni u bejn il-​mewt!”+ 4  U Ġonatan issokta jgħid lil David: “Kulma tgħid int nagħmilhulek.” 5  U David qal lil Ġonatan: “Ara! Għada qamar ġdid,+ u jien żgur li rrid inkun bil-​qiegħda għall-​ikel mas-​sultan; u int ħallini mmur, u jien ninħeba+ fl-​għalqa sa fil-​għaxija fit-​tielet jum. 6  Jekk missierek, fil-​fatt, jintebaħ li m’iniex hemm, għidlu, ‘David talabni bil-​ħerqa biex inħallih iwarrab għal ftit ħalli jaqbeż qabża sa Betlehem,+ il-​belt tiegħu, għaliex hemm sagrifiċċju li jsir kull sena hemmhekk għall-​familja kollha.’+ 7  Jekk jgħidlek hekk, ‘Kollox sew!’ ikun ifisser sliem għal qaddej tiegħek. Imma jekk, fil-​fatt, jirrabja, kun af li dak li hu ħażin ġie deċiż minnu.+ 8  U uri qalb tajba bl-​imħabba mal-​qaddej tiegħek,+ għax kien f’patt+ miegħek quddiem Ġeħova li int daħħalt lill-​qaddej tiegħek. Imma jekk jien għamilt xi żball,+ oqtolni int stess, għax għalfejn għandek tiħodni għand missierek?” 9  Għal dan, Ġonatan wieġbu: “Dan qatt ma jgħaddili minn moħħi dwarek! Imma jekk, fil-​fatt, insir naf li ġie deċiż minn missieri li jiġi fuqek id-​deni, taħseb li ma ngħidlekx bih?”+ 10  Imbagħad David qal lil Ġonatan: “Min se jgħidli jekk dak li jwieġbek missierek ikunx aħrax?” 11  U Ġonatan qal lil David: “Int ejja ħa noħorġu fl-​għalqa.” Għalhekk, it-​tnejn li huma ħarġu fl-​għalqa. 12  U Ġonatan issokta jgħid lil David: “Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel,+ ikun xhud+ li jien nistħarreġ lil missieri għada bħalissa, jew fit-​tielet jum, u jekk ikollu attitudni tajba lejn David, ma nibgħatx jien imbagħad u ngħidlek b’dan? 13  Għalhekk, jalla Ġeħova jagħmillu hekk lil Ġonatan, u iktar minn hekk,+ jekk, fil-​każ li missieri jidhirlu li hu tajjeb li jagħmillek id-​deni, jien ma ngħidlekx b’dan u nħallik tmur u int ma tmurx bis-​sliem. U jalla Ġeħova juri li qiegħed miegħek,+ sewwa sew bħalma wera li kien maʼ missieri.+ 14  U ma turix int, jekk inkun għadni ħaj,+ iva, ma turix il-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova miegħi, biex ma mmutx?+ 15  U int ma twarrabx il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek minn fuq dawk taʼ dari għal dejjem.+ Lanqas, meta Ġeħova jeqred l-​għedewwa taʼ David, kull wieħed minn wiċċ l-​art, 16  ma se jinqered isem Ġonatan mid-​dar taʼ David.+ U Ġeħova jitlob kont minn id l-​għedewwa taʼ David.” 17  Għalhekk, Ġonatan reġaʼ ħalef lil David sforz l-​imħabba li kellu lejh; għax kien iħobbu bħalma kien iħobb lilu nnifsu.+ 18  U Ġonatan issokta jgħidlu: “Għada qamar ġdid,+ u żgur li jintebħu li m’intix hemm, għaliex postok ikun vojt. 19  U fit-​tielet jum ikun ċar ħafna li m’intix hemm; u tiġi fil-​post fejn inħbejt+ fil-​ġurnata tax-​xogħol, u trid toqgħod ħdejn din il-​ġebla hawnhekk. 20  U jien nispara tliet vleġeġ lejn naħa waħda tagħha, biex inwaddabhom lejn fejn nimmira. 21  U, ara, nibgħat lill-​qaddej u ngħidlu, ‘Mur, sib il-​vleġeġ.’ Jekk lill-​qaddej ngħidlu speċifikament, ‘Ara! Il-​vleġeġ qegħdin din in-​naħa tiegħek, ġibhom,’ imbagħad ejja, għax ikun ifisser sliem għalik u ma jkun hemm xejn ħażin, daqskemm hu ħaj Ġeħova.+ 22  Imma jekk lill-​ġuvnott ngħidlu hekk, ‘Ara! Il-​vleġeġ qegħdin iktar ’il bogħod minnek,’ mur, għax Ġeħova jkun bagħtek. 