1 Samwel 28:1-25
28 U ġara li f’dawk il-jiem il-Filistin bdew jiġimgħu l-kampijiet tagħhom għall-armata biex jiggwerraw kontra Israel.+ Għalhekk, Akis qal lil David: “Int bla dubju taf li miegħi għandek toħroġ fil-kamp, int u l-irġiel tiegħek.”+
2 U David wieġeb lil Akis: “Huwa għalhekk li int stess taf x’se jagħmel il-qaddej tiegħek.” Għaldaqstant, Akis qal lil David: “Huwa għalhekk li se naħtrek dejjem għassies tiegħi.”*+
3 Issa Samwel kien miet, u Israel kollu kien bkieh u difnu f’Rama, il-belt tiegħu.+ U Sawl kien neħħa mill-pajjiż lill-medji taʼ l-ispirti u lil dawk li xogħolhom kien li jbassru l-ġrajjiet.+
4 Imbagħad il-Filistin inġabru flimkien u ġew u kkampjaw f’Sunem.+ Għalhekk, Sawl ġabar flimkien lil Israel kollu u kkampjaw f’Gilbogħa.+
5 Meta Sawl ra l-kamp tal-Filistin beda jibżaʼ, u qalbu bdiet tirtogħod ħafna.+
6 Għalkemm Sawl kien jistaqsi lil Ġeħova,+ Ġeħova qatt ma wieġbu,+ la bil-ħolm,+ la bl-Urim,+ u lanqas bil-profeti.+
7 Fl-aħħar, Sawl qal lill-qaddejja tiegħu: “Fittxuli mara taʼ ħila li hi medjum taʼ l-ispirti,+ u jien immur għandha u nikkonsulta magħha.” Imbagħad il-qaddejja tiegħu qalulu: “Ara! Hemm mara taʼ ħila li hi medjum taʼ l-ispirti f’Għajn-dor.”+
8 Għalhekk, Sawl libes ilbies ieħor sabiex ma jintgħarafx+ u mar, hu u żewġt irġiel miegħu; u waslu għand il-mara bil-lejl.+ Hu issa qalilha: “Eħber għalija,+ jekk jogħġbok, bħala medjum taʼ l-ispirti u tellagħli lil min ngħidlek jien.”
9 Madankollu, il-mara qaltlu: “Ara! Int stess taf tajjeb x’għamel Sawl, kif qered mill-pajjiż lill-medji taʼ l-ispirti u lil dawk li xogħolhom kien li jbassru l-ġrajjiet.+ Allura, għala qed tonsobli ruħi biex toqtolni?”+
10 Minnufih Sawl ħalfilha b’Ġeħova u qalilha: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova,+ il-ħtija għall-iżball m’hijiex se tiġi fuqek minħabba din il-kwistjoni!”
11 Għal dan, il-mara qaltlu: “Lil min intellagħlek?” Wiġibha: “Tellagħli lil Samwel.”+
12 Meta l-mara rat lil “Samwel”*+ bdiet tgħajjat kemm tiflaħ; u l-mara ssoktat tgħid lil Sawl: “Għala dħaqt bija, meta int stess Sawl?”
13 Imma s-sultan qalilha: “Tibżax, imma x’rajt?” U l-mara ssoktat tgħid lil Sawl: “Rajt alla+ tielaʼ mill-art.”
14 Minnufih qalilha: “X’sura għandu?” u hi qaltlu: “Raġel xiħ tielaʼ, u hu mkebbeb b’libsa bla kmiem.”+ B’hekk, Sawl għaraf li kien “Samwel,”+ u miel u nxteħet wiċċu fl-art.
15 U “Samwel” qal lil Sawl: “Għala qgħadt taqlagħni u tellajtni hawn?”+ U Sawl wieġeb: “Ninsab f’sitwazzjoni mwiegħra ħafna,+ għax il-Filistin qed jiġġieldu kontrija, u Alla telaqni+ u ma wiġibnix iktar, la permezz tal-profeti u lanqas permezz tal-ħolm;+ u b’hekk qed insejjaħ lilek biex tgħidli x’għandi nagħmel.”+
16 U “Samwel” issokta jgħid: “Allura, għala qed tistaqsi lili, meta Ġeħova stess telqek+ u hu l-avversarju tiegħek?+
17 U Ġeħova se jagħmel hu nnifsu dak li qal permezz tiegħi, u Ġeħova se jaħtaflek is-saltna minn idek+ u jagħtiha lil sieħbek David.+
18 Talli ma smajtx minn leħen Ġeħova,+ u ma wettaqtx ir-rabja taħraq tiegħu kontra Għamalek,+ huwa għalhekk li Ġeħova se jagħmillek dan illum.
19 U Ġeħova se jagħti wkoll lil Israel miegħek f’idejn il-Filistin,+ u għada int+ u wliedek+ se tkunu miegħi. Saħansitra l-kamp taʼ Israel, Ġeħova se jagħtih f’idejn il-Filistin.”+
20 Minnufih Sawl waqaʼ minn tulu fl-art u beda jibżaʼ ħafna minħabba kliem “Samwel.” Ukoll, ma kellu ebda qawwa fih, għaliex ma kien kiel ebda ikel il-ġurnata kollha u l-lejl kollu.
21 Il-mara issa marret ħdejn Sawl u rat li kien tħawwad ħafna. Għalhekk, qaltlu: “Ara! Il-qaddejja tiegħek semgħet minn leħnek, u jien issograjt ħajti+ u smajt mill-kliem li għedtli.
22 U issa, jekk jogħġbok, int, mill-banda l-oħra, ismaʼ minn leħen il-qaddejja tiegħek; u ħa nqiegħed biċċa ħobż quddiemek, u kul, sabiex ikollok il-qawwa fik, peress li trid tmur għal triqtek.”
23 Imma ma riedx u qal: “M’iniex se niekol.” Madankollu, il-qaddejja tiegħu kif ukoll il-mara baqgħu jħeġġuh. Fl-aħħar, hu semaʼ minn leħinhom u qam mill-art u qagħad fuq is-sodda.
24 Issa l-mara kellha għoġol imsemmen+ fid-dar. Għalhekk, hi malajr qatlitu*+ u ħadet id-dqiq u għaġnitu u għamlitu ħobż bla ħmira u ħmietu.
25 Imbagħad ġabitu lil Sawl u lill-qaddejja tiegħu, u kielu. Wara dan, qamu u telqu matul dak il-lejl.+
Noti taʼ taħt
^ Jew, “għassies taʼ rasi.”
^ F’dan il-kapitlu l-virgoletti maʼ l-isem Samwel juru li ma kienx veru hu.
^ Letteralment, “issagrifikatu.”