23  U dwar il-​kelma li għedna,+ jien u int, ara, jalla Ġeħova jkun bejni u bejnek għal dejjem.”+ 24  U David inħeba fl-​għalqa.+ U kien qamar ġdid, u s-​sultan ħa postu biex jiekol l-​ikla.+ 25  U s-​sultan kien bil-​qiegħda f’postu bħas-​soltu, fil-​post taʼ ħdejn il-​ħajt; u Ġonatan kien faċċata tiegħu, u Abner+ kien bil-​qiegħda maġenb Sawl, imma post David kien vojt. 26  U Sawl ma qal assolutament xejn dakinhar, għax qal bejnu u bejn ruħu: “Ġara xi ħaġa, u b’hekk mhux nadif,+ għax ma tnaddafx.” 27  U ġara, l-​għada tal-​qamar ġdid, fit-​tieni jum, li post David baqaʼ vojt. U Sawl qal lil ibnu Ġonatan: “Bin Ġesse+ għala ma ġiex għall-​ikla la l-​bieraħ u lanqas illum?” 28  Għalhekk, Ġonatan wieġeb lil Sawl: “David talabni bil-​ħerqa biex inħallih iwarrab għal ftit ħalli jmur Betlehem.+ 29  U ssokta jgħidli, ‘Ħallini mmur, jekk jogħġbok, għaliex għandna sagrifiċċju tal-​familja fil-​belt, u kien ħija stess li kkmandani. Għalhekk, issa, jekk sibt il-​ħniena f’għajnejk, ħallini nitlaq baxx baxx, jekk jogħġbok, biex nara lil ħuti.’ Huwa għalhekk li ma ġiex mal-​mejda tas-​sultan.” 30  Imbagħad Sawl xegħel bir-​rabja+ kontra Ġonatan u qallu: “Ja bin mara ribelluża,+ ma nafx tajjeb jien li int qed tippreferi lil bin Ġesse b’għajb għalik u b’għajb għall-​għera t’ommok?+ 31  Għax il-​jiem kollha li bin Ġesse jkun ħaj fuq l-​art, int u saltnatek ma tkunux stabbiliti fis-​sod.+ Għalhekk, issa, ibgħat ġibhuli, għax ħaqqu l-​mewt.”+ 32  Madankollu, Ġonatan wieġeb lil Sawl, missieru, u qallu: “Għala għandu jingħata l-​mewt?+ X’għamel?”+ 33  U Sawl waddablu l-​lanza biex jolqtu;+ u Ġonatan sar jaf li kien ġie deċiż minn missieru li joqtol lil David.+ 34  Minnufih, Ġonatan qam minn fuq il-​mejda b’saħna kbira fuqu,+ u ma kielx ħobż fit-​tieni jum wara l-​qamar ġdid, għax ħassu mweġġaʼ dwar David,+ għaliex missieru kien umiljah.+ 35  U ġara fil-​għodu li Ġonatan ħareġ fl-​għalqa fejn kien hemm il-​post magħżul minn David,+ u miegħu kien hemm qaddej żagħżugħ. 36  U hu qal lill-​qaddej tiegħu: “Iġri, jekk jogħġbok, sib il-​vleġeġ li qed nispara.”+ Il-​qaddej ġera, u hu spara l-​vleġġa biex tgħaddi ’l hemm minnu. 37  Meta l-​qaddej wasal fil-​post fejn kien hemm il-​vleġġa li kien spara Ġonatan, Ġonatan beda jgħajjat minn wara l-​qaddej u jgħid: “M’hijiex il-​vleġġa iktar ’il bogħod minnek?”+ 38  U Ġonatan issokta jgħajjat minn wara l-​qaddej: “Għaġġel! Aġixxi malajr! Tiqafx!” U l-​qaddej taʼ Ġonatan ġabar il-​vleġeġ u mar ħdejn sidu. 39  U l-​qaddej ma kien jaf xejn; Ġonatan u David biss kienu jafu dwar il-​kwistjoni. 40  Imbagħad Ġonatan ta l-​armi tiegħu lill-​qaddej tiegħu u qallu: “Mur, ħudhom il-​belt.” 41  Il-qaddej mar. U David qam minn post fil-​qrib li kien lejn in-​nofsinhar. Imbagħad inxteħet wiċċu fl-​art+ u miel tliet darbiet; u bdew ibusu+ lil xulxin u jibku lil xulxin, imma l-​iktar David.+ 42  U Ġonatan issokta jgħid lil David: “Mur bis-​sliem,+ ladarba ħlifna,+ it-​tnejn li aħna, f’isem Ġeħova, u għedna, ‘Jalla Ġeħova juri li qiegħed bejni u bejnek u bejn nisli u bejn nislek għal dejjem.’”+ Għaldaqstant, David qam u telaq, u Ġonatan daħal il-​belt.

Noti taʼ taħt

^ Letteralment, “mingħajr ma jikxifli widinti.” F’versi 12 u 13 ukoll.